Skrittura
Duttrina u Patti 9


Sezzjoni 9

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta lil Oliver Cowdery, f’Harmony, Pennsylvania, f’April 1829. Oliver jiġi mwissi biex juri s‑sabar u jiġi mħeġġeġ biex għalissa jaċċetta li jkun il‑persuna li jikteb dak li jkun qed jgħid it‑traduttur, minflok ma jipprova jittraduċi huwa stess.

1–6, Annali antiki oħra għad iridu jiġu tradotti; 7–14, Il‑Ktieb ta’ Mormon jiġi tradott permezz tal‑istudju u l‑konferma spiritwali.

Ara ibni, jiena ngħidlek li għax inti ma ġejtx imsejjaħ biex tittraduċi, kif inti xtaqt mingħandi, u erġajt bdejt tagħmilha ta’ skriba għall‑qaddej tiegħi, Joseph Smith, Jun., għalhekk jien nixtieqek tkompli għaddej sakemm ittemm din il‑kitba, li jiena fdajt f’idejh.

U mbagħad, ara, jien għandi annali oħra, u jiena nagħtik il‑qawwa biex inti tgħin fit‑traduzzjoni tagħhom.

Nitolbok turi s‑sabar, O ibni, għax fl‑għerf tiegħi ma jaqbilx li inti għandek tittraduċi għalissa.

Ara, il‑ħidma li inti ġejt imsejjaħ għaliha hi li tagħmilha ta’ skriba għall‑qaddej tiegħi Joseph.

U, ara, huwa sewwasew għax inti ma bqajtx għaddej kif kont fil‑bidu, meta inti bdejt tittraduċi, li jiena ħadt mingħandek dan il‑privileġġ.

Toqgħodx tilmenta, ibni, għax huwa fl‑għerf tiegħi li jiena mxejt miegħek b’dan il‑mod.

Ara, inti ma fhimtx sew; inti ħsibt li jien kont se nagħtik dan il‑privileġġ, meta int lanqas biss qgħadt tixtarr dwar dan, għajr li ġejt tistaqsini.

Iżda, ara, jiena ngħidlek, li inti għandek tixtarr dan f’moħħok; imbagħad għandek tistaqsini jekk hux sewwa, u jekk huwa sewwa jiena nara li inti tħoss bħal nar jaqbad ġewwa fik; b’hekk, inti tħoss li huwa sewwa.

Iżda jekk mhuwiex sewwa inti ma tħoss l‑ebda sentiment bħal dan, iżda minflok ikollok bħal stupru ta’ ħsieb li jwasslek biex tinsa dak li hu ħażin; għalhekk, inti ma tistax tikteb dak li hu sagru jekk ma jiġix mogħti lilek mingħandi.

10 Issa, li kieku inti kont taf dan kont tkun tista’ tittraduċi; madankollu, ma jaqbilx li inti tittraduċi bħalissa.

11 Ara, meta inti bdejt tittraduċi, kien jaqbel li tagħmel dan; iżda inti bdejt tibża’, u ż‑żmien għaddielek, u issa ma jaqbilx li inti tittraduċi;

12 Għax inti m’intix tara li jiena tajt lill‑qaddej tiegħi Joseph biżżejjed qawwa, li tagħmel tajjeb għaliha? U jien lil ħadd minnkom ma kkundannajt.

13 Agħmel dak li qed nordnalek, u inti jkollok ir‑risq. Kun fidil, u taqax fit‑tiġrib.

14 Żomm sħiħ fil‑ħidma li sejjaħtlek għaliha, u lanqas xagħra waħda minn rasek ma tintilef, u inti tkun mgħolli ’l fuq fl‑aħħar jum. Ammen.