Skrittura
Duttrina u Patti 72


Sezzjoni 72

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar l‑4 ta’ Diċembru, 1831. Bosta presbiteri u membri nġabru flimkien biex jitgħallmu dwar dmirijiethom u biex jingħataw aktar struzzjonijiet fejn jidħol it‑tagħlim tal‑Knisja. Din is‑sezzjoni hija ġabra ta’ tliet rivelazzjonijiet li ngħataw fl‑istess jum. Vers 1 sa 8 tiġi żvelata s‑sejħa ta’ Newel K. Whitney bħala isqof. Huwa mbagħad ġie msejjaħ u ordnat, u wara ngħataw minn vers 9 sa vers 23, fejn tingħata aktar informazzjoni dwar id‑dmirijiet ta’ isqof. Imbagħad wara ngħataw minn vers 24 sa vers 26, fejn jingħataw ċertu struzzjonijiet dwar il‑ġabra eventwali f’Sijon.

1–8, Il‑presbiteri għandhom jibagħtu rapport ta’ dak kollu li huma responsabbli minnu lill‑isqof; 9–15, L‑isqof imexxi l‑maħżen u jieħdu ħsieb il‑foqra u ’l dawk fil‑bżonn; 16–26, L‑isqfijiet għandhom jiċċertifikaw id‑denjità tal‑presbiteri.

1 Agħtu widen, u isimgħu leħen il‑Mulej, intom kollha li nġbartu flimkien, li intom il‑qassisin il‑kbar tal‑knisja tiegħi, li lilkom ingħatat is‑saltna u l‑qawwa.

2 Għax tassew dan jgħid il‑Mulej, jiena nħoss li hu xieraq li intom taħtru isqof, jew aħjar, taħtru wieħed minn fostkom, fil‑knisja li hawn f’din in‑naħa tal‑għalqa tal‑Mulej.

3 U f’din il‑ħaġa intom tassew ħdimtu b’għaqal, għax dan hu li jrid il‑Mulej minn kull amministratur, li jagħti kont ta’ dak kollu li tħalla responsabbli minnu, kemm f’dan iż‑żmien kif ukoll fl‑eternità.

4 Għax min hu fidil u għaqli f’dan iż‑żmien lilu jiena nqis bħala denn li jiret l‑abitazzjonijiet li hemm imħejjija għalih minn missieri.

5 Tassew ngħidilkom, li l‑presbiteri tal‑knisja f’din in‑naħa tal‑għalqa tiegħi għandhom jagħtu kont ta’ dak kollu li tħallew responsabbli minnu lill‑isqof, li se jingħażel minni f’din in‑naħa tal‑għalqa tiegħi.

6 Huma għandhom jiktbu rapport dwar dan kollu u jgħadduh f’idejn l‑isqof ġewwa Sijon.

7 U d‑dmir tal‑isqof jiġi żvelat permezz tal‑kmandamenti li ngħataw, u permezz ta’ leħen in‑nies waqt il‑konferenza.

8 U issa, tassew ngħidilkom, li l‑qaddej tiegħi Newel K. Whitney huwa l‑bniedem li għandu jiġu magħżul u ordnat biex lilu tingħata din is‑setgħa. Din hija r‑rieda tal‑Mulej Alla tagħkom, il‑Feddej tagħkom. Hekk għandu jkun. Ammen.

9 Il‑kelma tal‑Mulej, flimkien mal‑liġi li ngħatat, li tiżvela d‑dmir tal‑isqof li ġie ordnat fil‑knisja li hawn f’din in‑naħa tal‑għalqa, hija sewwasew din—

10 Li huwa jieħu ħsieb il‑maħżen tal‑Mulej; u li jilqa’ għandu l‑fondi tal‑knisja f’din in‑naħa tal‑għalqa;

11 Li huwa jirċievi għandu rapport mingħand il‑presbiteri kif ġie ordnat jagħmel qabel; u li jipprovdi għall‑bżonnijiet tagħhom, fejn huma għandhom iħallsu għal dak li jingħataw, dejjem jekk huma jkollhom biex iħallsu;

12 U dan għandu jiġi kkonsagrat ukoll għall‑ġid tal‑knisja, għall‑foqra u għal dawk fil‑bżonn.

13 U għandu jinżamm rendikont ta’ min m’għandux biex iħallas u jingħata f’idejn l‑isqof ta’ Sijon, fejn huwa għandu jħallas id‑dejn minn dak li jagħtih il‑Mulej.

14 U l‑ħidma tal‑fidili li jaħdmu fi ħwejjeġ spiritwali, fejn huma jamministraw l‑evanġelju u l‑ħwejjeġ tas‑saltna fil‑knisja u fid‑dinja, għandha tagħmel tajjeb għad‑dejn, fejn il‑flus għandhom jgħaddu f’idejn l‑isqof ġewwa Sijon.

15 B’hekk id‑dejn jitħallas mill‑knisja, għax skont il‑liġi, kull min jiġi f’Sijon għandu jgħaddi l‑ġid kollu tiegħu f’idejn l‑isqof ġewwa Sijon.

16 U issa, tassew ngħidilkom, li hekk kif kull presbiteru f’din in‑naħa tal‑għalqa għandu jagħti kont ta’ dak kollu li huwa tħalla responsabbli minnu lill‑isqof f’din‑naħa tal‑għalqa—

17 L‑imħallef jew l‑isqof f’din‑naħa tal‑għalqa għandu jagħmel ċertifikat biex jingħata lill‑isqof ġewwa Sijon, li jiċċertifika li kull bniedem huwa denn, u li huwa jissodisfa r‑rekwiżiti kollha biex huwa jingħata sehmu, u biex jiġi aċċettat bħala amministratur għaqli u ħaddiem fidil;

18 Altrimenti huwa ma jiġix aċċetta mill‑isqof ta’ Sijon.

19 U issa, tassew ngħidilkom, jeħtieġ li kull presbiteru, li jagħti kont ta’ ħidmietu lill‑isqof tal‑knisja f’din‑naħa tal‑għalqa, jiġi rakkomandat mill‑knisja jew mill‑knejjes, fejn huwa jaħdem, ħalli huwa jkun jista’ jagħmel lilu nnifsu u ħidmietu aċċettabbli f’kull ħaġa.

20 U jeħtieġ ukoll li l‑qaddejja tiegħi li ġew magħżula biex jamministraw il‑materjal miktub tal‑knisja tiegħi ikollhom dritt li jingħataw l‑għajnuna mill‑isqof jew mill‑isqfijiet f’kull ħaġa—

21 Ħalli r‑rivelazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu ppubblikati, u jintbagħtu sa truf l‑art; biex huma wkoll ikunu jistgħu jiksbu l‑fondi, li jkunu ta’ benefiċċju għall‑knisja f’kull ħaġa;

22 Ħalli huma jkunu jistgħu wkoll jagħmlu lilhom infushom aċċettabbli f’kull ħaġa, u jiġu kkunsidrati bħala amministraturi għaqlin.

23 U issa, araw, dan għandu jkun eżempju li fuqu għandhom jimxu l‑fergħat kollha tal‑knisja tiegħi mifruxa ma’ kullimkien, f’kull art li fiha jiġu organizzati. U issa jiena m’iniex se nitkellem aktar. Ammen.

24 U issa, minbarra l‑liġijiet tas‑saltna, se ngħid ftit kliem li jirrigwarda l‑membri tal‑knisja—li ġew magħżula mill‑Ispirtu s‑Santu biex imorru f’Sijon, u dawk kollha li għandhom il‑privileġġ li jmorru f’Sijon—

25 Huma għandhom jieħdu għand l‑isqof ċertifikat mingħand tlieta mill‑presbiteri tal‑knisja, jew ċertifikat mingħand l‑isqof;

26 Altrimenti min jitla’ fl‑art ta’ Sijon ma jiġix ikkunsidrat bħala amministratur għaqli. Dan huwa wkoll eżempju li wieħed għandu jimxi fuqu. Ammen.