Skrittura
Duttrina u Patti 7


Sezzjoni 7

Rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith il‑Profeta u Oliver Cowdery, f’Harmony, Pennsylvania, f’April 1829, meta huma talbu biex ikunu jafu, permezz tal‑Urim u t‑Tummim, jekk Ġwanni, id‑dixxiplu l‑maħbub, baqax jgħammar fil‑ġisem jew inkella miet. Ir‑rivelazzjoni hija verżjoni tradotta tal‑kitba miktuba fuq parċmina minn Ġwanni u li ġiet moħbija minnu stess.

1–3, Ġwanni l‑Maħbub se jibqa’ jgħix sakemm il‑Mulej jerġa’ jiġi; 4–8, Pietru, Ġakbu u Ġwanni jħaddnu l‑imfietaħ tal‑evanġelju.

1 U l‑Mulej qalli: O maħbub tiegħi Ġwanni, x’inhi x‑xewqa tiegħek? Għax kulma inti titlobni, jingħatalek.

2 U jiena għidtlu: Mulej, agħtini s‑setgħa fuq il‑mewt, ħalli nkun nista’ ngħix u nressaq l‑erwieħ lejk.

3 U l‑Mulej qalli: Tassew, tassew, ngħidlek, peress li inti tixtieq dan inti se tibqa’ tgħammar fuq l‑art sakemm jiena niġi fil‑glorja tiegħi, u inti għad tħabbar quddiem kull ġens, tribù, ilsien, u poplu.

4 U kien minħabba f’hekk li l‑Mulej qal lil Pietru: Jekk jien irridu jibqa’ sa ma niġi, inti x’inhi affarik? Għax huwa xtaq mingħandi li jkun jista’ jressaq l‑erwieħ lejja, iżda inti tixtieq li ma ddumx ma tiġi ħdejja fis‑saltna tiegħi.

5 Jiena ngħidlek, O Pietru, li din kienet xewqa tajba; iżda l‑maħbub tiegħi xtaq li jagħmel aktar minn hekk, jew aħjar, hu xtaq li jwettaq ħidma akbar fost il‑bnedmin milli huwa wettaq qabel.

6 Iva, huwa daħal għal ħidma akbar; għalhekk jiena lilu se nagħmlu bħal nar iħeġġeġ u anġlu li jaqdi; huwa sejjer jaqdi lil dawk li jgħammru fuq l‑art li se jkunu werrieta tas‑salvazzjoni.

7 U jiena se nara li inti taqdi lilu u lil ħuk Ġakbu; u jiena se nagħti lilkom it‑tlieta din il‑qawwa u l‑imfietaħ ta’ dan il‑ministeru sakem jiena nerġa’ niġi.

8 Tassew, ngħidilkom, intom it‑tnejn se taqilgħu skont xewqatkom, għax it‑tnejn li intom tithennew minħabba x‑xewqat tagħkom.