Sezzjoni 48
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar l‑10 ta’ Marzu, 1831. Il‑Profeta talab lill‑Mulej biex isir jaf x’metodu għandu jintuża sabiex jiġu akkwistati l‑artijiet biex fuqhom jissetiljaw il‑Qaddisin. Din kienet kwistjoni mill‑aktar importanti fid‑dawl tal‑migrazzjoni tal‑membri tal‑Knisja mil‑lvant tal‑Istati Uniti, biex jobdu l‑ordni tal‑Mulej li jmorru jinġabru flimkien f’Ohio (ara sezzjonijiet 37:1–3; 45:64).
1–3, Il‑Qaddisin f’Ohio għandhom jaqsmu artijiethom ma’ ħuthom; 4–6, Il‑Qaddisin għandhom jixtru l‑artijiet, jibnu belt, u jimxu wara l‑parir tal‑uffiċjali li jippresedu fuqhom.
1 Hemm bżonn li għalissa intom tibqgħu fil‑postijiet li qed tgħammru fihom bħalissa, għax fiċ‑ċirkustanzi tagħkom hu xieraq li intom tagħmlu dan.
2 U jekk intom għandkom l‑artijiet, araw li taqsmuhom ma’ ħutkom tal‑lvant;
3 U jekk intom m’għandkomx artijiet, għalissa ħalluhom jixtru fl‑inħawi tal‑madwar, kif inhu l‑aħjar għalihom, għax jeħtieġ li għalissa huma jkollhom postijiet fejn jgħixu.
4 Jeħtieġ li intom tfaddlu flus kemm jista’ jkun, u dak kollu li takkwistaw araw li takkwistawh b’mod tajjeb, biex maż‑żmien tkunu tistgħu tixtru art biex tirtuha, sewwasew il‑belt.
5 Il‑post għadu ma ġiex żvelat; iżda wara li ħutkom jiġu mil‑lvant, sejrin jinħatru ċerti rġiel, u jingħata lilhom li jkunu jafu l‑post, jew fi kliem ieħor, jiġi żvelat lilhom il‑post.
6 U huma se jinħatru biex jixtru l‑artijiet, u biex jibdew iħejju ħalli jibnu l‑pedament tal‑belt; u mbagħad intom għandkom tibdew tinġabru mal‑familji tagħkom, kull raġel skont familtu, skont iċ‑ċirkustanzi tiegħu, u kif jingħata lilu mill‑presidenza u mill‑isqof tal‑knisja, skont il‑liġijiet u l‑kmandamenti li ġew mogħtija lilkom, u li għad tridu tingħataw. Hekk għandu jkun. Ammen.