Skrittura
Duttrina u Patti 109


Sezzjoni 109

Talba li ġie offruta waqt id‑dedikazzjoni tat‑tempju ġewwa Kirtland, Ohio, nhar is‑27 ta’ Marzu, 1836. It‑talba ngħatat permezz ta’ rivelazzjoni lill‑Profeta u mexxejja oħra tal‑Knisja hekk kif il‑lejl ta’ qabel baqgħu jaħdmu sat‑tard biex jippreparawha.

1–5, It‑Tempju ta’ Kirtland inbena bħala post li jkun jista’ jżuru Bin il‑Bniedem; 6–21, Hu għandu jkun dar ta’ talb, ta’ sawm, ta’ fidi, ta’ tagħlim, ta’ glorja, u ta’ ordni, u dar ta’ Alla; 22–33, Jalla jibqa’ b’ħalqu miftuħ dak li jibqa’ ma jindimx u li jeħodha kontra l‑poplu tal‑Mulej; 34–42, Jalla l‑Qaddisin imorru b’qawwa jiġbru lit‑twajbin ġewwa Sijon; 43–53, Jalla l‑Qaddisin jeħilsuha mill‑ħwejjeġ tal‑biża’ li sejrin jolqtu lill‑ħżiena fl‑aħħar żminijiet; 54–58, Jalla l‑ġnus u l‑popli u l‑knejjes ikunu lesti li jilqgħu l‑evanġelju; 59–67, Jalla jiksbu l‑fidwa kemm il‑Lhud, kemm il‑Lamaniti, u kemm dawk kollha li huma parti minn Iżrael; 68–80, Jalla l‑Qaddisin jiġu mżejna bil‑glorja u l‑ġieħ u jikbsu s‑salvazzjoni ta’ dejjem.

Inroddu ħajr lil ismek, O Mulej Alla ta’ Iżrael, inti li tħares il‑patt u turi ħniena mal‑qaddejja tiegħek li b’qalbhom kollha jimxu bla ħtija quddiemek—

Inti li ordnajt lill‑qaddejja tiegħek biex jibnu dar lil ismek f’dan il‑post [Kirtland].

U issa qed tara, O Mulej, li l‑qaddejja tiegħek għamlu skont ma inti ordnajtilhom.

U issa nitolbuk, O Missier Qaddis, f’isem Ġesù Kristu, l‑Iben li jistrieħ fi ħdanek, li hu permezz ta’ ismu biss li s‑salvazzjoni tista’ titwassal lil ulied il‑bnedmin, aħna nitolbuk, O Mulej, biex tilqa’ din id‑dar, li hija xogħol idejna, aħna l‑qaddejja tiegħek, li lilna inti ordnajt biex nibnuha.

Għax inti taf li aħna għamilna din l‑opra waqt li konna għaddejjin minn żmien ta’ taħbit kbir; u minkejja l‑faqar tagħna aħna tajna minn dak li għandna biex nibnu dar lil ismek, biex Bin il‑Bniedem ikun jista’ jkollu post fejn ikun jista’ juri lilu nnifsu lill‑poplu tiegħu.

U kif inti għidtilna f’rivelazzjoni li tajtna, hekk kif lilna indirizzajtna bħala l‑ħbieb tiegħek, u għidt—Sejħu laqgħa solenni, kif ordnajtilkom jien;

U peress li mhux ilkoll għandkom il‑fidi, fittxu bir‑reqqa biex tgħallmu lil xulxin kliem il‑għerf; iva, fittxu fl‑aqwa kotba kliem il‑għerf, fittxu li titgħallmu kemm permezz tal‑istudju kif ukoll permezz tal‑fidi;

Organizzaw irwieħkom; ħejju kull ħaġa meħtieġa, u waqqfu dar, sewwasew dar ta’ talb, dar ta’ sawm, dar ta’ fidi, dar ta’ tagħlim, dar ta’ glorja, dar ta’ ordni, dar ta’ Alla;

Biex kull darba li tidħlu fiha tagħmlu dan f’isem il‑Mulej, u kull darba li toħorġu minnha tagħmlu dan f’isem il‑Mulej, ħalli t‑tislim kollu tagħkom isir f’isem il‑Mulej, waqt li tgħollu jdejkom ’il fuq lejn l‑Għoli—

10 U issa, Missier Qaddis, aħna l‑poplu tiegħek, qed nitolbuk sabiex tgħinna, permezz tal‑grazzja tiegħek, hekk kif aħna nsejħu laqgħa solenni, u nitolbu li dan isir b’mod li lilek jagħti ġieħ, u li jkunu aċċettabbli minnek;

11 U jsir b’mod fejn aħna niġu misjuba denji f’għajnejk biex niksbu dak kollu li inti wegħedtna, lilna l‑poplu tiegħek, fir‑rivelazzjonijiet li inti tajtna;

12 Biex il‑glorja tiegħek tissawwab fuq il‑poplu tiegħek, u fuq din id‑dar tiegħek, li issa niddedikaw lilek, biex hija titqaddes u tiġi kkonsagrata bħala dar qaddisa, u biex il‑preżenza qaddisa tiegħek tkun tista’ tgħammar dejjem f’din id‑dar;

13 U biex kull min jidħol fuq l‑għatba ta’ dar il‑Mulej ikun jista’ jħoss ġewwa fih il‑qawwa tiegħek, u jħoss li għandu jagħraf li lilha int qaddist, u li hi tabilħaqq darek, post qdusitek.

14 U nitolbuk, O Missier Qaddis, biex tgħin lil dawk kollha li jiġu jqimu f’din id‑dar jitgħallmu mill‑aqwa kotba kliem il‑għerf, u tgħinhom biex ifittxu li jitgħallmu kemm permezz tal‑istudju kif ukoll permezz tal‑fidi, kif inti għidt;

15 U biex huma jkunu jistgħu jikbru fik, u jiksbu l‑milja tal‑Ispirtu s‑Santu, u jorganizzaw irwieħhom skont il‑liġijiet tiegħi, u jitħejjew biex jiksbu kull ħaġa meħtieġa;

16 U biex din id‑dar tkun dar ta’ talb, dar ta’ sawm, dar ta’ fidi, dar ta’ glorja u ta’ Alla, sewwasew id‑dar tiegħek;

17 Biex kull darba li n‑nies tiegħek jidħlu f’din id‑dar, jagħmlu dan f’isem il‑Mulej;

18 U kull darba li n‑nies tiegħek joħorġu minn din id‑dar, jagħmlu dan f’isem il‑Mulej;

19 U t‑tislim kollu tagħhom isir f’isem il‑Mulej, b’idejn qaddisa mgħollija ’l fuq lejn l‑Għoli;

20 U l‑ebda ħaġa mniġġsa m’għandha titħalla tidħol f’darek biex tniġġisha;

21 U meta xi ħadd minn niesek jaqa’ fit‑trasgressjoni, huwa għandu jindem minnufih u jerġa’ lura għandek, u huwa jsib ħniena f’għajnejk, u jingħata lura l‑barkiet li inti rajt li jissawbu fuq dawk li jiġu jqimuk ġewwa darek.

22 U nitolbuk, O Missier Qaddis, biex il‑qaddejja tiegħek jkunu jistgħu joħorġu minn din id‑dar armati bil‑qawwa tiegħek, u jkunu jistgħu jieħdu fuqhom ismek, u jkunu mdawrin bil‑glorja tiegħek, u l‑anġli tiegħek jieħdu ħsiebhom;

23 U minn dan il‑post ikunu jistgħu jxandru fis‑sewwa l‑aħbar mill‑aktar kbira u glorjuża sa truf l‑art, biex in‑nies kollha jkunu jistgħu jagħrfu li din hi l‑ħidma tiegħek, u li inti middejt idek biex iġġib fis‑seħħ dak li ġie mlissen minn fomm il‑profeti, b’relazzjoni mal‑aħħar żminijiet.

24 Nitolbuk, O Missier Qaddis, biex tħares lill‑poplu li sejjer iqim b’unur u denjità f’din id‑dar tiegħek, tul iż‑żminijiet kollha, għal dejjem ta’ dejjem;

25 Biex l‑ebda arma magħmula kontrihom ma tkun tiswa; biex min iħaffer ħofra għalihom jispiċċa jaqa’ ġo fiha huwa stess;

26 Biex l‑ebda alleanza ta’ ħażen ma jkollha s‑setgħa tqum u tegħleb lill‑poplu tiegħek, li ħa fuqu ismek f’din id‑dar;

27 U jekk xi popli jqumu kontra dan il‑poplu, il‑qilla tiegħek tixgħel għalihom;

28 U jekk huma jidorbu lil dan il‑poplu inti lilhom tidrob; għall‑poplu tiegħek inti titqabad, kif għamilt f’jum il‑battalja, biex huma jinħelsu minn idejn l‑għedewwa kollha tagħhom.

29 Nitolbuk, O Missier Qaddis, biex lil dawk kollha madwar id‑dinja li qalgħu xi qlajjiet kollha kontra l‑qaddej jew il‑qaddejja tiegħek, issikkithom u tħallihom bla kliem, u twassalhom biex iħossuhom avviliti u mħawda, jekk jibqgħu ma jindmux meta l‑evanġelju ta’ dejjem jiġi mxandar f’widnejhom;

30 U nitolbuk ukoll biex l‑għemejjel kollha tagħhom jinġiebu fix‑xejn, u jispiċċaw jinqerdu bis‑silġ, u bil‑kastigi li inti tibgħat fuqhom fl‑għadab tiegħek, biex il‑gideb u l‑kalunnji kontra l‑poplu tiegħek ikunu jistgħu jiġu fi tmiemhom.

31 Għax inti taf, O Mulej, li l‑qaddejja tiegħek kienu bla ħtija quddiemek, fejn tidħol ix‑xhieda tagħhom għalik, u minħabba f’dan kellhom jgħaddu minn dan kollu.

32 Għalhekk nitolbuk bil‑ħerqa biex teħlishom għal kollox u għal dejjem minn dan il‑madmad;

33 Kissru O Mulej; kissru minn għonq il‑qaddejja tiegħek, permezz tal‑qawwa tiegħek, biex f’din il‑ġenerazzjoni aħna nkunu nistgħu nqumu u nwettqu l‑ħidma tiegħek.

34 O Jaħweh, nitolbuk biex ikollok ħniena minn dan il‑poplu, u hekk kif kulħadd jaqa’ fid‑dnub, nitolbuk biex taħfer it‑trasgressjonijiet tal‑poplu tiegħek, u tħassarhom darba għal dejjem.

35 Nitolbuk biex id‑dlik tal‑ministri tiegħek jiġi ssiġillat fuqhom b’qawwa mill‑għoli.

36 U nitolbuk biex issawwab fuq il‑poplu tiegħek id‑don tal‑ilsna, sewwasew ta’ ilsna qishom nar, kif ukoll it‑tifsira tagħhom, l‑istess kif sawwabt fuq dawk li kienu preżenti f’Għid il‑Ħamsin.

37 U nitolbu biex darek timtela, bħal ħoss ta’ riħ qawwi, bil‑glorja tiegħek.

38 Agħti lill‑qaddejja tiegħek ix‑xhieda tal‑patt, biex meta jmorru u jxandru l‑kelma tiegħek ikunu jistgħu jissiġillaw it‑tagħlim, u jħejju qlub il‑qaddisin tiegħek għall‑kastigi kollha li inti, fl‑għadab tiegħek, dalwaqt se tibgħat fuq in‑nies li jgħammru fuq din l‑art, minħabba t‑trasgressjonijiet tagħhom, biex f’jum il‑għawġ il‑poplu tiegħek ma jiddisprax.

39 U nitolbuk biex f’kull belt li jidħlu fiha l‑qaddejja tiegħek, fejn niesha jilqgħu x‑xhieda tagħhom, inti ssawwab is‑sliem u s‑salvazzjoni tiegħek fuq dik il‑belt; ħalli huma jkunu jistgħu jiġbru flimkien lit‑twajbin ta’ dik il‑belt, biex ikunu jistgħu jiġu f’Sijon, jew fil‑pali tagħha, sewwasew fil‑postijiet li int għażilt, u hemm jgħannu l‑għanjiet tal‑hena ta’ dejjem;

40 U sakemm iseħħ dan, la tibgħatx il‑kastigi tiegħek fuq dik il‑belt.

41 U nitolbuk biex f’kull belt li fiha jidħlu l‑qaddejja tiegħek, u n‑nies ta’ dik il‑belt ma jilqgħux ix‑xhieda tal‑qaddejja tiegħek, u l‑qaddejja tiegħek iwwissuhom biex huma jsalvaw lilhom infushom minn dan in‑nisel ħażin, inti tara li jseħħ minn dik il‑belt skont dak li ġie mħabbar permezz ta’ fomm il‑profeti tiegħek.

42 Iżda nitolbuk, O Jaħweh, biex jaħasra teħles lill‑qaddejja tiegħek minn taħt idejhom, u biex minn demmhom tnaddafhom.

43 O Mulej, aħna ma nieħdux gost bil‑qerda ta’ għajrna; ruħhom hi għażiża għalik;

44 Iżda l‑kelma tiegħek jeħtieġ li tiġi fis‑seħħ. Għin lill‑qaddejja tiegħek jgħidu, bl‑għajnuna tal‑grazzja tiegħek: Ikun li trid int, O Mulej, u mhux li rridu aħna.

45 Aħna nafu li permezz ta’ fomm il‑profeti tiegħek int għidt li fl‑aħħar żminijiet il‑ħżiena se jintlaqtu minn ħwejjeġ tal‑biża’—li inti se ssawwab fuqhom il‑kastigi tiegħek bla qjies;

46 Għalhekk, O Mulej, eħles lill‑poplu tiegħek mill‑qerda tal‑ħżiena; għin lill‑qaddejja tiegħek biex jissiġillaw it‑tagħlim, u jorbtu x‑xhieda, ħalli huma jkunu lesti għal jum in‑nirien.

47 Nitolbuk, O Missier Qaddis, biex tiftakar f’dawk li ġew imkeċċija mill‑artijiet ta’ wirthom min‑nies li jgħammru fil‑Kontea ta’ Jackson, f’Missouri, u nitolbuk tkisser, O Mulej, dan il‑madmad ta’ dwejjaq li tpoġġa fuqhom.

48 Inti taf, O Mulej, li huma sfaw maħqura u mgħakksa minn nies ħżiena; u qalbna mifnija bin‑niket minħabba t‑tagħbija mill‑aktar kbira li qed iġorru fuqhom.

49 O Mulej, kemm se ddum tħalli lil dan il‑poplu jgħaddi minn daqstant tbatija, u kemm se ddum tisma’ l‑krib tal‑innoċenti li hemm fosthom, u tħalli demmhom jixhed quddiemek, u ma turix ix‑xhieda tiegħek f’isimhom?

50 Ikollok ħniena, O Mulej, mill‑marmalja ta’ nies ħżiena, dawk li keċċew lill‑poplu tiegħek, biex huma jieqfu jħarbtu, u jindmu minn dnubiethom, jekk hu possibbli li jindmu;

51 Iżda jekk jibqgħu ma jindmux, ikxef driegħek, O Mulej, u ħu lura dik li int għażiltha biex tkun sewwasew Sijon għall‑poplu tiegħek.

52 U jekk dan ma jistax ikun, li l‑għan tal‑poplu tiegħek ma jiġix fis‑seħħ quddiemek, nitolbuk biex tixgħel il‑qilla tiegħek, ħalli huma jintlaqtu mill‑għadab tiegħek u jinqerdu, sew mill‑għeruq u sew mill‑fergħa, minn fuq wiċċ l‑art;

53 Iżda jekk huma jindmu, inti mill‑aktar grazzjuż u ħanin, u int lest li twarrab il‑korla tiegħek meta tħares fuq wiċċ il‑Midluk tiegħek.

54 Ikollok ħniena, O Mulej, mill‑ġnus kollha tal‑art; ikollok ħniena mill‑mexxejja ta’ artna; nitolbuk biex jitwaqqfu għal dejjem dawk il‑prinċipji, jiġifieri l‑Kostituzzjoni ta’ pajjiżna, li ġew imħarsa b’mod mill‑aktar onorabbli u nobbli minn missirijietna.

55 Ftakar fis‑slaten, fil‑prinċpijiet, fin‑nobbli, u l‑kbarat tad‑dinja, u fil‑popli kollha u l‑knejjes kollha, u fil‑foqra kollha u f’dawk kollha li huma fil‑bżonn, u fl‑imsejkna kollha tad‑dinja;

56 Biex meta l‑qaddejja tiegħek joħorġu minn darek, O Jaħweh, u jmorru jagħtu xhieda ta’ ismek, qalbhom tirtab; biex il‑preġudizzji tagħhom jgħosfru quddiem il‑verità, u l‑poplu tiegħek ikun jista’ jikseb il‑fiduċja ta’ kulħadd;

57 Biex it‑trufijiet kollha tal‑art isiru jafu li aħna, il‑qaddejja tiegħek, smajna leħnek, u kont int li bgħattna.

58 Biex minn fost dawn kollha, il‑qaddejja tiegħek, ulied Ġakobb, ikunu jistgħu jinġabru minn fost it‑twajbin biex jibnu belt qaddisa għal ismek, kif ordnajtilhom int.

59 Nitolbuk biex tagħti lil Sijon pali oħra, minbarra dan li tajtna, biex il‑ġabra tal‑poplu tiegħek tkun tista’ tkompli għaddejja b’qawwa mill‑aktar kbira, biex fis‑sewwa kollha l‑ħidma tiegħek tkun tista’ tiġi fi tmiemha f’qasir żmien.

60 Issa, O Mulej, aħna lissinna quddiemek dan il‑kliem, li jikkonċerna r‑rivelazzjonijiet u l‑kmandamenti li inti tajt lilna, aħna li nitqiesu mal‑Ġentili.

61 Iżda int taf li għandek imħabba kbira lejn ulied Ġakobb, li ilhom għal żmien twil fuq il‑muntanji minn fejn inxterdu fi żmien is‑sħab u s‑swied tal‑ajru.

62 Għalhekk nitolbuk biex ikollok ħniena minn ulied Ġakobb, biex minn din is‑siegħa Ġerusalemm tkun tista’ tibda tikseb il‑fidwa;

63 U l‑madmad tal‑jasar jkun jista’ jibda jitkisser minn ma’ dar David;

64 U wlied Ġuda jkunu jistgħu jibdew ġejjin lura lejn l‑artijiet li inti tajt lil missierhom Abraham.

65 U nitolbuk biex il‑fdal ta’ Ġakobb, li sfaw misħuta u midruba minħabba t‑trasgressjoni tagħhom, jikkonvertu mill‑istat aħrax u selvaġġ tagħhom għall‑milja tal‑evanġelju ta’ dejjem;

66 Biex huma jwarrbu l‑armi tagħhom li jwasslu għat‑tixrid tad‑demm, u ma jkomplux jirreżistu aktar.

67 U nitolbu biex il‑fdalijiet ta’ Iżrael li jinsabu mxerrdin, li ġew imġiegħla jaħarbu lejn truf l‑art, jaslu biex jagħrfu l‑verità, u jemmnu fil‑Messija, u jiġu mifdija mill‑oppressjoni, u quddiemek jithennew.

68 O Mulej, ftakar fil‑qaddej tiegħek, Joseph Smith, Jun., u fl‑hemm kollu tiegħu u fil‑persekuzzjoni li kellu jgħaddi minnha—u kif ma’ Jaħweh huwa għamel patt, u miegħek għamel wegħda, O Alla, il‑Qawwi ta’ Ġakobb—u ftakar fil‑kmandamenti li inti tajtu, u kif huwa ra li b’qalb sinċiera jagħmel dejjem ir‑rieda tiegħek.

69 Ikollok ħniena, O Mulej, minn martu u minn uliedu, biex igglorifikati huma jkunu fil‑preżenza tiegħek, u jkunu mħarsa permezz tal‑id ħanina tiegħek.

70 Ikollok ħniena mill‑qraba kollha tagħhom, biex il‑preġudizzji kollha tagħhom jitkissru u jinġarru mal‑ilmijiet; u biex huma jikkonvertu u jiġu mifdija flimkien ma’ Iżrael, u jagħrfu li inti Alla.

71 Ftakar, O Mulej, fil‑presidenti, sewwasew fil‑presidenti kollha tal‑knisja tiegħek, biex l‑id il‑leminija tiegħek tkun tista’ tigglorifikahom flimkien mal‑familji tagħhom, u l‑qraba tagħhom, u isimhom jibqa’ jiġi mfakkar għal dejjem minn nisel għal nisel.

72 Ftakar fil‑membri kollha tal‑knisja tiegħek, O Mulej, u fil‑familji kollha tagħhom, u fil‑qraba kollha tagħhom, flimkien mal‑morda u l‑magħkusa kollha tagħhom, u fil‑foqra u l‑imsejknin kollha tal‑art; biex is‑saltna, li inti qajjimt bla ma messha ħadd, tkun tista’ ssir muntanja mill‑aktar kbira, li tasal biex timla d‑dinja kollha;

73 Biex il‑knisja tiegħek tkun tista’ toħroġ lil hinn mid‑deżert mudlam, u hi tkun sabiħa bħall‑qamar, u tiddi bħax‑xemx, u tal‑biża’ bħal armata lesta għat‑taqbida;

74 U hi tkun tlellex bħal għarusa għal dak il‑jum li fih inti tikxef is‑smewwiet, u twassal biex il‑muntanji jitniżżlu ’l isfel quddiemek, u l‑widien jogħlew ’il fuq, u l‑postijiet imħarbta jillixxaw; biex il‑glorja tiegħek tkun tista’ timla d‑dinja;

75 Biex meta ddoqq it‑tromba għall‑mejtin, aħna ninħatfu fis‑sħab biex niltaqgħu miegħek, biex b’hekk inkunu dejjem mal‑Mulej;

76 Biex ilbiesna jkun safi, ħalli nkunu nistgħu nilbsu fuqna l‑imnatar tal‑ġustizzja, bil‑palm f’idejna, u b’kuruna ta’ glorja fuq rasna, u ngawdu l‑hena ta’ dejjem għat‑tbatija li batejna.

77 O Mulej Alla li Tista’ Kollox, isma’ talbna, u weġibna mis‑smewwiet, l‑għamara mqaddsa tiegħek, fejn fuq it‑tron tiegħek tinsab bilqiegħda, bil‑glorja, bl‑unur, bil‑qawwa, bil‑majestà, bis‑setgħa, bid‑dominju, bil‑verità, bil‑ġustizzja, bil‑ħaqq, bil‑ħniena, u bil‑milja infinita, minn dejjem għal dejjem.

78 Ismagħna, ismagħna, ismagħna, O Mulej! U wieġeb talbna, u ilqa’ d‑dedikazzjoni ta’ din id‑dar li qed niddedikaw għalik, li hi xogħol idejna, u li aħna bnejna għal ismek;

79 U ilqa’ wkoll din il‑knisja, u poġġi fuqha ismek. U bil‑qawwa tal‑Ispirtu tiegħek għinna ħalli nkunu nistgħu ningħaqdu permezz ta’ leħinna ma’ leħen is‑serafini kollhom dawl u dija madwar it‑tron tiegħek, u b’akklamazzjoni ta’ radd il‑ħajr, inkantaw, Hosanna lil Alla u lill‑Ħaruf!

80 U wassal biex dawn il‑magħżulin tiegħek jilbsu s‑salvazzjoni, u l‑qaddisin tiegħek jgħajtu bil‑hena. Ammen, u Ammen.