Sezzjoni 56
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar il‑15 ta’ Ġunju, 1831. Din ir‑rivelazzjoni ċċanfar lil Ezra Thayre talli ma obdiex rivelazzjoni li huwa rċieva qabel (il‑“kmandament” li hemm referenza għalih f’vers 8), li Joseph Smith rċieva f’ismu, li kienet tgħallem lil Thayre dwar id‑dmirijiet tiegħu fir‑razzett ta’ Frederick G. Williams, fejn kien joqgħod. Ir‑rivelazzjoni li ġejja tirrevoka s‑sejħa ta’ Thayre biex huwa jerħilha lejn Missouri flimkien ma’ Thomas B. Marsh (ara sezzjoni 52:22).
1–2, Il‑Qaddisin jeħtieġ li jerfgħu salibhom u jimxu wara l‑Mulej biex huma jiksbu s‑salvazzjoni; 3–13, Il‑Mulej jagħti l‑ordni u jirrevoka, u min ma jobdix jisfa mwarrab; 14–17, Ħażin għalihom l‑għonja li ma jgħinux lill‑foqra, u ħażin għalihom il‑foqra li m’għandhomx qalbhom miksura; 18–20, Henjin il‑foqra li huma safja f’qalbhom, għax huma jiksbu l‑art.
1 Agħti widen, O poplu li ġġib ismi, jgħid il‑Mulej Alla tagħkom; għax araw, il‑korla tiegħi xegħlet għal dawk ta’ rashom iebsa, u huma se jesperjenzaw il‑qawwa ta’ driegħi u l‑qilla tiegħi, f’jum il‑kastig u jum il‑korla fuq il‑ġnus.
2 U dak li ma jerfax salibu u jimxi warajja, u jħares il‑kmandamenti tiegħi, huwa ma jistax jikseb is‑salvazzjoni.
3 Araw, jien, il‑Mulej, nagħti l‑ordni; u min ma jobdix sejjer jitwarrab meta nħoss li jkun il‑waqt, wara li jiena nkun tajt kmandament, liema kmandament huwa jikser.
4 Għalhekk, jien, il‑Mulej, nagħti l‑ordni u nirrevoka, kif jidhirli jien; u dawk ta’ rashom iebsa iridu jagħtu rendikont ta’ dan, jgħid il‑Mulej.
5 Għalhekk, jiena nirrevoka l‑kmandament li ngħata lil Thomas B. Marsh u Ezra Thayre, u se nagħti kmandament ġdid lill‑qaddej tiegħi Thomas, biex huwa jitlaq minn hawn minnufih u jerħilha lejn l‑art ta’ Missouri, u l‑qaddej tiegħi Selah J. Griffin għandu jmur miegħu wkoll.
6 Għax araw, jiena nirrevoka l‑kmandament li ngħata lill‑qaddejja tiegħi Selah J. Griffin u Newel Knight, minħabba r‑ras iebsa tal‑poplu tiegħi li jinsab ġewwa Thompson, u minħabba r‑ribelljoni tagħhom.
7 Għalhekk, jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Newel Knight jibqa’ hemm magħhom; u dawk kollha li huma ta’ qalb niedma quddiemi, li jixtiequ jmorru, jistgħu jmorru, u huma jiġu mmexxija minn dak li jiena ħtart.
8 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom li jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Ezra Thayre jindem minn kburitu, u mill‑egoiżmu tiegħu, u jeħtieġ li huwa jobdi l‑kmandament li jiena tajtu relatat mal‑post fejn joqgħod.
9 U jekk huwa jagħmel dan, peress li l‑art m’għandhiex tinqasam, huwa jiġi msejjaħ xorta waħda biex imur fl‑art ta’ Missouri;
10 Jekk ma jagħmilx dan, huwa għandu jirċievi għandu l‑flus li huwa ħallas, u jkollu jitlaq mill‑post, u jitkeċċa mill‑knisja tiegħi, jgħid il‑Mulej Alla tal‑eżerċti;
11 U minkejja li s‑sema u l‑art jgħaddu, dan il‑kliem ma jgħaddi qatt, iżda sejjer jiġi fis‑seħħ.
12 U jekk il‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun. ikun mitlub minnu li jħallas il‑flus, araw, jien, il‑Mulej, nerġa’ nagħtihomlu lura fl‑art ta’ Missouri, biex dawk li jirċievi l‑flus f’isimhom jerġgħu jirċevuhom lura skont dak li huma jagħmlu;
13 Għax skont dak li jagħmlu huma jirċievu, sewwasew, f’artijiet biex huma jgħammru fihom.
14 Araw, dan jgħid il‑Mulej lill‑poplu tiegħi—intom mitlubin twettqu bosta ħwejjeġ u tindmu minn bosta ħwejjeġ; għax araw, dnubietkom telgħu quddiemi, u ma ġewx maħfura, għaliex intom tagħmlu ta’ raskom.
15 U m’intomx kuntenti b’dak li għandkom. U intom ma tobdux il‑verità, iżda titgħaxxqu bil‑ħażen.
16 Ħażin għalikom intom l‑għonja, li ma taqsmux ġidkom mal‑foqra, għax ġidkom għad jikkunsma ruħkom; u din se tkun il‑lamentazzjoni tagħkom f’jum il‑kastig, u f’jum il‑ħaqq, u f’jum il‑qilla: Għadda żmien il‑ħsad, intemm is‑sajf, u ruħi għadha ma kisbitx is‑salvazzjoni!
17 Ħażin għalikom intom il‑foqra, li m’għandkomx qalb miksura u spirtu niedem, u li qatt m’intom kuntenti b’dak li għandkom, u li ma tafux tibqgħu lura milli tieħdu għandkom dak li hu ta’ ħaddieħor, u li għajnejkom huma mimlijin regħba, u li m’intomx lesti li tmiddu idejkom għax‑xogħol!
18 Iżda henjin il‑foqra li huma safja f’qalbhom, li huma ta’ qalb umli, u li għandhom spirtu niedem, għax huma sejrin jaraw is‑saltna ta’ Alla riesqa lejhom b’qawwa u glorja kbira biex lilhom teħles; għax huma sejrin jieklu frott l‑art.
19 Għax araw, il‑Mulej għandu jiġi, u huwa sejjer irodd lura lil kull bniedem dak li ħaqqu, u l‑fqajrin sejrin jifirħu;
20 U nisilhom sejjer jikseb l‑art, minn nisel għal nisel, għal dejjem ta’ dejjem. Issa jien se nieqaf inkellimkom. Hekk għandu jkun. Ammen.