Sezzjoni 29
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, fil‑preżenza ta’ sitt presbiteri, ġewwa Fayette, New York, Settembru 1830. Din ir‑rivelazzjoni ġiet mogħtija ftit jiem qabel il‑konferenza, li bdiet fis‑26 ta’ Settembru, 1830.
1–8, Kristu jiġbor flimkien lill‑magħżulin tiegħu; 9–11, Il‑miġja tiegħu tagħti bidu għall‑Millennju; 12–13, It‑Tnax se jagħmlu ħaqq minn Iżrael; 14–21, Qabel it‑Tieni Miġja d‑dinja se tesperjenza s‑sinjali, il‑kastigi, u l‑ħerba; 22–28, Wara l‑millennju se jkun hemm l‑aħħar qawmien u l‑ġudizzju finali; 29–35, Għall‑Mulej kollox hu spiritwali; 36–39, Ix‑xitan u l‑eżerċti tiegħu ġew imkeċċijin ’il barra mis‑smewwiet biex iġarrbu lill‑bniedem; 40–45, Il‑Waqgħa u l‑Espjazzjoni jġibu fis‑seħħ is‑salvazzjoni; 46–50, It‑tfal ċkejknin huma mifdija permezz tal‑Espjazzjoni.
1 Isimgħu leħen Ġesù Kristu, il‑Feddej tagħkom, il‑Kbir Jiena Hu, li d‑driegħ ta’ ħniena tiegħu patta għal dnubietkom;
2 Li jiġbor flimkien lill‑poplu tiegħu bħalma qroqqa tiġbor il‑flieles tagħha taħt ġwinħajha, l‑istess bħal ħafna li jisimgħu leħni u jumiljaw ruħhom quddiemi, u li lili jsejħu u jitolbu b’qawwa.
3 Araw, tassew, tassew, ngħidilkom, li issa dnubietkom maħfura, għalhekk intom qed tirċievu dawn il‑ħwejjeġ; iżda ftakru biex ma taqgħux aktar fid‑dnub, ħalli ma tintlaqtu mill‑ebda periklu.
4 Tassew ngħidilkom li intom ġejtu magħżulin mid‑dinja biex ixxandru l‑evanġelju tiegħi b’għajjat ta’ ferħ, bħallikieku b’leħen ta’ tromba.
5 Għollu qlubkom u thennew, għax jiena ninsab f’nofskom, u jien l‑avukat tagħkom mal‑Missier; u hija x‑xewqa tiegħu li jagħtikom is‑saltna.
6 U, kif hemm miktub—Dak kollu li titolbu b’fidi, jekk intom tkunu ħaġa waħda fit‑talb skont kif ordnajtilkom jien, intom taqilgħu.
7 U intom ġejtu msejħa biex iġġibu fis‑seħħ il‑ġabra tal‑magħżulin tiegħi; għax il‑magħżulin tiegħi jisimgħu leħni u ma jwebbsux qalbhom;
8 Għalhekk inħareġ digriet mill‑Missier li huma għandhom jinġabru f’post wieħed fuq wiċċ din l‑art, biex iħejju qalbhom u jitħejjew f’kull ħaġa għal dak il‑jum meta l‑ħżiena jintlaqtu mill‑għawġ u l‑qerda.
9 Għax is‑siegħa tinsab fil‑qrib u dalwaqt se jasal il‑jum meta d‑dinja se tkun misjura waħda sew; u l‑kburin kollha u dawk li jagħmlu l‑ħażen se jispiċċaw bħat‑tiben; u lilhom jiena naħraq, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti, sabiex il‑ħażen ma jgħammarx fuq l‑art;
10 Għax is‑siegħa tinsab fil‑qrib, u dak li ntqal permezz tal‑appostli tiegħi jeħtieġ li jiġi fis‑seħħ; għax kollox se jseħħ kif qalu huma;
11 Għax jiena nuri lili nnifsi minn ġewwa s‑smewwiet b’qawwa u bi glorja kbira, flimkien mal‑eżerċti tas‑smewwiet, u ngħammar fis‑sewwa mal‑bnedmin fuq l‑art għal elf sena, u l‑ħżiena ma jibqgħux jgħammru aktar.
12 U għal darb’oħra, tassew, tassew, ngħidilkom, fejn inħareġ ukoll digriet finali, permezz tar‑rieda tal‑Missier, li l‑appostli tiegħi, it‑Tnax li kienu miegħi fil‑ministeru tiegħi f’Ġerusalemm, għandhom jieqfu fuq il‑lemin tiegħi fil‑jum li fih jiena se niġi f’kolonna tan‑nar, mlibbsin bl‑imnatar tal‑ġustizzja, bil‑kuruni fuq rashom, fil‑glorja kif se nkun jien, biex jagħmlu ħadd mid‑dar kollha ta’ Iżrael, sewwasew minn dawk kollha li lili ħabbew u li ħarsu l‑kmandamenti tiegħi, u minn ħadd iżjed.
13 Għax iddoqq tromba b’ħoss qawwi u jgħajjat, bħalma nstemgħet minn fuq il‑Muntanja Sinaj, u l‑art kollha titriegħed, u minn qabarhom joħorġu—iva, sewwasew il‑mejtin li mietu fija, biex jirċievu kuruna tal‑ġustizzja, u jkunu lebsin bħali, biex miegħi ikunu, ħalli nkunu ħaġa waħda.
14 Iżda, araw, jien ngħidilkom li qabel jasal dan il‑jum il‑kbir ix‑xemx se tinbidel fi dlam, u l‑qamar f’demm, u l‑kwiekeb se jaqgħu mis‑smewwiet, u se jingħataw sinjali akbar fl‑għoli tas‑sema u isfel fl‑art;
15 U se jkun hemm il‑biki u t‑tinwiħ fost il‑folla;
16 U se tintbagħat maltempata bis‑silġ biex teqred l‑uċuħ tar‑raba’.
17 U għad jiġri li minħabba l‑ħażen tad‑dinja, jiena se nivvendika ruħi mill‑ħżiena, għax huma jibqgħu ma jindmux; għax il‑kalċi tal‑qilla tiegħi huwa mimli; għax araw, demmi mhuwiex se jnaddafhom jekk ma jisimgħux minni.
18 Għalhekk, jiena l‑Mulej Alla se nibgħat id‑dubbien fuq wiċċ l‑art, biex jaqbad lil dawk li jgħammru fiha, u jiklilhom laħamhom, u nwassalhom biex bid‑dud jimtlew;
19 U lsienhom jinżamm b’mod li ma jkunux jistgħu jlissnu l‑ebda kelma kontrija; u laħamhom jaqa’ minn ma’ għadamhom, u għajnejhom minn ħofret il‑għajn;
20 U għad jiġri li l‑bhejjem tal‑bosk u l‑għasafar tal‑ajru jikluhom għal kollox.
21 U l‑knisja l‑kbira u abominabbli, li hija l‑prostituta tad‑dinja kollha, sejra tiġġarraf permezz tan‑nar qerried, skont dak li ntqal permezz ta’ fomm Eżekjel il‑profeta, li tkellem dwar dawn il‑ħwejjeġ, li għandhom ma ġewx fis‑seħħ iżda żgur li se jiġu, daqs kemm jien ħaj, għax l‑abominazzjoni mhijiex se ssaltan aktar.
22 U għal darb’oħra, tassew, tassew, ngħidilkom li meta jaslu fi tmiemhom l‑elf sena, u l‑bnedmin jerġgħu jibdew jiċħdu lil Alla tagħhom, mbagħad jiena nerġa’ nħenn ftit ieħor għad‑dinja;
23 U jasal it‑tmiem, u s‑sema u l‑art jgħaddu u jintemmu, u jkun hemm sema ġdida u art ġdida.
24 Għax kull ħaġa qadima tgħaddi, u kull ħaġa ssir ġdida, anke s‑sema u l‑art, u l‑milja sħiħa tagħhom, sew il‑bnedmin u sew il‑bhejjem, u l‑għasafar tal‑ajru, u l‑ħut tal‑baħar;
25 U la xagħra waħda, u lanqas tibna ma jintilfu, għax huma l‑għemejjel ta’ jdejja.
26 Iżda araw, tassew ngħidilkom, qabel ma tgħaddi d‑dinja, Mikiel, l‑arkanġlu tiegħi, sejjer idoqq it‑tromba, u mbagħad il‑mejtin kollha sejrin iqumu, għax l‑oqbra tagħhom jinfetħu, u minnhom huma joħroġu—iva, ilkoll kemm huma.
27 U l‑ġusti sejrin jinġabru fuq il‑lemin tiegħi għall‑ħajja ta’ dejjem; u l‑ħżiena li jkunu fuq ix‑xellug tiegħi nistħi ngħid li huma tiegħi quddiem il‑Missier;
28 Għalhekk jiena ngħidilhom—Morru minn quddiemi, misħutin, fin‑nar ta’ dejjem li tħejja għax‑xitan u għall‑anġli tiegħu.
29 U issa, araw, jien ngħidilkom, jiena fl‑ebda żmien qatt ma stqarrejt permezz ta’ fommi li huma għad jerġgħu jiġu lura, għax fejn ninsab jien ma jistgħux jiġu, għax m’għandhom l‑ebda qawwa.
30 Iżda ftakru li mhux id‑digrieti kollha tiegħi ngħataw lil bnedmin; u bl‑istess mod kif il‑kliem ħareġ minn fommi hekk ukoll sejjer jiġi fis‑seħħ, biex tal‑ewwel jiġu l‑aħħar, u tal‑aħħar jiġu l‑ewwel f’dak kollu li jiena ħloqt permezz tal‑kelma ta’ setgħeti, li hija l‑qawwa tal‑Ispirtu tiegħi.
31 Għax permezz tal‑qawwa tal‑Ispirtu tiegħi jiena ħloqthom; iva, kull ħaġa kemm spiritwali kif ukoll temporali—
32 L‑ewwel l‑ispiritwali, mbagħad it‑temporali, il‑mod kif jiena bdejt il‑ħidma tiegħi; u għal darb’oħra, l‑ewwel it‑temporali, u mbagħad l‑ispiritwali, il‑mod kif intemm il‑ħidma tiegħi—
33 Qed ngħidilkom dan biex intom tifhmu skont in‑natura tagħkom; iżda għalija l‑għemejjel tiegħi m’għandhomx tmiem, u lanqas bidu; iżda lilkom ingħata dan sabiex tifhmu, għax bi qbil intom ridtu taf dan minni.
34 Għalhekk, tassew, ngħidilkom li għalija kollox hu spiritwali, u qatt ma kien hemm żmien li jiena tajtkom xi liġi li kienet temporali; u lil ebda bniedem, jew lill‑ulied il‑bnedmin; lanqas lil Adam, missierkom, li jiena ħloqt.
35 Araw, jiena tajtu l‑qawwa li jkun kapaċi jiddeċiedi għalih innifsu; u tajtu kmandament, iżda l‑ebda kmandament li tajtu ma kien temporali, għax il‑kmandamenti tiegħi huma spiritwali; huma la huma naturali u lanqas temporali, la huma karnali u lanqas senswali.
36 U ġara li Adam, għaliex ġie mġarrab mix‑xitan—għax araw, ix‑xitan kien qabel Adam, għax huwa rvella kontrija, u qalli, Agħtini ġieħek, liema qawwa hi tiegħi biss; u huwa wassal biex terz mill‑eżerċti tas‑smewwiet jirvellaw kontrija minħabba l‑volontà tagħhom;
37 U huma nxteħtu ’l isfel, u saru x‑xitan u l‑anġli tiegħu;
38 U, araw, hemm post imħejji għalihom sa mill‑bidu, liema post huwa l‑infern.
39 U jeħtieġ li x‑xitan iġarraf lil ulied il‑bnedmin, għax inkella huma ma jkollhomx il‑qawwa li jkunu kapaċi jiddeċiedu għalihom infushom; għax jekk huma jduqux il‑morr ma jkunu jistgħu qatt jagħrfu dak li hu ħelu—
40 Għalhekk, ġara li x‑xitan ġarrab lil Adam, u huwa kiel mill‑frotta pprojbita u kiser il‑kmandament, u b’hekk huwa ssottometta ruħu għar‑rieda tax‑xitan, għax ħalla t‑tentazzjoni tgħelbu.
41 Għalhekk, jiena, il‑Mulej Alla, rajt li huwa jitkeċċa ’l barra mill‑Ġnien tal‑Għeden, u jitwarrab minn quddiemi, minħabba t‑trasgressjoni tiegħu, li permezz ta’ dan huwa spiċċa mejjet spiritwalment, liema mewt hija l‑ewwel mewt, sewwasew dik l‑istess mewt li hija l‑aħħar mewt, li hija spiritwali, li se jesperjenzaw il‑ħżiena meta jiena ngħidilhom: Itilqu minn quddiemi, ja misħutin.
42 Iżda, araw, jien ngħidilkom li jiena, il‑Mulej Alla, rajt li Adam u nislu ma jmutux permezz tal‑mewt temporali, qabel ma jiena, il‑Mulej Alla, nibgħat l‑anġli biex iħabbrulhom l‑indiema u l‑fidwa, permezz tal‑fidi f’isem l‑Iben il‑Waħdieni tiegħi.
43 U b’hekk jiena, il‑Mulej Alla, rajt li l‑bniedem jgħaddi minn jiem ta’ prova—biex permezz tal‑mewt naturali tiegħu huwa jkun jista’ jitqajjem għal stat immortali għall‑ħajja ta’ dejjem, iva, sewwasew dawk kollha li jemmnu;
44 U dawk li ma jemmnux jitqajmu għad‑dannazzjoni ta’ dejjem; għax huma ma jkunux jistgħu jiġu mifdija mill‑waqgħa spiritwali tagħhom, għaliex ma jkunux nidmu;
45 Għax minflok id‑dawl huma jħobbu d‑dlam, u l‑għemejjel tagħhom huma ħżiena, u huma jirċievu l‑ħlas tagħhom mingħand dak li jagħżlu li jobdu.
46 Iżda araw, jien ngħidilkom, li t‑tfal ċkejknin ġew mifdija sa mill‑ħolqien tad‑dinja permezz tal‑Iben il‑Waħdieni tiegħi;
47 Għalhekk, huma ma jistgħux jaqgħu fid‑dnub, għax Satana ma ġiex mogħti l‑qawwa li jġarrab lit‑tfal ċkejknin, qabel ma huma jsiru responsabbli ta’ għemilhom quddiemi;
48 Għax iseħħ minnhom skont ir‑rieda tiegħi, skont kif jogħġob lili, biex jiena nkun nista’ nitlob ħwejjeġ kbar minn missirijiethom.
49 U għal darb’oħra ngħidilkom, li kull min għandu l‑għarfien, il‑kmand tiegħi lilu ma kienx li huwa jindem?
50 U għal min ma jifhimx, neħodha f’idejja li nara li jseħħ skont dak li hemm miktub. U għal issa mhu se nħabbrilkom xejn aktar. Ammen.