Sezzjoni 99
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta lil John Murdock, nhar id-29 ta’ Awwissu, 1832, f’Hiram, Ohio. John Murdock kien ilu ’l fuq minn sena jxandar l-evanġelju, waqt li wliedu—li kienu spiċċaw bla omm wara l-mewt ta’ martu, Julia Clapp, f’April 1831—kienu qed joqogħdu ma’ familji oħra ġewwa Ohio.
1–8, John Murdock msejjaħ biex ixandar l-evanġelju, u dawk li jilqgħu lilu jkunu qed jilqgħu lill-Mulej u huma jsibu l-ħniena.
1 Ara, dan jgħid il-Mulej lill-qaddej tiegħi John Murdock—inti ġejt imsejjaħ biex terħilha lejn l-inħawi tal-lvant u tmur iddur minn dar għall-oħra, minn raħal għall-ieħor, u minn belt għall-oħra, ixxandar l-evanġelju ta’ dejjem tiegħi lil min jgħammar fihom, f’dan iż-żmien ta’ persekuzzjoni u ħażen.
2 U min jilqa’ lilek ikun qed jilqa’ lili; u inti tiġi mgħoni bil-qawwa li xxandar il-kelma tiegħi fil-preżenza tal-Ispirtu s-Santu tiegħi.
3 U min jilqa’ lilek bħal tifel ċkejken, ikun qed jilqa’ s-saltna tiegħi; u henjin huma, għax huma jsibu l-ħniena.
4 U min ma jilqax lilek ma jiġix milqugħ minn Missieri u min-nies ta’ daru; u matul it-triq ara li tnaddaf riġlejk fil-moħbi bħala xhieda kontrihom.
5 U ara, jien dalwaqt se niġi biex nagħmel ħaqq minnhom, u lilhom ilkoll nikkundanna għal kull xorta ta’ ħażen li wettqu kontrija, kif hemm miktub fil-ktieb tal-istruttura.
6 U issa, tassew ngħidlek, li ma jaqbilx li inti tmur qabel ma wliedek jingħataw is-sapport li jeħtieġu u jintbagħtu bil-ħlewwa għand l-isqof ta’ Sijon.
7 U wara ftit tas-snin, jekk tkun tixtieq minni dan, inti tkun tista’ titla’ wkoll fl-art it-tajba, biex tikseb sehemek;
8 Altrimenti inti tista’ tkompli xxandar l-evanġelju tiegħi sakemm tittieħed. Ammen.