Sezzjoni 8
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta lil Oliver Cowdery, f’Harmony, Pennsylvania, f’April 1829. Waqt it‑traduzzjoni tal‑Ktieb ta’ Mormon, Oliver, li kompla jservi bħala skriba, u li beda jikteb dak li beda jgħid il‑Profeta, xtaq li jingħata d‑don tat‑traduzzjoni. Il‑Mulej wieġeb it‑talba tiegħu permezz ta’ din ir‑rivelazzjoni.
1–5, Ir‑rivelazzjoni tinkiseb permezz tal‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu; 6–12, Wieħed jista’ jikseb l‑għarfien tal‑misteri ta’ Alla u l‑qawwa li jittraduċi annali antiki permezz tal‑fidi.
1 Oliver Cowdery, tassew, tassew, ngħidlek, li daqs kemm hu żgur li jgħix il‑Mulej, li hu Alla tiegħek u l‑Feddej tiegħek, daqshekk ieħor hu żgur li inti se tirċievi għarfien ta’ dak kollu li inti titlob għalih bil‑fidi u b’qalb onesta, waqt li temmen li sejjer tirċievi għarfien dwar l‑inċiżjoni tal‑annali antiki, li ilhom minn żmien il‑qedem, li fihom dawk il‑partijiet mill‑iskrittura tiegħi li ġew żvelati permezz tal‑Ispirtu tiegħi.
2 Iva, ara, jiena nkellmek f’moħħok u f’qalbek, permezz tal‑Ispirtu s‑Santu, li se jissawwab fuqek u li se jgħammar f’qalbek.
3 Issa, ara, dan huwa l‑ispirtu tar‑rivelazzjoni; ara, dan huwa l‑ispirtu li permezz tiegħu Mosè mexxa lil ulied Iżrael min‑nofs il‑Baħar tal‑Qasab fuq art niexfa.
4 Għalhekk dan huwa d‑don tiegħek; użah, u hieni inti tkun, għax lilek huwa jeħles minn idejn l‑għedewwa tiegħek, għax li kieku ma jkunx hekk, huma jispiċċaw joqtluk u jwasslu ruħek għall‑qerda.
5 O, ftakar dan il‑kliem, u ħares il‑kmandamenti tiegħi. Ftakar, dan huwa d‑don tiegħek.
6 Issa dan mhux l‑uniku don li inti għandek; għaliex inti għandek don ieħor, li huwa d‑don ta’ Aron; ara, dan lilek għarrfek b’bosta ħwejjeġ;
7 Ara, m’hawn l‑ebda qawwa oħra, għajr il‑qawwa ta’ Alla, li tista’ twassal biex inti jkollok miegħek dan id‑don ta’ Aron.
8 Għalhekk, la tiddubitax, għax dan id‑don ġej minn Alla; u inti se żżommu f’idejk, u se twettaq għemejjel tal‑għaġeb; u l‑ebda qawwa ma tkun tista’ teħodulek minn idejk, għax dan id‑don huwa l‑ħidma ta’ Alla.
9 U, għalhekk, dak kollu li trid tkun taf mingħandi permezz tiegħu, jien nagħtihulek, u inti tikseb l‑għarfien tiegħu.
10 Ftakar li mingħajr fidi ma tista’ tagħmel xejn; għalhekk itlob bil‑fidi. Ara li tieħu dawn il‑ħwejjeġ bis‑serjetà; titlobx għal dak li m’għandekx titlob għalih.
11 Itlob biex tkun taf il‑misteri ta’ Alla, u sabiex inti tkun tista’ tittraduċi u tikseb għarfien minn dawk l‑annali antiki kollha li kienu ġew moħbija, li huma sagri; u kollox iseħħ skont il‑fidi tiegħek.
12 Ara, huwa jien li qed ngħid dan; u jien hu dak li lilek kellimt sa mill‑bidu. Ammen.