Skrittura
Duttrina u Patti 70


Sezzjoni 70

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Ħiram, Ohio, nhar it‑12 ta’ Novembru, 1831. L‑istorja tal‑Profeta tgħid li saru erba’ konferenzi speċjali mill‑1 sat‑12 ta’ Novembru, biż‑żewġ dati nklużi. Fl‑aħħar waħda minn dawn il‑laqgħat, ingħatat ħarsa bir‑reqqa lejn l‑importanza kbira tar‑rivelazzjonijiet li aktar tard kienu se jiġu ppubblikati bħala il‑ Book of Commandments u wara bħala d‑Duttrina u Patti. Din ir‑rivelazzjoni ngħatat wara li sar qbil waqt il‑konferenza permezz ta’ vot li r‑rivelazzjonijiet kienu “ta’ valur għall‑Knisja daqs il‑ġid kollu tal‑Art.” L‑istorja ta’ Joseph Smith tirreferi għar‑rivelazzjonijiet bħala “l‑pedament tal‑Knisja f’dawn l‑aħħar żminijiet, u li huma ta’ benefiċċju għad‑dinja, u juru li l‑imfietaħ tal‑misteri tas‑saltna tas‑Salvatur tagħna reġgħu ġew fdati għal darb’oħra f’idejn il‑bniedem.”

1–5, Ġew magħżula dawk li għandhom ikunu responsabbli li jippubblikaw ir‑rivelazzjonijiet; 6–13, Min jaħdem fi ħwejjeġ spiritwali jixraqlu li jingħata kumpens ta’ xogħlu; 14–18, Il‑Qaddisin għandhom ikunu kollha l‑istess f’dawk li huma ħwejjeġ temporali.

1 Araw, u agħtu widen, intom li tgħammru f’Sijon, u intom in‑nies kollha tal‑knisja tiegħi li tinsab ’il bogħod, u iftħu widnejkom għall‑kelma tal‑Mulej li jiena niżvela lill‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., kif ukoll lill‑qaddej tiegħi Martin Harris, kif ukoll lill‑qaddej tiegħi Oliver Cowdery, kif ukoll lill‑qaddej tiegħi John Whitmer, u kif ukoll lill‑qaddej tiegħi Sidney Rigdon, kif ukoll lill‑qaddej tiegħi William W. Phelps, skont il‑kmandament li jiena se nagħtihom.

2 Għax jiena se nagħtihom kmandament; għalhekk agħtu widen u isimgħu, għax dan hu dak li jgħidilhom il‑Mulej—

3 Jien, il‑Mulej, lilhom għażilt u ordnajt biex ikunu responsabbli mir‑rivelazzjonijiet u l‑kmandamenti li jiena tajthom, u li minn issa ’l quddiem se nagħtihom;

4 U jiena se neħtieġ minnhom li huma jagħtu kont tal‑amministrazzjoni tagħhom f’jum il‑ħaqq.

5 Għalhekk, lilhom jiena tajthom din ir‑responsabbiltà, u dan huwa d‑dmir tagħhom fil‑knisja ta’ Alla, li jimmaniġjaw kemm lilhom kif ukoll kull ħaġa relatata magħhom, sewwasew id‑dħul kollu minnhom.

6 Għalhekk, jiena se nagħtihom kmandament, biex huma ma jgħaddux dan id‑dħul lill‑knisja, lanqas lid‑dinja;

7 Madankollu, jekk huma jdaħħlu aktar milli jeħtieġu għall‑bżonnijiet u l‑ħtiġijiet tagħhom, dan għandu jitpoġġa fil‑maħżen tiegħi;

8 U dan id‑dħul għandu jiġi kkonsagrat lil dawk kollha li jgħammru f’Sijon, u lil nisilhom, jekk dejjem huma jsiru werrieta skont il‑liġijiet tas‑saltna.

9 Araw, dan hu dak li l‑Mulej jeħtieġ minn kull bniedem li jamministra l‑ħwejjeġ tiegħu, sewwasew kull bniedem li jien, il‑Mulej, għażilt u li minn issa ’l quddiem sejjer nagħżel.

10 U araw, ħadd mhu eżentat minn din il‑liġi, l‑ebda bniedem li jagħmel parti mill‑knisja ta’ Alla l‑ħaj;

11 Iva, la l‑isqof, la l‑aġent li jieħu ħsieb il‑maħżen tal‑Mulej, u lanqas dak li jiena nagħżel biex jamministra l‑ħwejjeġ temporali.

12 Dak li jiena nagħżel biex jamministra l‑ħwejjeġ spiritwali jixraqlu li jingħata kumpens ta’ xogħlu, l‑istess bħal dawk li jiena nagħżel biex jamministraw il‑ħwejjeġ temporali;

13 Iva, sewwasew b’mod aktar abbundanti, liema abbundanza li huma jingħataw toktor permezz tal‑manifestazzjoni tal‑Ispirtu.

14 Madankollu, f’dawk li huma ħwejjeġ temporali għandkom tkunu kollha l‑istess, u araw li ma tagħmlux dan kontra qalbkom, għax inkella tinżamm lura minnkom l‑abbundanza ta’ manifestazzjonijiet tal‑Ispirtu.

15 Issa, jiena nagħti dan il‑kmandament lill‑qaddejja tiegħi għall‑ġid tagħhom jekk huma jibqgħu hawn, biex jiena nkun nista’ nsawwab barkieti fuqhom, bħala ħlas għad‑diliġenza tagħhom kif ukoll għas‑sigurtà tagħhom;

16 Biex huma jkollhom biex jieklu u jilbsu; biex huma jkollhom x’jirtu; biex ikollhom id‑djar u l‑artijiet, fi kwalunkwe ċirkustanza li jien, il‑Mulej, inpoġġihom fiha, u kull fejn jien, il‑Mulej, nibgħathom.

17 Għax huma kienu fidili f’ħafna ħwejjeġ, u mxew tajjeb tant, li ma waqgħux fid‑dnub.

18 Araw, jien, il‑Mulej, ħanin, u jiena sejjer inberikom, u huma sejrin jiksbu l‑hena minħabba dan kollu. Hekk għandu jkun. Ammen.