Skrittura
Duttrina u Patti 75


Sezzjoni 75

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Amherst, Ohio, nhar il‑25 ta’ Jannar, 1832. Din is‑sezzjoni tikkonsisti minn żewġ rivelazzjonijiet separati (l‑ewwel waħda minn vers 1 sa vers 22 u t‑tieni waħda minn vers 23 sa vers 36) li ġew mogħtija fl‑istess jum. Dan seħħ waqt konferenza li fiha Joseph Smith ġie sostnut u ordnat bħala l‑President tas‑Saċerdozju l‑Kbir. Xi presbiteri xtaqu jkunu jafu aktar dwar id‑dmirijiet immedjati tagħhom. Sewwasew wara ngħataw dawn ir‑rivelazzjonijiet.

1–5, Il‑presbiteri fidili li jxandru l‑evanġelju jiksbu l‑ħajja ta’ dejjem; 6–12, Itolbu biex jissawwab fuqkom il‑Farrâġ, li jgħallimkom kull ħaġa; 13–22, Il‑presbiteri sejrin jagħmlu ħaqq minn dawk li ma jilqgħux il‑messaġġ tagħhom; 23–36, Il‑familji tal‑missjunarji għandhom jirċievu l‑għajnuna mill‑Knisja.

1 Tassew, tassew, ngħidilkom, jiena li nitkellem sewwasew permezz ta’ leħen l‑Ispirtu tiegħi, l‑istess Alfa u Omega, il‑Mulej Alla tagħkom—

2 Agħtu widen, intom li ppreżentajtu isimkom biex tmorru u xxandru l‑evanġelju tiegħi, u tiżbru d‑dwieli tiegħi.

3 Araw, jien ngħidilkom li hija r‑rieda tiegħi li intom tmorru u ma toqogħdux tistennew, u lanqas titgħażżnu, iżda morru aħdmu qatigħ—

4 Semmgħu leħinkom bħad‑daqq tat‑tromba, xandru l‑verità skont ir‑rivelazzjonijiet u l‑kmandamenti li jiena tajtkom.

5 U b’hekk, jekk tibqgħu fidili intom titgħabbew bil‑qatet, u tkunu mżejna bil‑ġieħ u l‑glorja, u bl‑immortalità u l‑ħajja ta’ dejjem.

6 Għalhekk, tassew jiena ngħid lill‑qaddej tiegħi William E. McLellin, li jiena nirrevoka l‑ħidma li jiena fdajtu biha, li jerħilha lejn l‑inħawi tal‑lvant;

7 U jiena nordnalu jwettaq ħidma ġdida u nagħtih kmandament ġdid, li fih jien, il‑Mulej, inwiddbu minħabba l‑ilmenti ta’ qalbu;

8 U huwa waqa’ fid‑dnub; madankollu, jiena naħfirlu u ngħidlu għal darb’oħra, Mur lejn l‑inħawi tan‑nofsinhar.

9 U jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Luke Johnson imur miegħu, u huma għandhom ixandru l‑ħwejjeġ li jiena ordnajtilhom—

10 U huma għandhom isejħu isem il‑Mulej biex ikollhom magħhom lill‑Farrâġ, li jgħallimhom dak kollu li hu ta’ ġid għalihom—

11 U għandhom jitolbu dejjem biex ma jaqtgħux qalbhom; u jekk huma jagħmlu dan, jiena nkun magħhom sal‑aħħar.

12 Araw, din hija r‑rieda tal‑Mulej Alla tagħkom għalikom. Hekk għandu jkun. Ammen.

13 U għal darb’oħra, tassew jgħid il‑Mulej, jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Orson Hyde u l‑qaddej tiegħi Samuel H. Smith jerħulha lejn l‑inħawi tal‑lvant, u jxandru l‑ħwejjeġ li ordnajtilhom jien; u jekk huma jibqgħu fidili, araw, jiena nkun magħhom sal‑aħħar.

14 U għal darb’oħra, tassew ngħid lill‑qaddej tiegħi Lyman Johnson, kif ukoll lill‑qaddej tiegħi Orson Pratt, li huma għandhom jerħulha wkoll lejn l‑inħawi tal‑lvant; u araw, jiena nkun magħhom ukoll sal‑aħħar.

15 U għal darb’oħra, jiena ngħid lill‑qaddej tiegħi Asa Dodds, u lill‑qaddej tiegħi Calves Wilson, li huma wkoll għandhom jerħulha lejn l‑inħawi tal‑punent, u jmorru jxandru l‑evanġelju tiegħi, sewwasew kif ordnajtilhom jien.

16 U min jibqa’ fidil jegħleb kull ħaġa, u jintrefa’ ’l fuq fl‑aħħar jum.

17 U għal darb’oħra, jiena ngħid lill‑qaddej tiegħi Major N. Ashley, u lill‑qaddej tiegħi Burr Riggs, biex huma jerħulha wkoll lejn l‑inħawi tan‑nofsinhar.

18 Iva, jeħtieġ li huma jitilqu għal għonq it‑triq, kif ordnajtilhom jiena, u jmorru minn dar għall‑oħra, u minn raħal għall‑ieħor, u minn belt għall‑oħra.

19 U f’kull dar li tidħlu fiha, u niesha jilqgħukom, agħtu barka lil dik id‑dar.

20 U f’kull dar li tidħlu fiha, u niesha ma jilqgħukomx, araw li toħorġu minn dik id‑dar minnufih, u farfru t‑trab ta’ saqajkom bħala xhieda kontrihom.

21 U intom timtlew bil‑hena u l‑ferħ; u kunu afu dan, li f’jum il‑ħaqq intom għad tagħmlu ħaqq minn dik id‑dar, u lilha tikkundannaw;

22 U jum il‑ħaqq ikun eħfef għall‑pagani milli għal dik id‑dar; għalhekk, ħażżmu ġenbejkom u kunu fidili, u intom taslu biex tegħlbu kull ħaġa, u intom għad tintrefgħu ’l fuq fl‑aħħar jum. Hekk għandu jkun. Ammen.

23 U għal darb’oħra, dan jgħidilkom il‑Mulej, O presbiteri tal‑knisja tiegħi, li ppreżentajtu isimkom ħalli tkunu tafu x’inhi r‑rieda tiegħu għalikom—

24 Araw, jien ngħidilkom, li huwa d‑dmir tal‑knisja li tgħin billi tissapportja l‑familji tagħhom, u tissapportja wkoll il‑familji ta’ dawk li ġew imsejħa u jeħtieġ li jmorru madwar id‑dinja jxandru l‑evanġelju lid‑dinja.

25 Għalhekk, jien, il‑Mulej, nagħtikom dan il‑kmandament, li intom għandkom tiksbu postijiet biex fihom jgħammru l‑familji tagħkom, dejjem jekk ħutkom ikunu lesti biex jiftħu qalbhom.

26 U jeħtieġ li dawk li jiksbu l‑postijiet biex fihom jgħammru l‑familji tagħhom, u jiksbu l‑għajnuna tal‑knisja, ma jonqsux milli jmorru fid‑dinja, sew lejn il‑lvant u sew lejn il‑punent, sew lejn it‑tramuntana u sew lejn in‑nofsinhar.

27 Jekk jitolbu, huma jaqilgħu, jekk iħabbtu, jiftħulhom, u jiġi żvelat lilhom mill‑għoli, sewwasew permezz tal‑Farrâġ, fejn għandhom imorru.

28 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, li kull bniedem li jiġi mġiegħel biex jipprovdi għal familtu, jeħtieġ li huwa jipprovdi, u huwa bl‑ebda mod ma jitlef il‑premju tiegħu; u jeħtieġ li huwa jaħdem fil‑knisja.

29 Jeħtieġ li kull bniedem ikun diliġenti f’kollox. U min jaħrab ix‑xogħol m’għandux ikollu post fil‑knisja, sakemm huwa ma jindimx u jibdel ir‑rotta ta’ ħajtu.

30 Għalhekk, jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Simeon Carter u l‑qaddej tiegħi Emer Harris jingħaqdu flimkien fil‑ministeru;

31 U l‑istess il‑qaddej tiegħi Ezra Thayre u l‑qaddej tiegħi Thomas B. Marsh;

32 L‑istess il‑qaddej tiegħi Hyrum Smith u l‑qaddej tiegħi Reynolds Cahoon;

33 U l‑istess il‑qaddej tiegħi Daniel Stanton u l‑qaddej tiegħi Seymour Brunson;

34 U l‑istess il‑qaddej tiegħi Sylvester Smith u l‑qaddej tiegħi Gideon Carter;

35 U l‑istess il‑qaddej tiegħi Ruggles Eames u l‑qaddej tiegħi Stephen Burnett;

36 U l‑istess il‑qaddej tiegħi Micah B. Welton kif ukoll il‑qaddej tiegħi Eden Smith. Hekk għandu jkun. Ammen.