Skrittura
Duttrina u Patti 14


Sezzjoni 14

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta lil David Whitmer, ġewwa Fayette, New York, Ġunju 1829. Il‑familja Whitmer interessat ruħha ħafna fit‑traduzzjoni tal‑Ktieb ta’ Mormon. Il‑Profeta beda jgħix fid‑dar ta’ Peter Whitmer Sr., fejn dam jgħammar hemm sakemm huwa temm ix‑xogħol tat‑traduzzjoni u sakemm ġiet mogħtija l‑copyright tal‑ktieb li kien fil‑proċess li jiġi ppubblikat. Tlieta mis‑subien tal‑familja Whitmer, li lkoll kemm huma ngħataw xhieda tal‑ġenwinità tal‑ħidma, xtaqu tassew ikunu jafu x’kien sewwasew id‑dmir li kull wieħed minnhom kellu. Din ir‑rivelazzjoni u t‑tnejn ta’ wara (sezzjoni 15 u 16) ingħataw bħala tweġiba għal talba li saret permezz tal‑Urim u t‑Tummim. David Whitmer aktar tard sar wieħed mit‑Tliet Xhieda għall‑Ktieb ta’ Mormon.

1–6, Il‑ħaddiema fl‑għalqa sejrin jiksbu s‑salvazzjoni; 7–8, Il‑ħajja ta’ dejjem hija l‑akbar rigal fost ir‑rigali kollha ta’ Alla; 9–11, Kristu ħoloq is‑smewwiet u l‑art.

1 Ħidma kbira u tal‑għaġeb dalwaqt se tiġi fis‑seħħ fost ulied il‑bnedmin.

2 Ara, jiena Alla; agħti widen għall‑kelma tiegħi, li hija ħajja u qawwija, u li taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar, li tifred minn xulxin il‑ġogi u l‑mudullun; għalhekk agħti widen għall‑kelma tiegħi.

3 Ara, l‑għalqa bajda lesta għall‑ħsad; għalhekk, min għandu x‑xewqa li jaħsad, għandu jxejjer il‑minġel tiegħu bil‑qawwa tiegħu kollha, u jaħsad sakemm għadu l‑jum, ħalli huwa jkun jista’ jħejji għal ruħu s‑salvazzjoni ta’ dejjem fis‑saltna ta’ Alla.

4 Iva, kull min ixejjer bil‑minġel tiegħu u jaħsad, huwa jiġi msejjaħ minn Alla.

5 Għalhekk, jekk inti titlob lili inti taqla’; jekk inti tħabbat jiftħulek.

6 Mexxi ’l quddiem u stabbilixxi ’l Sijon tiegħi. Ħares il‑kmandamenti tiegħi f’kollox.

7 U jekk inti tħares il‑kmandamenti tiegħi u tibqa’ sħiħ sal‑aħħar inti jkollok il‑ħajja ta’ dejjem, li hija l‑akbar rigal fost ir‑rigali kollha ta’ Alla.

8 U għad jiġri, li jekk inti titlob lill‑Missier f’ismi, u temmen b’fidi, inti tirċievi l‑Ispirtu s‑Santu, li jiggwidak x’għandek tgħid, biex inti tieqaf bħala xhud ta’ dak kollu li inti smajt u rajt, kif ukoll biex inti tkun tista’ xxandar l‑indiema lil din il‑ġenerazzjoni.

9 Ara, jiena Ġesù Kristu, Bin Alla l‑ħaj, li ħloqt is‑smewwiet u l‑art; jiena dawl li ma jistax jinħeba fid‑dlam.

10 Għalhekk, jeħtieġ li nara li l‑milja tal‑evanġelju tiegħi tgħaddi mingħand il‑Ġentili għal għand id‑dar ta’ Iżrael.

11 U ara, inti David, u inti ġejt imsejjaħ biex tgħin; u jekk inti tagħmel dan u tibqa’ fidili, inti tiġi mbierek kemm b’mod spiritwali kif ukoll temporali, u kbir ikun il‑premju li inti tikseb. Ammen.