Sezzjoni 106
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar il‑25 ta’ Novembru, 1834. Din ir‑rivelazzjoni hija indirizzata lil Warren A. Cowdery, li jiġi ħu Oliver Cowdery l‑kbir.
1–3, Warren A. Cowdery imsejjaħ bħala uffiċjal lokali li jippresedi; 4–5, Għal ulied id‑dawl it‑Tieni Miġja mhijiex se tiġi għal għarrieda, bħal xi ħalliel; 6–8, Barkiet kbar jiksbu dawk li jaqdu b’lealtà fil‑Knisja.
1 Hija r‑rieda tiegħi li l‑qaddej tiegħi Warren A. Cowdery jiġi maħtur u ordnat bħala qassis il‑kbir li jippresedi fuq il‑knisja tiegħi, fl‑art ta’ Freedom u fl‑inħawi tal‑madwar;
2 U huwa għandu jxandar l‑evanġelju ta’ dejjem tiegħi, u għandu jsemma’ leħnu u jwiddeb lin‑nies, mhux biss fl‑inħawi tiegħu iżda wkoll fil‑kontej tal‑madwar;
3 U għandu jiddedika ħinu kollu għal din is‑sejħa importanti u qaddisa, li qed insejjaħlu għaliha, u għandu jfittex bir‑reqqa s‑saltna tas‑smewwiet u s‑sewwa tagħha, u kull ħaġa meħtieġa tiġi miżjuda magħha; għax il‑ħaddiem ħaqqu ħlasu.
4 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, il‑miġja tal‑Mulej tinsab fil‑qrib, u għad‑dinja se tiġi għal għarrieda bħal ħalliel billejl—
5 Għalhekk, ħażżmu ġenbejkom, biex intom tkunu ulied id‑dawl, u dak il‑jum ma jiġix fuqkom għal għarrieda bħal xi ħalliel.
6 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, x’hena kien hemm fis‑smewwiet meta l‑qaddej tiegħi Warren issottometta ruħu għax‑xettru tiegħi, u tbiegħed mill‑falzità qarrieqa tal‑bnedmin;
7 Għalhekk, hieni hu l‑qaddej tiegħi Warren, għax miegħu se nuri ħniena; u, minkejja l‑frugħa ta’ qalbu, lilu jiena ngħolli ’l fuq jekk huwa jumilja ruħu quddiemi.
8 U lilu nagħtih il‑grazzja u l‑fiduċja biex jibqa’ sħiħ; u jekk huwa jibqa’ fidil fix‑xhieda tiegħu u jibqa’ jkun dawl għall‑knisja, jiena ħejjejt għalih kuruna fil‑postijiet li hemm fid‑dar ta’ Missieri. Hekk għandu jkun. Ammen.