Sezzjoni 18
Rivelazzjoni lil Joseph Smith il‑Profeta, Oliver Cowdery u David Whitmer, mogħtija ġewwa Fayette, New York, Ġunju 1829. Skont il‑Profeta, din ir‑rivelazzjoni tiżvela “is‑sejħa tat‑tnax‑il appostlu f’dawn l‑aħħar żminijiet, kif ukoll ċerti struzzjonijiet relatati mat‑twaqqif tal‑Knisja.”
1–5, Skrittura li turi kif għandha tiġi mwaqqfa l‑Knisja; 6–8, Id‑dinja hi misjura sew fil‑ħażen; 9–16, Il‑valur tal‑erwieħ huwa wieħed kbir; 17–25, Biex jiksbu s‑salvazzjoni, il‑bnedmin jeħtieġ li jieħdu fuqhom isem Kristu; 26–36, Żvelata s‑sejħa u l‑missjoni tat‑Tnax; 37–39, Oliver Cowdery u David Whitmer għandhom imorru jfittxu lit‑Tnax; 40–47, Biex jiksbu s‑salvazzjoni, il‑bnedmin jeħtieġ li jindmu, jitgħammdu, u jħarsu l‑kmandamenti.
1 Issa, ara, minħabba dak li inti xtaqt tkun taf mingħandi, O qaddej tiegħi Oliver Cowdery, dan hu l‑kliem li jien se ngħidlek:
2 Ara, jiena lilek urejtek bosta drabi, permezz tal‑Ispirtu tiegħi, li l‑ħwejjeġ li inti ktibt huma vera; għalhekk inti taf li huma vera.
3 U jekk inti taf li huma vera, ara, jien se nagħtik kmandament, li inti għandek tafda f’dawk il‑ħwejjeġ li ġew miktubin;
4 Għax fihom issib miktub dak kollu li jikkonċerna s‑sisien tal‑knisja tiegħi, tal‑evanġelju tiegħi, u tal‑blata tiegħi.
5 Għalhekk, jekk inti twaqqaf il‑knisja tiegħi fuq is‑sisien tal‑evanġelju tiegħi u l‑blata tiegħi, is‑setgħat tal‑infern ma jegħlbukx.
6 Ara, id‑dinja hi misjura sew fil‑ħażen; u jeħtieġ li wlied il‑bnedmin jiġu mħeġġa sabiex jindmu, sew il‑Ġentili u sew id‑dar ta’ Iżrael.
7 Għalhekk, għax inti ġejt mgħammed mill‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., skont kif ordnajtlu jagħmel jien, huwa b’hekk wettaq dak li jien ordnajtlu jagħmel.
8 U issa, tistagħġibx li jiena sejjaħtlu għall‑għan tiegħi, liema għan jien biss naf x’inhu; għalhekk, jekk huwa jħares bir‑reqqa l‑kmandamenti tiegħi huwa jkun imbierek bil‑ħajja ta’ dejjem; u ismu huwa Joseph.
9 U issa, Oliver Cowdery, se nkellem lilek, kif ukoll lil David Whitmer, permezz ta’ kmandament; għax ara, jiena nordna lill‑bnedmin kollha ma’ kullimkien biex jindmu, u jiena nkellem lilkom, l‑istess kif kellimt l‑Appostlu tiegħi Pawlu, għax intom ġejtu msejħin bl‑istess sejħa li ġie msejjaħ għaliha hu.
10 Ftakru li l‑valur tal‑erwieħ huwa wieħed kbir f’għajnejn Alla;
11 Għax araw, il‑Mulej il‑Feddej tagħkom sofra l‑mewt fil‑ġisem; għalhekk huwa sofra l‑uġigħ tal‑bnedmin kollha, sabiex il‑bnedmin kollha jkunu jistgħu jindmu u jersqu lejh.
12 U huwa reġa’ qam mill‑imwiet, biex ikun jista’ jressaq lill‑bnedmin kollha lejh, jekk huma jindmu.
13 U kemm hi kbira l‑hena tiegħu għar‑ruħ li tindem!
14 Għalhekk, intom ġejtu msejħin biex ixxandru l‑indiema lil dan il‑poplu.
15 U jekk intom tgħaddu ħajjitkom kollha xxandru l‑indiema lil dan il‑poplu, u tressqu mqar ruħ waħda lejja, kemm tkun kbira l‑hena tagħkom flimkien magħha fis‑saltna ta’ Missieri!
16 U issa, jekk kbira tkun l‑hena tagħkom minħabba ruħ waħda li intom ressaqtu lejja fis‑saltna ta’ Missieri, kemm tkun akbar l‑hena tagħkom jekk tressqu lejja bosta erwieħ!
17 Ara, intom għandkom l‑evanġelju tiegħi, u l‑blata u s‑salvazzjoni tiegħi.
18 Itolbu b’fidi lill‑Missier f’ismi, emmnu li se taqilgħu, u li se jkollkom magħkom l‑Ispirtu s‑Santu, li juri lil ulied il‑bnedmin dak kollu li jaqbel lilhom.
19 U jekk ma jkollkomx il‑fidi, it‑tama, u l‑karità, intom ma tistgħu tagħmlu xejn.
20 Teħduha mal‑ebda knisja, ħlief mal‑knisja tax‑xitan.
21 Ħudu fuqkom isem Kristu, u bl‑għaqal kollu għidu l‑verità.
22 U dawk kollha li jindmu u jitgħammdu f’ismi, li hu Ġesù Kristu, u jibqgħu sħaħ sal‑aħħar, huma jiksbu s‑salvazzjoni.
23 Araw, Ġesù Kristu huwa l‑isem li ġie mogħti mill‑Missier, u ma ngħata l‑ebda isem ieħor li permezz tiegħu l‑bniedem jista’ jikseb is‑salvazzjoni;
24 Għalhekk, il‑bnedmin kollha jeħtieġ li jieħdu fuqhom l‑isem li ġie mogħti mill‑Missier, għax hu permezz ta’ dak l‑isem li huma se jiġu msejħa fl‑aħħar jum;
25 Għalhekk, jekk huma ma jafux l‑isem li bih se jiġu msejħa, huma ma jistgħux jiksbu post fis‑saltna ta’ Missieri.
26 U issa, araw, hemm oħrajn li ġew msejħa biex ixandru l‑evanġelju tiegħi, sew lill‑Ġentili u sew lil‑Lhud;
27 Iva, dawn l‑imsejħin huma tnax; u t‑Tnax se jkunu d‑dixxipli tiegħi, u huma se jieħdu fuqhom ismi; u t‑Tnax huma dawk li juru x‑xewqa li jieħdu fuqhom ismi b’impenn sħiħ f’qalbhom.
28 U jekk huma juru x‑xewqa li jieħdu fuqhom ismi b’impenn sħiħ f’qalbhom, huma jiġu msejħa biex imorru fid‑dinja kollha jxandru l‑evanġelju tiegħi lil kull ħlejqa.
29 U huma dawk li taqbilħaqq ġew ordnati minni biex jgħammdu f’ismi, skont dak li hemm miktub;
30 U intom għandkom quddiemkom dak li hemm miktub; għalhekk, jeħtieġ li tagħmlu dan skont dak li hemm miktub.
31 U issa se nkellem lilkom, it‑Tnax—Araw, il‑grazzja tiegħi hi biżżejjed għalikom; jeħtieġ li timxu bis‑sewwa quddiemi u ma taqgħux fid‑dnub.
32 U araw, intom dawk li ġejtu ordnati minni biex tordnaw qassisin u għalliema; biex ixxandru l‑evanġelju tiegħi, skont il‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu li tinsab fikom, u skont is‑sejħiet u d‑doni ta’ Alla lill‑bnedmin;
33 U huwa jiena, Ġesù Kristu, il‑Mulej u Alla tagħkom, li qed ngħid dan.
34 Dan il‑kliem mhux ġej mill‑bnedmin jew minn xi bniedem, iżda minni; għalhekk, jeħtieġ li intom tixhdu li dal‑kliem ġej minni u mhux minn xi bniedem;
35 Għax huwa leħni li qed jgħidilkom dan; għax huwa qed jingħata lilkom permezz tal‑Ispirtu tiegħi, u permezz tal‑qawwa tiegħi intom tistgħu taqrawh lil xulxin; u li kieku ma kienx għall‑qawwa tiegħi ma kienx jingħata lilkom;
36 Għalhekk, intom tistgħu tixhdu li smajtu leħni, u li intom tafu kliemi.
37 U issa, araw, jiena nagħti lilek, Oliver Cowdery, kif ukoll lilek, David Whitmer, ir‑responsabbiltà li tmorru tfittxu lit‑Tnax, u dawn għandhom juru fihom ix‑xewqat li jiena tkellimt dwarhom;
38 U minn xewqathom u għemilhom intom tagħrfuhom.
39 U meta ssibuhom għandkom turuhom dawn il‑ħwejjeġ.
40 U intom għandkom tinżlu mal‑art u tqimu lill‑Missier f’ismi.
41 U jeħtieġ li intom tmorru xxandru lid‑dinja u tgħidu: Jeħtieġ li intom tindmu u titgħammdu, f’isem Ġesù Kristu;
42 Għax il‑bnedmin kollha jeħtieġ li jindmu u jitgħammdu; mhux l‑irġiel biss, iżda anke n‑nisa, u t‑tfal li laħqu l‑età tar‑responsabbiltà.
43 U issa, wara li ġejtu mogħtija din ir‑rivelazzjoni, jeħtieġ li intom tħarsu l‑kmandamenti tiegħi f’kollox;
44 U permezz tagħkom jiena se nwettaq ħidma tal‑għaġeb fost ulied il‑bnedmin, li twassal lil bosta nies sabiex jagħrfu dnubiethom, biex huma jindmu, u jkunu jistgħu jidħlu fis‑saltna ta’ Missieri.
45 Għalhekk, il‑barkiet li jiena nagħtikom huma akbar minn kull ħaġa.
46 U issa li ġejtu mogħtija din ir‑rivelazzjoni, jekk intom ma tħarsux il‑kmandamenti tiegħi intom ma tistgħux tiksbu s‑salvazzjoni fis‑saltna ta’ Missieri.
47 Araw, jiena, Ġesù Kristu, il‑Mulej u Alla tagħkom, u l‑Feddej tagħkom, għidtilkom dan bil‑qawwa tal‑Ispirtu tiegħi. Ammen.