Sezzjoni 67
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Ħiram, Ohio, fil‑bidu ta’ Novembru, 1831. Dan seħħ waqt konferenza speċjali, li fiha dawk li attendew xtarrew u ħadu azzjoni dwar il‑pubblikazzjoni tar‑rivelazzjonijiet li kienu ngħataw diġà mill‑Mulej permezz tal‑Profeta (ara l‑intestatura għal sezzjoni 1). Ftit qabel William W. Phelps kien għadu kif fetaħ stamperija tal‑Knisja ġewwa Independence, Missouri. Waqt il‑konferenza ġie deċiż li jiġu ppubblikati r‑rivelazzjonijiet fil‑ Book of Commandments u tiġi stampata 10,000 kopja (li minħabba ċerti diffikultajiet li ma kenux qed jistennew, aktar tard niżlu għal 3,000 kopja). Ħafna mill‑aħwa qasmu x‑xhieda solenni tagħhom li r‑rivelazzjonijiet li kienu ġew stampati kienu vera tabilħaqq, kif xehed magħhom l‑Ispirtu s‑Santu li ġie msawwab fuqhom. L‑istorja ta’ Joseph Smith tgħidilna li wara li ngħatat ir‑rivelazzjoni magħrufa bħala sezzjoni 1, qam ċertu diskors dwar il‑lingwaġġ li ntuża fir‑rivelazzjonijiet. Wara ngħatat din ir‑rivelazzjoni.
1–3, Il‑Mulej jisma’ t‑talb tal‑presbiteri tiegħu u lilhom huwa jħares; 4–9, Hu jisfida l‑aktar bniedem għaref jekk għandux il‑ħila jidduplika l‑anqas rivelazzjoni fost ir‑rivelazzjonijiet tiegħu; 10–14, Il‑presbiteri fidili jingħataw il‑ħajja permezz tal‑Ispirtu u huma jaraw wiċċ Alla.
1 Araw u agħtu widen, O presbiteri tal‑knisja tiegħi, li nġbartu flimkien, li talbkom jiena smajt, u li naf x’hemm f’qalbkom, u li xewqatkom telgħu quddiemi.
2 Araw, għajnejja jinsabu fuqkom, u s‑smewwiet u l‑art jinsabu f’idejja, u huwa jien li nagħti l‑ġid li jibqa’ għal dejjem.
3 Intom ippruvajtu temmnu li tistgħu tirċievu l‑barka li kien hemm lesta għalikom; iżda araw, tassew ngħidilkom li qalbkom kienet mimlija biża’, u tabilħaqq din hi r‑raġuni għalfejn intom ma rċevejtux il‑barka.
4 U issa jien, il‑Mulej, se nagħtikom xhieda tal‑verità ta’ dawn il‑kmandamenti li hawn quddiemkom.
5 Għajnejkom kienu fuq il‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., u intom kontu tafu bil‑lingwaġġ tiegħu, u kontu tafu wkoll bid‑dgħufijiet tiegħu; u bil‑moħbi ppruvajtu turu kif tistgħu tesprimu dak li huwa kiteb b’lingwaġġ aħjar; dan intom tafuh ukoll.
6 Issa, fil‑Ktieb tal‑Kmandamenti, fittxu l‑anqas rivelazzjoni fosthom kollha, u sibu l‑aktar bniedem għaref fostkom;
7 Jew aħjar, araw jekk fostkom hemmx xi ħadd li għandu l‑ħila jidduplikaha, imbagħad ikollkom raġun tgħidu li ma tafux jekk humiex vera;
8 Iżda jekk m’għandkomx il‑ħila tidduplikawha, intom tiġu kundannati jekk ma tixhdux li huma vera.
9 Għax intom tafu li fihom m’hemm xejn li mhux sewwa, u dak li hu sewwa ġej mis‑sema, minn Missier id‑dawl.
10 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom li hu ta’ privileġġ għalikom, u hija wkoll wegħda li jien se nagħti lilkom li ġejtu ordnati għal dan il‑ministeru, li diment li intom titneżżgħu minn kull għira u biża’, u tiċċekknu quddiemi, għax m’intomx umli biżżejjed, il‑velu jispiċċa jitqatta’ u lili intom taraw u tagħrfu li jiena hu—mhux permezz tal‑moħħ karnali jew naturali, iżda permezz tal‑moħħ spiritwali.
11 Għax l‑ebda bniedem qatt ma ra lil Alla fil‑ġisem, sakemm huwa ma ġiex mogħti l‑ħajja permezz tal‑Ispirtu ta’ Alla.
12 U l‑ebda bniedem naturali ma jista’ jissaporti l‑preżenza ta’ Alla, u l‑istess il‑bniedem b’moħħ karnali.
13 Intom għalissa ma tistgħux tissaportu l‑preżenza ta’ Alla, lanqas il‑qadi tal‑anġli; għalhekk, komplu uru s‑sabar sakemm issiru perfetti.
14 La tħallux moħħkom jerġa’ lura; u meta tkunu denji, meta nħoss li hu l‑waqt, intom tkunu tistgħu tagħrfu u tifhmu dak li ġie mogħti lilkom permezz ta’ idejn il‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun. Ammen.