Skrittura
Duttrina u Patti 49


Sezzjoni 49

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta lil Sidney Rigdon, Parley P. Pratt, u Leman Copley, f’Kirtland, Ohio, nhar is‑7 ta’ Mejju, 1831. Leman Copley aċċetta bil‑qalb l‑evanġelju iżda baqa’ jħaddan ċertu tagħlim tax‑Shakers (Is‑Soċjetà Magħquda ta’ Dawk li Jemmnu fit‑Tieni Żjara ta’ Kristu), li kien jagħmel parti minnhom qabel. Parti mit‑twemmin tax‑Shakers kien jgħid li t‑Tieni Miġja ta’ Kristu diġà seħħet u li Huwa wera lilu nnifsu f’forma ta’ mara, Ann Lee. Huma ma kenux jikkunsidraw il‑magħmudija permezz tal‑ilma bħala xi ħaġa essenzjali. Huma ma kenux jaċċettaw iż‑żwieġ, u kienu jemmnu f’ħajja ta’ ċelibat totali. Ċerti Shakers kienu jipprojbixxu wkoll li wieħed jiekol il‑laħam. Bħala daħla għal din ir‑rivelazzjoni, l‑istorja ta’ Joseph Smith tiddikjara, “Sabiex ikolli għarfien aktar sħiħ dwar dan is‑suġġett, jiena tlabt lill‑Mulej, u ġie mogħti lili dan li ġej.” Ir‑rivelazzjoni xxejjen xi wħud mill‑kunċetti bażiċi tal‑għaqda tax‑Shakers. L‑aħwa li ssemmew qabel, ħadu magħhom kopja tar‑rivelazzjoni għand il‑komunità tax‑Shakers (qrib Cleveland, Ohio) u qrawha kollha kemm hi quddiemhom, iżda ma ġietx aċċettata.

1–7, Il‑jum u s‑siegħa tal‑miġja ta’ Kristu se jibqa’ mhux magħruf sakemm Huwa jiġi; 8–14, Il‑bnedmin jeħtieġ li jindmu, jemmnu l‑evanġelju, u jobdu l‑ordinanzi biex huma jiksbu s‑salvazzjoni; 15–16, Iż‑żwieġ huwa ordnat minn Alla; 17–21, Hu permess l‑ikel tal‑laħam; 22–28, Qabel it‑Tieni Miġja Sijon sejjer jiffjorixxi, u l‑istess il‑Lamaniti.

1 Agħtu widen għal kelmti, O qaddejja tiegħi Sidney, Parley, u Leman; għax araw, tassew ngħidilkom, li jiena nagħtikom kmandament li intom għandkom tmorru u xxandru l‑evanġelju tiegħi, li intom ingħatajtu, bil‑mod li ġie mogħti lilkom, fost ix‑Shakers.

2 Araw, jien ngħidilkom, li huma jixtiequ li jkunu jafu parti mill‑verità, iżda mhux kollha, għax f’għajnejja huma mhumiex ġusti u jeħtieġ li jindmu.

3 Għalhekk, jiena qed nibgħatkom, O qaddejja tiegħi Sidney u Parley, biex ixxandrulhom l‑evanġelju.

4 U l‑qaddej tiegħi Leman għandu jiġi ordnat għal din il‑ħidma, ħalli huwa jkun jista’ jiddiskuti magħhom, mhux skont dak li huwa tgħallem mingħandhom, iżda skont dak li se jiġi mgħallem lilu permezz tagħkom, O qaddejja tiegħi; u għax huwa jagħmel dan, lilu jiena nbierek, altrimenti huwa ma jirnexxilux.

5 Dan jgħid il‑Mulej; għax jiena Alla, u jiena bgħatt l‑Iben il‑Waħdieni tiegħi fid‑dinja biex jifdi d‑dinja, u jiena nistqarr li min lilu jaċċetta, huwa jikseb is‑salvazzjoni, u min ma jaċċettahx, jiġi kkundannat—

6 U huma ġiebu ruħhom ma’ Bin il‑Bniedem kif għoġob lilhom; u huwa rċieva s‑setgħa fuq il‑lemin tal‑glorja tiegħu, u issa huwa jinsab isaltan fis‑smewwiet, u se jibqa’ jsaltan sakemm huwa jinżel fuq l‑art biex iqiegħed l‑għedewwa kollha taħt riġlejh, liema żmien jinsab fil‑qrib—

7 Jiena, il‑Mulej Alla, qed ngħid dan; iżda ħadd ma jaf is‑siegħa u l‑jum, lanqas l‑anġli fis‑smewwiet, u huma mhux se jkunu jafu dan qabel ma huwa jiġi.

8 Għalhekk, jiena rrid li l‑bnedmin kollha jindmu, għax ilkoll jinsabu taħt il‑ħakma tad‑dnub, ħlief dawk li jiena ppreservajt għalija nnifsi, nies qaddisin li dwarhom intom ma tafux.

9 Għalhekk, jiena ngħidilkom li jien bgħattilkom il‑patt ta’ dejjem tiegħi, sewwasew dak li kien sa mill‑bidu.

10 U dak li jiena wegħidt jiena wettaqt, u l‑ġnus tal‑art sejrin iqimuh; u jekk huma ma jagħmlux dan, huma jiġu mġiegħla jiċċekknu, għax min ikabbar lilu nnifsu, huwa jiġi mġiegħel jiċċekken.

11 Għalhekk, jiena nagħtikom kmandament sabiex intom tmorru fost dan il‑poplu, u tgħidulhom, kif għamel l‑appostlu tiegħi tal‑imgħoddi, li kien jismu Pietru:

12 Emmnu f’isem il‑Mulej Ġesù, li ġie fuq l‑art, u li għandu jiġi, il‑bidu u t‑tmiem;

13 Indmu u tgħammdu f’isem Ġesù Kristu, skont il‑kmandament imqaddes, għall‑maħfra tad‑dnubiet;

14 U min jagħmel dan sejjer jirċievi d‑don tal‑Ispirtu s‑Santu, permezz tat‑tqegħid ta’ idejn il‑presbiteri tal‑knisja.

15 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, li min jipprojbixxi lil xi ħadd milli jiżżewweġ mhuwiex ordnat minn Alla, għax iż‑żwieġ huwa ordnat minn Alla għall‑bniedem.

16 Għalhekk, skont il‑liġi r‑raġel għandu jkollu mara waħda, u huma t‑tnejn isiru ġisem wieħed, u dan iseħħ biex id‑dinja tkun tista’ ttemm l‑għan tal‑ħolqien tagħha;

17 U biex hi tkun tista’ tilqa’ għandha l‑milja sħiħa tal‑bnedmin, skont il‑pjan tal‑ħolqien tiegħu sa minn qabel ma nħolqot id‑dinja.

18 U min jgħid li wieħed għandu jastjeni mil‑laħam, li l‑bniedem m’għandux jiekol laħam, mhuwiex ordnat minn Alla;

19 Għax araw, il‑bhejjem tar‑raba’ u l‑għasafar tal‑ajru, u dak li ġej mill‑art, ingħataw għall‑użu tal‑bniedem, għall‑ikel u l‑ilbies, u biex huwa jkollu bil‑kotra.

20 Iżda mhux permess li xi ħadd ikollu aktar minn bniedem ieħor, u hu sewwasew għalhekk li d‑dinja tinsab fi stat ta’ dnub.

21 U ħażin għalih dak il‑bniedem li jxerred demm l‑annimal, jew li jaħli ġismu bla ma jkun meħtieġ.

22 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, li Bin il‑Bniedem mhux se jiġi f’forma ta’ mara, lanqas bħala xi raġel vjaġġatur fid‑dinja.

23 Għalhekk, la titqarrqux, iżda ibqgħu mexjin b’determinazzjoni, u ħarsu ’l quddiem għal meta s‑smewwiet jitriegħdu, u l‑art titheżżeż u titbandal bħal raġel xurban, u għal meta jintradmu l‑widien, u jitniżżlu l‑muntanji, u titwitta l‑art imħarbta—u dan kollu se jseħħ meta l‑anġlu jdoqq it‑tromba tiegħu.

24 Iżda qabel jasal il‑jum kbir tal‑Mulej, Ġakobb sejjer jiffjorixxi fid‑deżert, u l‑Lamaniti sejrin jiffjorixxu bħall‑ward.

25 Sijon sejjer jiffjorixxi fuq l‑għoljiet u sejjer jithenna fuq il‑muntanji, u huma sejrin jinġabru flimkien fil‑post li għażilt jien.

26 Araw, jiena ngħidilkom, morru kif ordnajtilkom jien; indmu minn dnubietkom kollha; itolbu u tirċievu; ħabbtu u jiftħulkom.

27 Araw, jiena nimxi quddiemkom u warajkom; u jiena nkun f’nofskom u intom ma jkollkomx għalfejn titħawdu.

28 Araw, jien Ġesù Kristu, u jiena dalwaqt ġej. Hekk għandu jkun. Ammen.