Sezzjoni 69
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Ħiram, Ohio, nhar il‑11 ta’ Novembru, 1831. Il‑ġabra ta’ rivelazzjonijiet intenzjonata li tiġi ppubblikata fi żmien qasir ġiet approvata waqt konferenza speċjali li saret fl‑1 u t‑2 ta’ Novembru. Nhar it‑3 ta’ Novembru, ġiet miżjuda r‑rivelazzjoni li qed tidher hawnhekk bħala sezzjoni 133, u li aktar tard bdiet tissejjaħ bħala l‑Appendiċi. Qabel seħħ dan, Oliver Cowdery ġie magħżul biex jieħu l‑manuskritt, bil‑ġabra ta’ rivelazzjonijiet u kmandamenti, f’Independence, Missouri, ħalli jkun jista’ jiġi stampat. Hu kellu jieħu miegħu wkoll il‑flus li kienu ngħataw bħala kontribuzzjoni għall‑bini tal‑Knisja f’Missouri. Din ir‑rivelazzjoni tordna lil John Whitmer biex imur jakkumpanja lil Oliver Cowdery u titlob ukoll lil Whitmer biex waqt il‑vjaġġ tiegħu huwa jmur u jiġbor xi materjal storiku bħala parti mis‑sejħa tiegħu bħala storiku u kronista tal‑Knisja.
1–2, John Whitmer għandu jmur jakkumpanja lil Oliver Cowdery f’Missouri; 3–8, Huwa għandu wkoll ixandar il‑kelma u jiġbor, jirreġistra, u jikteb ċerta informazzjoni storika.
1 Isimgħuni, jgħid il‑Mulej Alla tagħkom, għall‑ġid tal‑qaddej tiegħi Oliver Cowdery. Mhuwiex fl‑għerf tiegħi li huwa jiġi fdat li jieħu l‑kmandamenti u l‑flus fl‑art ta’ Sijon, jekk ma jmurx miegħu xi ħadd li huwa leali u ta’ min joqgħod fuqu.
2 Għalhekk, jien, il‑Mulej, irrid li l‑qaddej tiegħi, John Whitmer, imur mal‑qaddej tiegħi Oliver Cowdery;
3 U rrid ukoll li huwa jkompli jikteb u jiġbor flimkien storja ta’ dawk il‑ħwejjeġ importanti kollha li huwa jinnota u li jkun konxju tagħhom li jikkonċernaw il‑knisja tiegħi;
4 U hu għandu jingħata wkoll parir u għajnuna mill‑qaddej tiegħi Oliver Cowdery u minn oħrajn.
5 U l‑qaddejja tiegħi li jinsabu madwar id‑dinja għandhom ukoll jibagħtu rapport fl‑art ta’ Sijon dwar dak kollu li huma responsabbli minnu;
6 Għax l‑art ta’ Sijon sejra tkun il‑lok u l‑post li fih jinżamm u jinħadem dan kollu.
7 Madankollu, jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi John Whitmer imur jivvjaġġa kemm‑il darba minn post għall‑ieħor, u minn knisja għall‑oħra, ħalli huwa jkun jista’ jikseb ċerta informazzjoni mingħajr wisq intoppi—
8 Huwa għandu jmur ixandar u jfisser il‑kelma, kif ukoll jikteb, jikkopja, jagħżel, u jikseb kull ħaġa li tista’ tkun ta’ ġid għall‑knisja, u għall‑ġenerazzjonijiet li telgħin, li se jkunu qed jitrabbew fl‑art ta’ Sijon, biex fiha huma jgħixu minn ġenerazzjoni għall‑oħra, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.