Sezzjoni 66
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Ħiram, Ohio, nhar id‑29 ta’ Ottubru, 1831. William E. McLellin talab bil‑ħrara lill‑Mulej fil‑moħbi biex isir jaf, permezz tal‑Profeta, it‑tweġiba għal ħames mistoqsijiet, li t‑tweġiba tagħhom Joseph Smith ma kienx jafha. Fuq talba ta’ McLellin, il‑Profeta staqsa lill‑Mulej, u rċieva din ir‑rivelazzjoni.
1–4, Il‑patt ta’ dejjem huwa l‑milja tal‑evanġelju; 5–8, Il‑presbiteri għandhom ixandru, jixhdu, u jiddiskutu man‑nies; 9–13, Meta wieħed iservi fil‑ministeru b’fedeltà, huwa jkun qed jiggarantixxi lilu nnifsu sehem mill‑ħajja ta’ dejjem.
1 Ara, dan jgħid il‑Mulej lill‑qaddej tiegħi William E. McLellin—Hieni int, dejjem jekk inti erġajt lura minn ħżunitek, u aċċettajt il‑veritajiet tiegħi, jgħid il‑Mulej il‑Feddej tiegħek, is‑Salvatur tad‑dinja, u henjin ukoll dawk kollha li jemmnu f’ismi.
2 Tassew ngħidlek, hieni int talli aċċettajt il‑patt ta’ dejjem tiegħi, sewwasew il‑milja tal‑evanġelju tiegħi, li jitwassal fost ulied il‑bnedmin, biex huma jkun jista’ jkollhom il‑ħajja u jkollhom sehem mill‑glorji li sejrin jiġu żvelati fl‑aħħar żminijiet, kif inkiteb mill‑profeti u l‑appostli fi żmien il‑qedem.
3 Tassew ngħidlek, O qaddej tiegħi William, li inti bniedem safi, iżda mhux għal kollox; indem, għalhekk, minn dak kollu li ma jogħġobx lili, jgħid il‑Mulej, għax jien il‑Mulej se nurik dak li għandek tindem minnu.
4 U issa, jien, il‑Mulej, tassew se nurik dak li jiena rrid minnek jew x’inhi r‑rieda tiegħi għalik.
5 Ara, tassew ngħidlek, li hija r‑rieda tiegħi li inti tmur u xxandar l‑evanġelju tiegħi minn art għall‑oħra, u minn belt għall‑oħra, iva, f’dawk l‑inħawi tal‑madwar fejn għadu ma ġiex imxandar.
6 Iddumx wisq f’dan il‑post; tmurx għalissa fl‑art ta’ Sijon; iżda dak kollu li tista’ tibgħat hemmhekk, ibgħatu; altrimenti, toqgħodx taħseb dwar ġidek.
7 Mur lejn l‑artijiet tal‑lvant, aqsam ix‑xhieda tiegħek f’kull post, mal‑popli kollha, fis‑sinagogi tagħhom, u ara li tiddiskuti man‑nies.
8 Jeħtieġ li jiġi miegħek il‑qaddej tiegħi Samuel H. Smith, u la tabbandunahx, u jeħtieġ li lilu inti tgħallem; u min hu fidil jingħata l‑qawwa f’kull post li huwa jkun fih; u jien, il‑Mulej, se niġi miegħek.
9 Medd idejk fuq il‑morda, u huma jfiqu. Terġax lura qabel ma jien, il‑Mulej, nibgħat għalik. Uri s‑sabar fit‑taħbit tiegħek. Itlob, u taqla’; ħabbat, u jiftħulek.
10 Toqgħodx tħabbel moħħok. Tbiegħed minn kull ħażen. La tagħmilx adulterju—sewwasew tentazzjoni li inti ġarrabt.
11 Ara li tobdi dan il‑kliem, għax huwa veru, u ta’ min joqgħod fuqu; u jeħtieġ li tagħmel ġieħ l‑uffiċċju tiegħek, u ara li tressaq kemm jista’ jkun nies lejn Sijon li jgħannu bil‑ferħ, b’ferħ ta’ dejjem fuq rashom.
12 Ibqa’ agħmel dan sewwasew sal‑aħħar, u inti tikseb il‑kuruna tal‑ħajja ta’ dejjem fuq il‑lemin ta’ Missieri, li hu mimli bil‑grazzja u l‑verità.
13 Dan jgħid tassew il‑Mulej Alla tiegħek, il‑Feddej tiegħek, l‑istess Ġesù Kristu. Ammen.