Skrittura
Duttrina u Patti 39


Sezzjoni 39

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta lil James Covel, ġewwa Fayette, New York, nhar il‑5 ta’ Jannar, 1831. James Covel, li kien ilu ministru Metodista għal kważi erbgħin sena, għamel patt mal‑Mulej li hu kien lest li jobdi kull kmand li l‑Mulej kien se jagħtih permezz ta’ Joseph il‑Profeta.

1–4, Il‑Qaddisin għandhom il‑qawwa li jsiru wlied Alla; 5–6, Li naċċettaw l‑evanġelju ifisser li naċċettaw lil Kristu; 7–14, James Covel jiġi ordnat biex jitgħammed u jaħdem fl‑għalqa tal‑Mulej; 15–21, Il‑qaddejja tal‑Mulej għandhom ixandru l‑evanġelju qabel it‑Tieni Miġja; 22–24, Dawk li jirċievu l‑evanġelju sejrin jinġabru flimkien fiż‑żmien u fl‑eternità.

1 Agħti widen u isma’ l‑leħen ta’ dak li hu minn dejjem ta’ dejjem u jibqa’ għal dejjem, il‑Kbir Jiena Hu, l‑istess Ġesù Kristu—

2 Id‑dawl u l‑ħajja tad‑dinja; dawl li jiddi fid‑dlam imma d‑dlam ma jegħlbux;

3 Jien li ġejt fil‑meridjan taż‑żmien għand niesi, u niesi ma laqgħunix;

4 Iżda dawk kollha li laqgħuni, lilhom jiena tajt il‑qawwa li jsiru wliedi; u l‑istess qawwa jien nagħti lil dawk kollha li jilqgħuni, il‑qawwa li huma jsiru wliedi.

5 U tassew tassew ngħidilkom, min jilqa’ l‑evanġelju tiegħi, ikun qed jilqa’ lili; u min ma jilqax l‑evanġelju tiegħi, ma jkunx qed jilqa’ lili.

6 U dan hu l‑evanġelju tiegħi—l‑indiema u l‑magħmudija permezz tal‑ilma, u mbagħad tiġi l‑magħmudija tan‑nar u l‑Ispirtu s‑Santu, sewwasew il‑Farrâġ, li jiżvela kull ħaġa, u li jgħallem il‑ħwejjeġ tas‑saltna li jġibu s‑sliem.

7 U issa, ara, jiena ngħidlek, o qaddej tiegħi James, li jien żammejt għajnejja fuq ħidmietek u lilek jiena nafek.

8 U tassew ngħidlek, li bħalissa qalbek tinsab fil‑post it‑tajjeb f’għajnejja; u, ara, jiena sawwabt fuqek barkiet kbar;

9 Madankollu, inti esperjenzajt niket kbir, għax lili inti warrabtni bosta drabi minħabba l‑kburija u l‑inkwiet żejjed għall‑ħwejjeġ tad‑dinja.

10 Iżda, ara, wasal iż‑żmien meta lilek jiena neħles, jekk inti tisma’ leħni, li lilek jgħid: Qum u tgħammed, u nħasel minn dnubietek, u sejjaħ ismi, u inti tirċievi l‑Ispirtu tiegħi, u tirċievi wkoll barka kbira li bħalha qatt ma esperjenzajt qabel.

11 U jekk inti tagħmel dan, jiena lilek ħejjejt għal ħidma akbar. Inti għandek ixxandar il‑milja tal‑evanġelju tiegħi, li jiena bgħatt fid‑dinja f’dawn l‑aħħar żminijiet, il‑patt li jiena bgħatt biex inġib lura lill‑poplu tiegħi, li ġej mid‑dar ta’ Iżrael.

12 U għad jiġri li fuqek tissawwab il‑qawwa; inti se tippossedi fidi kbira, u jiena nkun miegħek u nħejji t‑triq għalik.

13 Inti ġejt imsejjaħ biex taħdem fl‑għalqa tiegħi, u biex tibni l‑knisja tiegħi, u tistabbilixxi ’l Sijon, biex hija tibda tithenna u tħaddar fuq l‑għoljiet.

14 Ara, tassew, tassew, ngħidlek, inti ma ġejtx imsejjaħ biex tmur fil‑pajjiżi tal‑lvant, iżda ġejt imsejjaħ biex tmur fl‑Ohio.

15 U diment li l‑poplu tiegħi jinġabar flimkien fl‑Ohio, jiena għandi merfugħa għalihom barka li wlied il‑bnedmin qatt ma esperjenzaw bħalha qabel, u fuqhom jiena se nsawwab din il‑barka. U minn hemm huma se jmorru fost il‑ġnus.

16 Ara, tassew, tassew, ngħidlek, li n‑nies li hemm ġewwa Ohio sejħuli b’fidi liema bħalha, għax ħasbu li jiena se nżomm lura milli nikkastiga lill‑ġnus, iżda jiena ma nista’ qatt niċħad kelmti.

17 Għalhekk ibdew aħdmu bil‑qawwa tagħkom kollha u sejħu l‑ħaddiema fidili biex jaħdmu fl‑għalqa tiegħi, biex jiżbruha għall‑aħħar darba.

18 U jekk huma jindmu u jirċievu l‑milja tal‑evanġelju tiegħi, u jitqaddsu, jiena nżomm lura milli nikkastigahom.

19 Għalhekk, morru, għajtu b’leħen għoli u għidu: Is‑saltna tas‑smewwiet tinsab fil‑qrib; Hosanna! imbierek l‑isem ta’ Alla l‑Għoli.

20 Morru għammdu bl‑ilma, ħejju t‑triq quddiemi għal meta niġi jiena;

21 Għax is‑siegħa waslet; l‑ebda bniedem ma jaf il‑jum u s‑siegħa; imma s‑siegħa se tasal żgur.

22 U dawk li jilqgħu dawn il‑ħwejjeġ ikunu qed jilqgħu lili; u huma għad jinġabru miegħi fiż‑żmien u fl‑eternità.

23 U għal darb’oħra, għad jiġri li lil dawk kollha li intom tgħammdu permezz tal‑ilma, għandkom tqiegħdu idejkom fuqhom biex huma jirċievu d‑don tal‑Ispirtu s‑Santu, u mbagħad huma jistennew għas‑sinjali tal‑miġja tiegħi, u lili huma għad jagħrfu.

24 Araw, jiena dalwaqt ġej. Hekk għandu jkun. Ammen.