Skrittura
Duttrina u Patti 54


Sezzjoni 54

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta lil Newel Knight, f’Kirtland, Ohio, nhar l‑10 ta’ Ġunju, 1831. Kien hemm nuqqas ta’ qbil bejn il‑membri tal‑Knisja li kienu joqogħdu f’Thompson, Ohio, dwar ħwejjeġ li għandhom x’jaqsmu mal‑konsagrazzjoni tal‑propjetà. Huma bdew juru ċerta egoiżmu u regħba. Wara l‑missjoni tiegħu fost ix‑Shakers (ara l‑intestatura għal sezzjoni 49), Leman Copley kiser il‑patt li kien għamel li huwa jikkonsagra r‑razzett kbir tiegħu bħala post li jirtuh il‑Qaddisin li jaslu minn Colesville, New York. B’konsegwenza għal dan, Newel Knight (mexxej tal‑membri li kienu joqogħdu ġewwa Thompson) u xi presbiteri oħra marru għand il‑Profeta biex jistaqsuh x’kellhom jagħmlu. Il‑Profeta talab lill‑Mulej u rċieva din ir‑rivelazzjoni, li tordna lill‑membri ġewwa Thompson biex jitilqu mir‑razzett ta’ Leman Copley u jerħulha lejn Missouri.

1–6, Il‑Qaddisin jeħtieġ li jħarsu l‑patt tal‑evanġelju biex huma jiksbu l‑ħniena; 7–10, Jeħtieġ li huma juru s‑sabar fit‑tbatija.

1 Ara, dan jgħid il‑Mulej, sewwasew l‑Alfa u l‑Omega, il‑bidu u t‑tmiem, dak li ġie msallab għad‑dnubiet tad‑dinja—

2 Ara, tassew, tassew, ngħidlek, O qaddej tiegħi Newel Knight, li inti għandek iżżomm sħiħ fl‑uffiċċju li jiena ħtartek għalih.

3 U jekk ħutek jixtiequ jeħilsuha mill‑għedewwa tagħhom, jeħtieġ li huma jindmu minn dnubiethom kollha, u jumiljaw ruħhom tassew quddiemi u juru qalb sogħbiena.

4 U peress li huma kisru l‑patt li huma għamlu miegħi, għalhekk huwa ġie mħassar u safa fix‑xejn.

5 U ħażin ikun għalih min iwettaq din l‑offiża, għax kien ikun aħjar għalih li kieku huwa ġie mgħarraq f’qiegħ il‑baħar.

6 Iżda henjin dawk li baqgħu jħarsu l‑patt u josservaw il‑kmandament, għax huma jsibu l‑ħniena.

7 Għalhekk, issa morru u aħarbu minn din l‑art, ma jmorrux jaħbtu għalikom l‑għedewwa tagħkom; mela morru u nnominaw lil min tridu biex ikun il‑mexxej tagħkom u jinnegozja f’isimkom.

8 U b’hekk intom għandkom titilqu lejn l‑inħawi tal‑punent, lejn l‑art ta’ Missouri, lejn il‑fruntieri tal‑Lamaniti.

9 U wara li tieqfu tivvjaġġaw, araw, jien ngħidilkom, araw li ssostnu lilkom infuskom bħala bnedmin, sakemm jiena nħejji post għalikom.

10 U jeħtieġ ukoll li intom turu s‑sabar fit‑tbatija sakemm jiena niġi; u araw, jiena ġej dalwaqt, u miegħi nġib il‑ħlas, u dawk li fittxewni bil‑ħerqa se jsibu s‑serħan ta’ ruħhom. Hekk għandu jkun. Ammen.