Skrittura
Duttrina u Patti 1


Id‑
Duttrina u Patti

Sezzjoni 1

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, nhar l‑1 ta’ Novembru, 1831, waqt konferenza speċjali tal‑presbiteri tal‑Knisja, li saret ġewwa Hiram, Ohio. Kienu bosta r‑rivelazzjonijiet li ġew mogħtija mill‑Mulej qabel dan iż‑żmien, u l‑ġabra tagħhom għall‑pubblikazzjoni tagħhom f’forma ta’ ktieb kien wieħed mis‑suġġetti ewlenin li ġew approvati fil‑konferenza. Din is‑sezzjoni tikkonstitwixxi d‑daħla tal‑Mulej għad‑duttrina, il‑patti, u l‑kmandamenti mogħtija f’din id‑dispensazzjoni.

1–7, Il‑leħen ta’ twissija hu indirizzat lin‑nies kollha; 8–16, Qabel it‑Tieni Miġja, se sseħħ apostasija u se jkun hawn il‑ħażen; 17–23, Joseph Smith jiġi msejjaħ biex jirrestawra lid‑dinja l‑veritajiet u l‑qawwiet tal‑Mulej; 24–33, Il‑Ktieb ta’ Mormon jinġieb għad‑dawl u tiġi mwaqqfa l‑vera Knisja; 34–36, Il‑paċi tittieħed minn fuq l‑art; 37–39, Iflu sewwa dawn il‑kmandamenti.

1 Agħtu widen, O poplu tal‑knisja tiegħi, jgħid leħen dak li jgħammar fil‑għoli, u li għajnejh jinsabu fuq il‑bnedmin kollha; iva, fis‑sewwa ngħidilkom: Agħtuni widen, popli mbiegħda; u intom li tinsabu fuq il‑gżejjer tal‑baħar, isimgħu lkoll flimkien.

2 Għax leħen il‑Mulej hu indirizzat lill‑bnedmin kollha, u m’hemm ħadd li mhuwiex se jisimgħu; u m’hemm l‑ebda għajn li mhux se tara, u l‑ebda widna li mhux se tisma’; u se jippenetra kull qalb.

3 U r‑ribelli se jintlaqtu minn niket kbir; għax ħżunithom se jixxandar minn fuq il‑bjut, u l‑għemejjel sigrieta tagħhom se joħorġu fid‑deher.

4 U l‑leħen ta’ twissija hu indirizzat lin‑nies kollha, permezz ta’ fomm id‑dixxipli tiegħi, li jiena għażilt f’dawn l‑aħħar żminijiet.

5 U huma se jmorru jxandru dal‑messaġġ u ħadd mhu se jwaqqafhom, għax hu jien il‑Mulej li ordnajtilhom jagħmlu dan.

6 Araw, din hi l‑awtorità tiegħi, u l‑awtorità tal‑qaddejja tiegħi, u d‑daħla tiegħi għall‑ktieb ta’ tal‑kmandamenti tiegħi, li jiena tajthom biex jiġu mxandrin lilkom, O intom li tgħammru fl‑art.

7 Għalhekk, ibża’ u triegħed, O poplu, għax dak li jiena l‑Mulej iddikjarajt fihom se jiġi fis‑seħħ.

8 U fis‑sewwa ngħidilkom, li dawk li se jmorru jxandru din il‑bxara lil kull min jgħammar fl‑art, huma jingħataw il‑qawwa li jissiġillaw kemm fuq l‑art kif ukoll fis‑smewwiet, lil dawk ta’ bla fidi u li jirribellaw.

9 Iva, huma jiġu ssiġillati sewwasew sal‑jum li fih il‑korla ta’ Alla tissawwab bla qjies fuq il‑ħżiena.

10 Sal‑jum li fih il‑Mulej se jiġi biex irodd lura lil kull bniedem skont għemilu, u ma’ kull bniedem se juża l‑istess kejl li dak il‑bniedem uża ma’ għajru.

11 Għalhekk leħen il‑Mulej se jilħaq minn tarf għall‑ieħor tal‑art, biex kull min lest li jisma’ ħa jisma’:

12 Ħejju intom, ħejju intom għal dak li għandu jiġi, għax il‑Mulej jinsab fil‑qrib;

13 U l‑korla tal‑Mulej xegħlet, u x‑xabla tiegħu sikret fis‑smewwiet, u sejra tinżel fuq l‑abitanti tad‑dinja.

14 U driegħ il‑Mulej se joħroġ fid‑deher; u jasal il‑jum li dawk li ma jisimgħux leħen il‑Mulej, u lanqas ma jisimgħu leħen il‑qaddejja tiegħu, u lanqas ma jagħtu widen għal kliem il‑profeti u l‑appostli, sejrin jinqatgħu minn qalb il‑poplu;

15 Għax huma tbiegħdu mill‑ordinanzi tiegħi, u kisru l‑patt ta’ dejjem tiegħi;

16 Huma ma jarawx li jwettqu s‑sewwa tal‑Mulej, iżda kull bniedem jimxi kif jixtieq hu, u skont ix‑xbieha ta’ alla tiegħu, liema xbieha hi mfassla fuq id‑dinja, u n‑natura tagħha hija waħda falza, li tixjieħ u tinqered f’Babilonja, sewwasew Babilonja l‑kbira, li se tiġġarraf.

17 Għalhekk, jiena l‑Mulej, għax kont naf bl‑għawġ li għandu jolqot lil dawk li jgħammru fuq l‑art, sejjaħt lill‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., u kellimtu mis‑smewwiet u lilu jiena tajt ċerti kmandamenti;

18 U tajt kmandamenti wkoll lil oħrajn, biex huma jmorru jxandru dawn il‑ħwejjeġ lid‑dinja; u għandhom jagħmlu dan kollu biex jiġi fs‑seħħ dak li nkiteb mill‑profeti—

19 Id‑dgħajfa tad‑dinja se jiġu u jġibu fix‑xejn lill‑qawwija u s‑setgħana, biex il‑bniedem ma jieħu l‑ebda parir mingħand għajru, u lanqas ma jafda fid‑driegħ tal‑laħam—

20 Iżda biex kull bniedem ikun jista’ jitkellem f’isem Alla l‑Mulej, sewwasew is‑Salvatur tad‑dinja;

21 Sabiex il‑fidi tkun tista’ tikber ukoll fuq l‑art;

22 Sabiex ikun jista’ jitwaqqaf il‑patt ta’ dejjem tiegħi;

23 Sabiex il‑milja tal‑evanġelju tiegħi tkun tista’ tiġi mxandra mid‑dgħajjef u s‑sempliċi, minn tarf għall‑ieħor tad‑dinja, u quddiem is‑slaten u l‑ħakkiema.

24 Araw, huwa jiena li jien Alla li tkellimt; huwa jiena li tajt dawn il‑kmandamenti, u huma ġew mogħtija lill‑qaddejja tiegħi fi dgħufithom, skont il‑lingwa tagħhom, biex huma jkunu jistgħu jifhmu.

25 U diment li ma jaqgħux fl‑iżball huma jibqgħu jiksbu l‑għarfien;

26 U diment li jibqgħu jfittxu l‑għerf huma jibqgħu jiksbu t‑tagħlim;

27 U jekk jaqgħu fid‑dnub jaqilgħu tbeżbiża, biex huma jkunu jistgħu jindmu.

28 U diment li jibqgħu umli huma jiksbu l‑qawwa, u jiġu mberkin mill‑għoli, u minn żmien għall‑ieħor jiksbu l‑għarfien.

29 U wara li jilqa’ għandu l‑kitbiet tan‑Nefiti, iva, l‑istess qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., se jkollu l‑qawwa li jittraduċi, permezz tal‑ħniena ta’ Alla u bil‑qawwa ta’ Alla, il‑Ktieb ta’ Mormon.

30 U dawk ukoll li ġew mogħtija lilhom dawn il‑kmandamenti, jista’ jkollhom il‑qawwa li jħejju l‑pedament ta’ din il‑knisja, u joħorġuha ’l barra mill‑oskurità u mid‑dalma, l‑unika knisja vera u ħajja fuq wiċċ l‑art kollha, li biha, jiena l‑Mulej, nitgħaxxaq, u qed nirreferi għall‑knisja b’mod kollettiv u mhux individwali—

31 Għax jiena l‑Mulej ma nistax inħares lejn id‑dnub bl‑iċken farka tolleranza;

32 Madankollu, dak li jindem u jwettaq il‑kmandamenti tal‑Mulej jikseb il‑maħfra;

33 U dak li ma jindimx, mingħandu jittieħed sewwasew id‑dawl li jkun rċieva; għax l‑Ispirtu tiegħi ma jibqax aktar fil‑bniedem, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti.

34 U għal darb’oħra, fis‑sewwa ngħidilkom, intom kollha li tgħammru fl‑art: Jiena l‑Mulej lest li niżvela dawn il‑ħwejjeġ ma’ kull bniedem;

35 Għax jiena ma nħares lejn wiċċ ħadd, u rrid li l‑bnedmin kollha jkunu jafu li mhux se jdum ma jasal il‑jum; is‑siegħa għadha ma waslitx, iżda tinsab fil‑qrib, meta l‑paċi se tittieħed minn fuq l‑art, u x‑xitan se jkollu s‑setgħa fuq id‑dominju tiegħu.

36 U l‑Mulej se jkollu wkoll is‑setgħa fuq il‑qaddisin tiegħu, u huwa se jsaltan f’nofshom, u se jinżel biex jagħmel ħaqq minn Edom, jew mid‑dinja.

37 Iflu sew dawn il‑kmandamenti, għax huma vera u ta’ min jafdahom, u l‑profeziji u l‑wegħdiet li hemm fihom se jiġu fis‑seħħ.

38 Jiena l‑Mulej għidt dak li għidt, u ma niskużax ruħi; u minkejja li s‑sema u l‑art jgħaddu, il‑kelma tiegħi ma tgħaddi qatt, iżda se tiġi fis‑seħħ kollha kemm hi, sew jekk permezz ta’ leħni u sew jekk permezz ta’ leħen il‑qaddejja tiegħi, hija l‑istess ħaġa.

39 Għax araw, il‑Mulej hu Alla, u l‑Ispirtu jixhed dan, u x‑xhieda tiegħu hija vera, u l‑verità tibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.