Sezzjoni 105
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, madwar erba’ mili ’l fuq mix‑Xmara Fishing fil‑Kontea ta’ Clay, f’Missouri, nhar it‑22 ta’ Ġunju, 1834. Taħt it‑tmexxija tal‑Profeta, Qaddisin minn Ohio u nħawi oħra mxew lejn Missouri f’espedizzjoni li aktar tard saret magħrufa bħala l‑Kamp ta’ Sijon. L‑għan tagħhom kien li jipproteġu lill‑Qaddisin li ġew imkeċċijin minn artijiethom fil‑Kontea ta’ Jackson, f’Missouri, ladarba l‑milizzja tal‑istat twassal lura lill‑Qaddisin f’dawk l‑artijiet. Wara li l‑gvernatur ta’ Missouri rrifjuta li jsejjaħ lill‑milizzja tal‑istat biex tgħin lill‑Qaddisin, Joseph Smith irċieva din ir‑rivelazzjoni.
1–5, Sijon sejra tinbena b’konformità mal‑liġi ċelestjali; 6–13, Il‑fidwa ta’ Sijon tiġi differita għal xi żmien; 14–19, Il‑Mulej sejjer jiġġieled il‑battalji ta’ Sijon; 20–26, Il‑Qaddisin għandhom ikunu għaqlin u m’għandhomx joqogħdu jiftaħru bil‑mirakli meta jkunu miġburin flimkien; 27–30, Għandhom jinxtraw artijiet ġewwa Jackson u fil‑kontej tal‑madwar; 31–34, Il‑presbiteri għandhom jirċievu d‑dota fid‑dar tal‑Mulej ġewwa Kirtland; 35–37, Il‑Qaddisin li ġew msejħa u magħżula sejrin jitqaddsu; 38–41, Il‑Qaddisin għandhom jgħollu l‑istendard ta’ paċi lid‑dinja.
1 Tassew ngħidilkom, lilkom li nġbartu flimkien biex issiru tafu x’inhi r‑rieda tiegħi fejn tidħol il‑fidwa tal‑imsejken poplu tiegħi—
2 Araw, jien ngħidilkom, li kieku ma kienx għat‑trasgressjoni tal‑poplu tiegħi, u hawn qed nirreferi għall‑knisja kollha u mhux għal xi individwi, kieku huma bħalissa diġà jinsabu mifdija.
3 Iżda araw, huma ma tgħallmux ikunu ubbidjenti lejn il‑ħwejjeġ li jiena kont neħtieġ minnhom, iżda huma jinsabu misjurin b’kull xorta ta’ ħażen, u ġidhom ma jaqsmuhx, kif inhu mistenni mill‑qaddisin, mal‑foqra u l‑magħkusa li hemm fosthom;
4 U huma mhumiex ħaġa waħda skont l‑unjoni li hi meħtieġa bil‑liġi tas‑saltna ċelestjali;
5 U Sijon ma tistax tinbena jekk mhux fuq il‑prinċipji tal‑liġi tas‑saltna ċelestjali; altrimenti jiena ma nistax nilqagħha għandi.
6 U n‑nies tiegħi jeħtieġ li jiġu kkastigati sakemm jitgħallmu jobdu, jekk ikun meħtieġ, permezz tat‑tbatija li jgħaddu minnha.
7 Jien hawn mhux qed nitkellem dwar dawk li ġew maħtura biex imexxu lill‑poplu tiegħi, li huma l‑ewwel presbiteri tal‑knisja tiegħi, għax huma mhumiex ħatja ta’ dan;
8 Iżda jien qed nitkellem dwar il‑knejjes tiegħi li jinsabu ’l bogħod minn hawn—u huma ħafna li se jgħidu: Fejn jinsab Alla tagħhom? Araw, huwa jeħlishom fi żmien il‑għawġ, altrimenti ma nistgħux nitilgħu f’Sijon, u b’hekk inkunu nistgħu nżommu flusna.
9 Għalhekk, b’konsegwenza tat‑trasgressjoni tal‑poplu tiegħi, inħoss li jkun jaqbel li l‑presbiteri tiegħi għandhom jibqgħu jistennew ftit ieħor għall‑fidwa ta’ Sijon—
10 Ħalli huma stess ikunu jistgħu jħejju ruħhom, u n‑nies tiegħi jkunu jistgħu jitgħallmu aktar bi sħiħ, u jiksbu aktar esperjenza, u jkunu jafu aktar bi sħiħ dwar dmirijiethom, u dwar il‑ħwejjeġ li jiena neħtieġ minnhom.
11 U dan ma jistax iseħħ qabel mal‑presbiteri tiegħi jiġu ddotati b’qawwa mill‑għoli.
12 Għax araw, jien ħejjejt dota u barka kbira biex tissawwab fuqhom, jekk huma jibqgħu fidili u jkomplu jumiljaw ruħhom quddiemi.
13 Għalhekk jiena nħoss li jkun jaqbel li l‑presbiteri tiegħi jibqgħu jistennew ftit ieħor għall‑fidwa ta’ Sijon.
14 Għax araw, jiena ma nistenniex minnhom li jiġġieldu l‑battalji ta’ Sijon; għax dak li għidt fil‑kmandament ta’ qabel, se nara li nwettqu—li jien se nkun qed niġġieled il‑battalji tagħkom.
15 Araw, jiena bgħatt lill‑qerried biex jeqred u jagħmel ħerba mill‑għedewwa tiegħi; u mhux se jgħaddu ħafna snin li huma ma jispiċċawx iniġġsu wirti, u jkasbru ismi fuq l‑artijiet li jiena kkonsagrajt għall‑ġabra tal‑qaddisin tiegħi.
16 Araw, jiena ordnajt lill‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., biex jgħid lill‑forza ta’ dari, sewwasew lill‑gwerriera tiegħi, lill‑ġuvintur tiegħi, u ’l dawk ta’ mezza età, ħalli jinġabru flimkien biex il‑poplu tiegħi jkun jista’ jerġa lura, u biex jeqirdu t‑torrijiet tal‑għedewwa tiegħi, u jferrxu l‑għassiesa tagħhom;
17 Iżda l‑forza ta’ dari ma tatx widen għal kliemi.
18 Iżda diment li jkun għad hemm min jagħti widen għal kliemi, jiena għandi barka u dota mħejjija għalihom, diment li huma jibqgħu fidili.
19 Jiena smajt talbhom, u lest nilqa’ l‑offerta tagħhom; u nħoss li jkun jaqbel li huma jitwasslu s’hawn biex il‑fidi tagħhom tiġi ppruvata.
20 U issa, tassew ngħidilkom, jiena qed nordnalkom li jekk dawk kollha li waslu hawn jistgħu jibqgħu fl‑inħawi tal‑madwar, araw li tħalluhom jibqgħu hawn;
21 U dawk li ma jistgħux jibqgħu hawn, li għandhom il‑familji fin‑naħa tal‑lvant, jeħtieġ li jibqgħu ftit ieħor hawn, skont kif jgħidilhom jagħmlu l‑qaddej tiegħi Joseph;
22 Għax lilu se ngħid x’għandu jsir dwar din il‑ħaġa, u kull ħaġa li jgħidilhom jagħmlu għandhom jaraw li jwettquha.
23 U jeħtieġ li n‑nies tiegħi li jgħammru fl‑inħawi tal‑madwar ikunu dejjem fidili u umli quddiemi, u għandhom jitolbu dejjem, u m’għandhomx jiżvelaw il‑ħwejjeġ li jien żvelajt magħhom, sakemm ikun fl‑għerf tiegħi li jiġu żvelati.
24 La titkellmux dwar il‑ħaqq, u lanqas m’għandkom toqogħdu tiftaħru bil‑fidi jew bil‑mirakli, iżda bir‑reqqa araw li kemm jista’ jkun tinġabru flimkien f’post wieħed, skont is‑sentiment tal‑poplu;
25 U araw, jiena se nara li intom issibu ħniena u grazzja f’għajnejhom, sabiex tkunu tistgħu tgħammru fil‑paċi u s‑sigurtà, waqt li tgħidu lin‑nies: Agħmlu ħaqq magħna b’ġustizzja skont il‑liġi, u araw li aħna nagħmlu tajjeb għall‑għemejjel ħżiena tagħna.
26 Araw, issa ngħidilkom, ħbieb tiegħi, b’dan il‑mod intom tafu ssibu ħniena f’għajnejhom, sakemm l‑armata ta’ Iżrael tikber waħda sew.
27 U minn żmien għall‑ieħor jiena se nrattab qlub in‑nies, kif għamilt b’qalb il‑Fargħun, sakemm il‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., u l‑presbiteri tiegħi, li jiena għażilt, ikollhom żmien biżżejjed biex jiġbru flimkien il‑forza ta’ dari,
28 U biex jibagħtu għall‑għorrief, ħalli jkunu jistgħu jwettqu dak li jiena ordnajtilhom fejn jidħol ix‑xiri ta’ l‑artijiet kollha li jistgħu jixtru fil‑kontea ta’ Jackson, u fil‑kontej ta’ madwarha.
29 Għax hija r‑rieda tiegħi li jinxtraw dawn l‑artijiet; u wara li jinxtraw għandhom jingħataw lill‑qaddisin tiegħi skont il‑liġijiet tal‑konsagrazzjoni li jiena tajthom.
30 U wara li jinxtraw dawn l‑artijiet, jien se nqis l‑armati ta’ Iżrael bla ħtija talli jkunu ħadu f’idejhom artijiethom, l‑istess artijiet li qabel kienu xtraw bi flushom, u talli jkunu qerdu t‑torrijiet tal‑għedewwa tiegħi, li setgħu kienu fuqhom, u talli jkunu ferrxu l‑għassiesa tagħhom, u talli jkunu għamlu ħaqq mill‑għedewwa tiegħi sat‑tielet u r‑raba’ nisel ta’ dawk li jobogħduni.
31 Iżda l‑ewwel jeħtieġ li l‑armata tiegħi tikber waħda sew, u titqaddes quddiemi, biex hija tibda tiddi daqs ix‑xemx u l‑qamar, u b’hekk l‑istendard tagħha joħloq biża’ fil‑ġnus kollha;
32 Biex is‑saltniet ta’ did‑dinja jkollhom jirrikonoxxu li s‑saltna ta’ Sijon hi tabilħaqq is‑saltna ta’ Alla tagħna u ta’ Kristu tiegħu; għalhekk, ejjew nbaxxu rasna għall‑liġijiet tagħha.
33 Tassew ngħidilkom, inħoss li jkun jaqbel li l‑ewwel presbiteri tal‑knisja tiegħi jirċievu d‑dota tagħhom mill‑għoli fid‑dar tiegħi, liema dar ordnajt biex tinbena lil ismi fl‑art ta’ Kirtland.
34 U jeħtieġ li wara l‑fidwa tagħha, dak li jien ordnajtilkom b’relazzjoni ma’ Sijon u l‑liġi tagħha jitwettaq u jiġi fis‑seħħ.
35 Għadda jum is‑sejħa u issa wasal jum il‑għażla; u jeħtieġ li jintgħażlu dawk li huma denji.
36 U l‑magħżulin għandhom jiġu żvelati lill‑qaddej tiegħi permezz ta’ leħen l‑Ispirtu; u huma sejrin jitqaddsu;
37 U jekk huma jimxu wara l‑parir li jingħataw, wara xi żmien huma se jkollhom il‑qawwa li jwettqu kull ħaġa li tappartjeni lil Sijon.
38 U għal darb’oħra ngħidilkom, araw li tagħmlu paċi, mhux biss ma’ dawk li lilkom ikkastigaw, iżda ma’ kulħadd;
39 U għollu l‑istendard tal‑paċi, u xandru proklamazzjoni ta’ paċi mat‑trufijiet kollha tal‑art;
40 U araw li tagħmlu paċi ma’ dawk li lilkom ikkastigaw, skont leħen l‑Ispirtu li jinsab fikom, u kollox jiġi fis‑seħħ għall‑ġid tagħkom.
41 Għalhekk, ibqgħu fidili dejjem; u araw, jiena nkun magħkom sat‑tmiem. Hekk għandu jkun. Ammen.