Skrittura
Duttrina u Patti 60


Sezzjoni 60

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Independence, fil‑Kontea ta’ Jackson, nhar it‑8 ta’ Awwissu, 1831. F’din l‑okkażjoni l‑presbiteri li marru fil‑Kontea ta’ Jackson u ħadu sehem fid‑dedikazzjoni tal‑art u tas‑sit tat‑tempju xtaqu jkunu jafu x’kellhom jagħmlu.

1–9, Il‑presbiteri għandhom ixandru l‑evanġelju fil‑kongregazzjonijiet tal‑ħżiena; 10–14, Huma m’għandhomx jaħlu ħinhom fil‑vojt, jew jaħbu t‑talenti tagħhom; 15–17, Huma għandhom jaħslu saqajhom bħala xhieda kontra dawk li jirriffjutaw li jaċċettaw l‑evanġelju.

1 Araw, jgħid il‑Mulej lill‑presbiteri tal‑knisja tiegħu li huma mitluba jerġgħu lura malajr lejn l‑art minn fejn ġew: Araw, hi ħaġa li togħġob lili li nara li intom ġejtu hawn;

2 Iżda mhijiex ħaġa li togħġob lili li nara li xi wħud minnkom mhumiex lesti li jiftħu fommhom, iżda huma jaħbu t‑talent li jiena tajthom, għax jibżgħu mill‑bniedem. Dawn ħażin għalihom, għax il‑korla tiegħi xegħlet kontrihom.

3 U għad jiġri, li jekk huma ma jkunux fidili aktar lejja, jitteħdilhom anke dak li huma għandhom.

4 Għax jiena, il‑Mulej, insaltan fl‑għoli tas‑smewwiet, u fost l‑armati tal‑art; u fil‑jum imħejji minni huma jkunu għalija teżor, fejn kulħadd għad ikun jaf x’inhu dak li juri tassew il‑qawwa ta’ Alla.

5 Iżda, tassew jiena se nkellimkom dwar il‑vjaġġ tagħkom lejn l‑art li minnha ġejtu. Hemm bżonn li intom tibnu, jew tixtru, dgħajsa, kif tħossu li hu l‑aħjar, ma tagħmilx differenza għalija, u terħulha malajr lejn il‑post li jismu St. Louis.

6 U minn hemm jeħtieġ li l‑qaddejja tiegħi Sidney Rigdon, Joseph Smith, Jun., u Oliver Cowdery jerħulha lejn Cincinnati;

7 U hemm bżonn li f’dan il‑post huma jgħollu leħinhom u jxandru l‑kelma tiegħi b’leħen għoli, bla għadab u mingħajr ma jiddubitaw, u għandhom jerfgħu ’l fuq l‑idejn safja tagħhom fuqhom. Għax jiena għandi s‑setgħa li nqaddiskom, u naħfrilkom dnubietkom.

8 U hemm bżonn li l‑kumplament jitilqu minn St. Louis, tnejn tnejn, u jmorru jxandru l‑kelma, mingħajr għaġla, fost il‑kongregazzjonijiet tal‑ħżiena, sakemm huma jerġgħu lura lejn il‑knejjes minn fejn ġew.

9 U huma jagħmlu dan kollu għall‑ġid tal‑knejjes; għax hu għal dan il‑għan li jiena bgħatthom.

10 U jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Edward Partridge jagħti parti mill‑flus li jiena tajtu lill‑presbiteri tiegħi li ġew ordnati biex jerġgħu lura;

11 U min ikun jista’, għandu jroddhom lura permezz tal‑aġent; u min ma jkunx jista’, mhuwiex mistenni li jagħmel dan.

12 U issa se nitkellem dwar dawk li għad iridu jiġu f’din l‑art.

13 Araw, huma ntbagħtu jxandru l‑evanġelju tiegħi fost il‑kongregazzjonijiet tal‑ħżiena; għalhekk, jiena nagħtihom kmandament, li jgħid: La taħlux ħinkom fil‑vojt, lanqas m’għandkom taħbu t‑talent tagħkom li ma jkunx magħruf.

14 U wara li intom taslu fl‑art ta’ Sijon, u wara li tkunu xandartu l‑kelma tiegħi, hemm bżonn li intom terġgħu lura malajr, ixxandru l‑kelma tiegħi fost il‑kongregazzjonijiet tal‑ħżiena, u dan tagħmluhx b’għaġla, lanqas bil‑korla jew bi ġlied.

15 U araw li tfarfru t‑trab ta’ saqajkom kontra min ma jilqagħkomx, u araw li ma tagħmlux dan quddiemhom, biex ma tinkurlawhomx, iżda agħmlu dan fil‑moħbi; u araw li taħslu saqajkom bħala xhieda kontrihom f’jum il‑ħaqq.

16 Araw, hu biżżejjed li intom tagħmlu dan, u din hi r‑rieda ta’ dak li bagħatkom.

17 U permezz ta’ fomm il‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., sejjer niżvela aktar dwar Sidney Rigdon u Oliver Cowdery. Il‑kumplament se tkunu tafuh aktar ’il quddiem. Hekk għandu jkun. Ammen.