Skrittura
Duttrina u Patti 52


Sezzjoni 52

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta lill‑presbiteri tal‑Knisja, f’Kirtland, Ohio, nhar is‑6 ta’ Ġunju, 1831. Ittellgħet konferenza ġewwa Kirtland, li bdiet fit‑3 ta’ Ġunju u ntemmet fis‑6 ta’ Ġunju. Waqt din il‑konferenza saru l‑ewwel ordinazzjonijiet speċifiċi għall‑uffiċċju ta’ qassis il‑kbir, u sar dixxerniment ta’ ċerti manifestazzjonijiet ta’ spirti foloz u qarrieqa li ġew mrażżna.

1–2, Ġie deċiż li l‑konferenza ta’ wara kellha ssir ġewwa Missouri; 3–8, Ċerti presbiteri ntalbu sabiex jivvjaġġaw flimkien; 9–11, Il‑presbiteri għandhom jgħallmu dak li kitbu l‑appostli u l‑profeti; 12–21, Dawk li huma mnebbħa mill‑Ispirtu jagħmlu l‑frott tat‑tifħir u l‑għerf; 22–44, Bosta presbiteri jintalbu sabiex imorru jxandru l‑evanġelju waqt li jkunu fi triqthom lejn Missouri għall‑konferenza.

1 Araw, dan jgħid il‑Mulej lill‑presbiteri li huwa sejjaħ u għażel f’dawn l‑aħħar żminijiet, permezz ta’ leħen l‑Ispirtu tiegħu—

2 Fejn huwa jgħid: Jiena, il‑Mulej, se niżvelalkom x’irridkom tagħmlu minn issa sal‑konferenza li jmiss, li għandha ssir ġewwa Missouri, fuq l‑art li jiena se nikkonsagra għall‑poplu tiegħi, li huwa fdal ta’ Ġakobb, u għal dawk li huma werrieta skont il‑patt.

3 Għalhekk, tassew ngħidilkom, hemm bżonn li l‑qaddejja tiegħi Joseph Smith, Jun., u Sidney Rigdon jitilqu minn hawn hekk kif isiru t‑tħejjijiet biex huma jħallu djarhom, u jerħulha lejn l‑art ta’ Missouri.

4 U jekk huma jibqgħu fidili lejja, jiġi żvelat lilhom x’għandhom jagħmlu;

5 U jekk huma jibqgħu fidili tiġi żvelata lilhom ukoll l‑art ta’ wirtkom.

6 U jekk huma ma jibqgħux fidili, huma jispiċċaw jitwarrbu, skont ir‑rieda tiegħi, kif jidhirli jien.

7 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, hemm bżonn li l‑qaddej tiegħi Lyman Wight u l‑qaddej tiegħi John Corrill jitilqu minn hawn minnufih;

8 U l‑istess il‑qaddej tiegħi John Murdock, u l‑qaddej tiegħi Hyrum Smith, hemm bżonn li huma jerħulha lejn l‑istess post u jgħaddu minn Detroit.

9 U hemm bżonn li huma jgħaddu minn hemm u fi triqthom ixandru l‑kelma, u huma m’għandhom jgħidu xejn għajr dak li kitbu l‑profeti u l‑appostli, u dak li jiġi mgħallem lilhom mill‑Farrâġ permezz tat‑talb tal‑fidi.

10 Hemm bżonn li huma jmorru tnejn tnejn, u hemm bżonn li meta jkunu fi triqthom huma jieqfu jxandru f’kull kongregazzjoni, u jgħammdu permezz tal‑ilma, u jqiegħdu jdejhom fuq in‑nies ħdejn il‑post bl‑ilma.

11 Għax dan jgħid il‑Mulej, fi żmien qasir jien se nara li l‑ħidma tiegħi tintemm fis‑sewwa, għax jasal iż‑żmien meta jiena se nwassal il‑ġustizzja għar‑rebħa.

12 U hemm bżonn li l‑qaddej tiegħi Lyman Wight joqgħod attent, għax Satana jixtieq li jgħarblu bħal karfa.

13 U araw, min hu fidil jiena se nafdah fuq ħafna.

14 U għal darb’oħra, jien se nagħtikom eżempju fuq xiex timxu, f’kull ħaġa, sabiex intom ma tiġux imqarrqin, għax Satana jinsab jiġġerra mad‑dinja, iqarraq bil‑ġnus—

15 Għalhekk min jitlob, bi spirtu niedem, lilu jiena nilqa’ għandi, jekk huwa jobdi l‑ordinanzi tiegħi.

16 Min hu niedem fl‑ispirtu, u jitkellem diskors ħelu u edifikanti, huwa tabilħaqq ġej minn Alla, jekk huwa jobdi l‑ordinanzi tiegħi.

17 U għal darb’oħra, min jitriegħed minħabba setgħeti sejjer jikseb il‑qawwa, u sejjer jagħmel il‑frott tat‑tifħir u l‑għerf, skont ir‑rivelazzjonijiet u l‑veritajiet li jiena tajtkom.

18 U għal darb’oħra, min jispiċċa maħkum u ma jagħmilx frott, skont l‑eżempju li tajtkom, mhuwiex ġej minni.

19 Għalhekk, permezz ta’ dan l‑eżempju intom għandkom tagħrfu l‑ispirti f’kwalunkwe sitwazzjoni mis‑sema ’l isfel.

20 U ż‑żmien wasal; il‑bnedmin se jsir minnhom skont il‑fidi tagħhom.

21 Araw, dan il‑kmandament huwa mogħti lill‑presbiteri kollha li jien għażilt.

22 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, hemm bżonn li l‑qaddej tiegħi Thomas B. Marsh u l‑qaddej tiegħi Ezra Thayre imorru jxandru wkoll il‑kelma waqt li huma jkunu fi triqthom, u għandhom jgħaddu minn din l‑istess art.

23 U għal darb’oħra, hemm bżonn li l‑qaddej tiegħi Isaac Morley u l‑qaddej tiegħi Ezra Booth imorru jxandru wkoll il‑kelma waqt li huma jkunu fi triqthom, u għandhom jgħaddu minn din l‑istess art.

24 U għal darb’oħra, hemm bżonn li l‑qaddejja tiegħi Edward Partridge u Martin Harris jitilqu minn hawn flimkien mal‑qaddejja tiegħi Sidney Rigdon u Joseph Smith, Jun.

25 Hemm bżonn li l‑qaddejja tiegħi David Whitmer u Harvey Whitlock imorru jxandru wkoll il‑kelma waqt li huma jkunu fi triqthom, u għandhom jgħaddu minn din l‑istess art.

26 U hemm bżonn li l‑qaddejja tiegħi Parley P. Pratt u Orson Pratt imorru jxandru l‑kelma waqt li huma jkunu fi triqthom, u għandhom jgħaddu minn din l‑istess art.

27 U hemm bżonn li l‑qaddejja tiegħi Solomon Hancock u Simeon Carter jitilqu wkoll minn hawn u jmorru jxandru l‑kelma waqt li huma jkunu fi triqthom, u għandhom jgħaddu minn din l‑istess art.

28 Hemm bżonn li l‑qaddejja tiegħi Edson Fuller u Jacob Scott jitilqu wkoll minn hawn.

29 Hemm bżonn li l‑qaddejja tiegħi Levi W. Hancock and Zebedee Coltrin jitilqu wkoll minn hawn.

30 Hemm bżonn li l‑qaddejja tiegħi Reynolds Cahoon u Samuel H. Smith jitilqu wkoll minn hawn.

31 Hemm bżonn li l‑qaddejja tiegħi Wheeler Baldwin u William Carter jitilqu wkoll minn hawn.

32 U hemm bżonn li l‑qaddejja tiegħi Newel Knight u Selah J. Griffin jiġu ordnati t‑tnejn li huma, u jitilqu wkoll minn hawn.

33 Iva, tassew jiena ngħid li hemm bżonn li dawn kollha jitilqu lejn post wieħed, u jgħaddu minn rotti differenti, u l‑ebda wieħed minnhom m’għandu jibni fuq il‑pedament tal‑ieħor, u lanqas m’għandu jgħaddi mir‑rotta tal‑ieħor.

34 Min hu fidil, huwa se jkun imħares u mbierek biex jipproduċi ħafna frott.

35 U għal darb’oħra, jien ngħidilkom, hemm bżonn li l‑qaddejja tiegħi Joseph Wakefield and Solomon Humphrey jerħulha lejn l‑artijiet tal‑lvant;

36 Hemm bżonn li huma jaħdmu mal‑familji tagħhom, u huma m’għandhom ixandrulhom xejn għajr kliem il‑profeti u l‑appostli, il‑ħwejjeġ li huma raw u semgħu u li seħħew fosthom, sabiex jiġu fis‑seħħ il‑profeziji.

37 Minħabba t‑trasgressjoni tiegħu, jeħtieġ li Heman Basset jitteħidlu dak li ġie mogħti lilu u jingħata lil Simonds Ryder.

38 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, hemm bżonn li Jared Carter jiġi ordnat qassis, u George James jiġi ordnat qassis ukoll.

39 Hemm bżonn li l‑kumplament tal‑presbiteri jieħdu ħsieb il‑knejjes, u jxandru l‑kelma fl‑inħawi ta’ madwarhom; u jeħtieġ li huma jaħdmu b’idejhom stess ħalli ħadd ma jaqa’ fl‑idolatrija jew fil‑ħażen.

40 U araw li f’kull ħaġa tiftakru fil‑foqra u f’dawk li huma fil‑bżonn, u fil‑morda u l‑imsejknin, għax min ma jagħmilx dan, huwa mhuwiex dixxiplu tiegħi.

41 U għal darb’oħra, jeħtieġ li l‑qaddejja tiegħi Joseph Smith, Jun., u Sidney Rigdon u Edward Partridge jieħdu magħhom rakkomandazzjoni mill‑knisja. U jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Oliver Cowdery jingħata waħda wkoll.

42 U b’hekk, kif jiena għidt, jekk intom tibqgħu fidili, intom għandkom tinġabru flimkien u tgawdu l‑hena fl‑art ta’ Missouri, li hija l‑art ta’ wirtkom, li bħalissa hija l‑art tal‑għedewwa tagħkom.

43 Iżda araw, jien, il‑Mulej, se nħabrek biex tinbena l‑belt fil‑ħin opportun, u lill‑fidili ninkurunahom bil‑ferħ u l‑hena.

44 Araw, jiena Ġesù Kristu, Bin Alla, u lilhom jiena sejjer ngħolli ’l fuq fl‑aħħar jum. Hekk għandu jkun. Ammen.