Skrittura
Duttrina u Patti 102


Sezzjoni 102

Minuti tal-organizzazzjoni tal-ewwel kunsill għoli tal-Knisja, f’Kirtland, Ohio, nhar is-17 ta’ Frar, 1834. Il-minuti oriġinali ttieħdu mill-Presbiteri Oliver Cowdery u Orson Hyde. Fil-jum ta’ wara l-Profeta rreveda l-minuti, u l-għada l-minuti riveduti ġew aċċettati b’mod unanimu mill-kunsill għoli bħala “forma u kostituzzjoni tal-kunsill għoli” tal-Knisja. Versi 30 sa 32, li jitkellmu dwar il-Kunsill tat-Tnax-il Appostlu, ġew miżjuda fl-1835 taħt id-direzzjoni ta’ Joseph Smith meta din is-sezzjoni ġiet imħejjija għall-pubblikazzjoni fid-Duttrina u Patti.

1–8, Jinħatar kunsill għoli biex jirrisolvi ċerti diffikultajiet importanti li jqumu fil-Knisja; 9–18, Jingħataw il-proċeduri għall-każijiet mismugħa; 19–23, Il-president tal-kunsill jagħti s-sentenza; 24–34, Elenkata l-proċedura tal-appell.

Illum iltaqa’ flimkien kunsill ġenerali magħmul minn erba’ u għoxrin qassis il-kbir fid-dar ta’ Joseph Smith, Jun., u permezz ta’ rivelazzjoni huma raw li jorganizzaw il-kunsill għoli tal-knisja ta’ Kristu, li kellu jikkonsisti minn tnax-il qassis il-kbir, u minn president, jew tlieta, skont il-ħtieġa tal-każ.

Il-kunsill għoli ġie maħtur permezz ta’ rivelazzjoni bil-għan li jirrisolvi ċerti diffikultajiet importanti li jafu jqumu fil-knisja, li ma jkunux jistgħu jiġu risolvi mill-knisja jew mill-kunsill tal-isqof għas-sodisfazzjon tan-naħat kollha kkonċernati.

Joseph Smith, Jun., Sidney Rigdon u Frederick G. Williams ġew rikonoxxuti bħala presidenti permezz ta’ vot tal-kunsill; u Joseph Smith, Sen., John Smith, Joseph Coe, John Johnson, Martin Harris, John S. Carter, Jared Carter, Oliver Cowdery, Samuel H. Smith, Orson Hyde, Sylvester Smith, u Luke Johnson, li huma qassisin il-kbar, intgħażlu biex ikunu membri ta’ kunsill permanenti għall-knisja, permezz ta’ vot unanimu tal-kunsill.

Il-kunsilliera msemmija hawn fuq mbagħad intalbu jgħidu jekk humiex lesti jaċċettaw il-ħatra tagħhom, u jekk kinux lesti li jwettqu dmirhom f’dak l-uffiċċju skont il-liġi tas-smewwiet, fejn għal dan huma wieġbu lkoll li kienu lesti jaċċettaw il-ħatra tagħhom, u li jwettqu dmirhom fl-uffiċċji tagħhom skont il-grazzja ta’ Alla li ġiet msawba fuqhom.

Dawk li kienu jiffurmaw il-kunsill, li vvutaw f’isem il-knisja u għall-knisja, biex jaħtru l-kunsilliera msemmija aktar ’il fuq, kienu tlieta u erbgħin, u kienu jikkonsistu minn: disa’ qassisin il-kbar, sbatax-il presbiteru, erba’ qassisin, u tlettax-il membru.

Huma vvutaw: li l-kunsill għoli ma jistax ikollu s-setgħa li jaġixxi mingħajr ma jkunu preżenti sebgħa mill-kunsilliera msemmija aktar ’il fuq, jew is-suċċessuri li jinħatru b’mod regolari minflokhom.

Dawn is-sebgħa għandu jkollhom is-setgħa li jaħtru qassisin il-kbar oħra, li jqisuhom li huma denji u kapaċi jaġixxu fin-nuqqas tal-kunsilliera li ma jkunux preżenti.

Huma vvutaw: li kull meta jkun hemm xi pożizzjoni battala minħabba xi mewt, tneħħija minn xi uffiċċju minħabba trasgressjoni, jew għax persuna tkun telqet lil hinn mill-pal, il-pożizzjoni li kien jokkupa wieħed mill-kunsilliera msemmija aktar ’il fuq għandha timtela permezz ta’ nomina mill-president jew mill-presidenti, u tiġi sanzjonata permezz ta’ vot li jittieħed minn kunsill ġenerali tal-qassisin il-kbar, li jiltaqa’ flimkien għal dak il-għan, biex jaġixxi f’isem il-knisja.

Il-president tal-knisja, li huwa wkoll il-president tal-kunsill, jinħatar permezz ta’ rivelazzjoni, u jiġi sostnut fis-sejħa tiegħu permezz ta’ vot fil-knisja.

10 U hu għandu jippresedi fuq il-kunsill tal-knisja skont id-dinjità tal-uffiċċju tiegħu; u huwa privileġġ tiegħu li huwa jkun assistit minn żewġ presidenti oħra, maħtura bl-istess mod kif inħatar hu.

11 U f’każ li xi wieħed minn dawk li ġew maħtura biex jassistuh, jew it-tnejn li huma, ikun assenti, huwa għandu s-setgħa li jippresedi fuq il-kunsill mingħajr ebda assistent; u jekk huwa stess ikun assenti, il-presidenti l-oħra għandhom is-setgħa li jippresedu minfloku, jew it-tnejn li huma jew wieħed minnhom.

12 Kull fejn ikun hemm kunsill għoli tal-knisja ta’ Kristu organizzat b’mod xieraq, bil-mod imsemmi qabel, għandu jkun id-dmir tat-tnax-il kunsillier li jagħżlu numru permezz tax-xorti, u b’hekk jiddeterminaw min minn fost it-tnax għandu jitkellem l-ewwel, fejn għandhom jibdew min-numru wieħed u jibqgħu sejrin, wieħed wara l-ieħor, san-numru tnax.

13 Kull meta jiltaqa’ dan il-kunsill biex jaġixxi dwar xi każ, it-tnax-il kunsillier għandhom jiddeterminaw jekk il-każ huwiex wieħed diffiċli jew le; jekk mhuwiex, għandhom jitkellmu dwaru biss tnejn mill-kunsilliera, skont il-mod imsemmi aktar ’il fuq.

14 Iżda jekk jaħsbu li huwa każ diffiċli, għandhom jinħatru erbgħa; u jekk huwa aktar diffiċli, sitta; iżda fl-ebda każ m’għandhom jinħatru biex jitkellmu aktar minn sitta.

15 L-akkużat, f’kwalunkwe każ, huwa d-dritt tiegħu li l-kunsilliera jaraw li ma jkun hemm l-ebda insult jew inġustizzja fil-konfront tiegħu.

16 U l-kunsilliera li jinħatru biex jitkellmu quddiem il-kunsill għandhom jippreżentaw il-każ kif inhu tassew quddiem il-kunsill, wara li tiġi eżaminata l-evidenza; u kull bniedem għandu jitkellem b’mod xieraq u ġust.

17 Dawk il-kunsilliera li jagħżlu numri pari, jiġifieri, 2, 4, 6, 8, 10, u 12, huma dawk li għandhom jieqfu f’isem l-akkużat, u jaraw li ma jkun hemm l-ebda insult jew inġustizzja fil-konfront tiegħu.

18 Ikun x’ikun il-każ, sew min jagħmel l-akkuża u sew l-akkużat għandu jkollhom il-privileġġ li jitkellmu għalihom infushom quddiem il-kunsill, wara li tinstema’ l-evidenza kollha u wara li l-kunsilliera li jinħatru sabiex jitkellmu fuq il-każ ikunu għamlu r-rimarki tagħhom.

19 Wara li tinstama’ l-evidenza kollha, u wara li jitkellmu l-kunsilliera, min jagħmel l-akkuża u l-akkużat, il-president għandu jħabbar id-deċiżjoni tiegħu skont l-għarfien li huwa jkollu tal-każ, u għandu jitlob lill-kunsilliera biex jirratifikaw id-deċiżjoni tiegħu permezz tal-vot tagħhom.

20 Iżda jekk il-kumplament tal-kunsilliera, li ma jkunux tkellmu, jew xi ħadd minnhom, wara li jisimgħu l-evidenza u d-dikjarazzjonijiet b’mod imparzjali, jinnutaw xi żball fid-deċiżjoni tal-president, huma jistgħu jirrimarkaw dan, u l-każ ikollu jerġa’ jinstama’.

21 U jekk, wara li jerġa’ jinstama’ bir-reqqa, ifeġġ xi dawl ġdid fuq il-każ, id-deċiżjoni għandha tinbidel skont l-iżvilupp li jkun hemm.

22 Iżda f’każ li ma jfeġġ l-ebda dawl ġdid, l-ewwel deċiżjoni għandha tibqa’ valida, u l-maġġoranza tal-kunsill għandhom is-setgħa li jaraw li jkun dan.

23 F’każ ta’ xi diffikultà fejn tidħol duttrina jew fejn jidħol prinċipju, jekk ma hemm xejn miktub li hu biżżejjed, li ma jħalli l-ebda dubju f’moħħ il-membri tal-kunsill, il-president jista’ jistaqsi lill-Mulej biex permezz ta’ rivelazzjoni jurih x’inhi r-rieda tiegħu.

24 Il-qassisin il-kbar, meta jkunu jinsabu ’l bogħod, għandhom is-setgħa li jsejħu u jorganizzaw kunsill bil-mod kif inhu deskritt aktar ’il fuq, biex jirrisolvu ċerti diffikultajiet, meta n-nies ikkonċernati, jew xi ħadd minnhom, jitolbu li jsir dan.

25 U dan l-istess kunsill ta’ qassisin il-kbar għandu jkollu s-setgħa li jaħtar wieħed minnhom stess biex għal dak il-mument partikolari jippresedi fuq dan l-istess kunsill.

26 Għandu jkun id-dmir ta’ dan l-istess kunsill li jgħaddi minnufih lill-kunsill għoli, li jinsab fil-kwartieri ewlenin tal-Ewwel Presidenza tal-Knisja, kopja bil-punti ewlenin ta’ ħidmiethom, flimkien ma’ dikjarazzjoni sħiħa tat-testimonjanza tagħhom tad-deċiżjoni li jkunu ħadu.

27 Jekk in-naħat involuti, jew xi ħadd minnhom, ma jkunux sodisfatti bid-deċiżjoni ta’ dan l-istess kunsill, huma jistgħu jappellaw id-deċiżjoni mal-kunsill għoli li jinsab fil-kwartieri ewlenin tal-Ewwel Presidenza tal-Knisja, u l-każ jerġa’ jinstama’ mill-ġdid, liema każ jitmexxa hemmhekk skont dak li hemm miktub aktar ’il fuq, bħallikieku kienet għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni.

28 Dan il-kunsill ta’ qassisin il-kbar li jinsabu ’l bogħod għandu jissejjaħ biss għall-aktar każijiet diffiċli, ta’ ħwejjeġ relatati mal-knisja; u l-ebda każ komuni jew ordinarju mhu raġuni biżżejjed li jissejjaħ dan it-tip ta’ kunsill.

29 Il-qassisin il-kbar vjaġġaturi jew li jinsabu ’l bogħod għandhom is-setgħa li jiddeċiedu jekk huwiex neċessarju jew le li jissejjaħ dan it-tip ta’ kunsill.

30 Hemm distinzjoni fid-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-kunsill għoli jew mill-qassisin il-kbar vjaġġaturi, u dawk li jittieħdu mill-membri vjaġġaturi tal-kunsill għoli li hu magħmul mit-tnax-il appostlu.

31 Id-deċiżjoni li jieħdu tal-ewwel tista’ tiġi appellata; iżda d-deċiżjoni li jieħdu tat-tieni ma tistax.

32 Id-deċiżjoni li jieħdu tat-tieni tista’ tiġi kkontestata biss mill-awtoritajiet ġenerali tal-knisja f’każ ta’ trasgressjoni.

33 Ġie deċiż: li l-president jew il-presidenti li jinsabu fil-kwartieri ewlenin tal-Ewwel Presidenza tal-Knisja għandu jkollhom is-setgħa li jiddeċiedu jekk dan il-każ partikolari, jekk ikun appellat, huwiex intitolat li jinstama’ mill-ġdid, wara li huma jeżaminaw l-appell u l-evidenzi u d-dikjarazzjonijiet mehmuża miegħu.

34 It-tnax-il kunsillier mbagħad ivvutaw, jew raw permezz tax-xorti, min għandu jitkellem l-ewwel, u r-riżultat kien dan: 1, Oliver Cowdery; 2, Joseph Coe; 3, Samuel H. Smith; 4, Luke Johnson; 5, John S. Carter; 6, Sylvester Smith; 7, John Johnson; 8, Orson Hyde; 9, Jared Carter; 10, Joseph Smith, Sr.; 11, John Smith; 12, Martin Harris.Wara t-talba, il-konferenza ġiet aġġornata.

Oliver Cowdery,

Orson Hyde,

Skrivani