Skrittura
Duttrina u Patti 76


Sezzjoni 76

Dehra li kellhom Joseph Smith il‑Profeta u Sidney Rigdon, f’Ħiram, Ohio, nhar is‑16 ta’ Frar,1832. Bħala daħla għar‑rakkont ta’ din id‑dehra, l‑istorja ta’ Joseph Smith tiddikjara: “Hekk kif ġejt lura mill‑konferenza ta’ Amherst, jiena komplejt bit‑traduzzjoni tal‑Iskrittura. Minn bosta rivelazzjonijiet li ngħatajt, kien ovvju li ħafna punti importanti li jikkonċernaw is‑salvazzjoni tal‑bniedem spiċċaw biex tneħħew mill‑Bibbja, jew intilfu qabel mal‑kotba li hemm fiha ġew miġburin flimkien. Dehret ħaġa mill‑aktar ovvja, mill‑veritajiet li kien għad baqa’, li jekk Alla jħallas lil kulħadd skont l‑għemejjel tiegħu fil‑ġisem, it‑terminu ‘Smewwiet,” kif intenzjonat bħala d‑dar ta’ dejjem tal‑Qaddisin, jeħtieġ li jinkludi aktar saltniet minn sempliċiment waħda. Għaldaqstant, … waqt li konna qed nittraduċu l‑Evanġelju ta’ San Ġwann, jiena u l‑Presbiteru Rigdon kellna din id‑dehra.” Fil‑mument li kellhom din id‑dehra, il‑Profeta kien qed jittraduċi Ġwanni 5:29.

1–4, Il‑Mulej huwa Alla; 5–10, Il‑misteri tas‑saltna se jiġu żvelati lill‑fidili kollha; 11–17, Kulħadd se joħroġ minn ġo qabartu fil‑qawmien tal‑ġusti u tal‑inġusti; 18–24, Dawk kollha li jgħammru fl‑għadd kbir ta’ dinjiet huma wlied subien u bniet imnissla minn Alla permezz tal‑Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu; 25–29, Anġlu ta’ Alla spiċċa biex waqa’ u sar ix‑xitan; 30–49, Ulied it‑telfien se jkollhom jesperjenzaw id‑dannazzjoni ta’ dejjem; il‑bqija se jiksbu lkoll xi tip ta’ salvazzjoni; 50–70, Deskrizzjoni tal‑glorja u l‑ħlas li se jingħataw l‑esseri eżaltati fis‑saltna ċelestjali; 71–80, Deskrizzjoni ta’ dawk li se jirtu s‑saltna terrestjali; 81–113, Spjegazzjoni tal‑istat li jkun fih min jgħammar fil‑glorja telestjali, terrestjali, u ċelestjali; 114–119, Il‑fidili jistgħu jaraw u jifhmu l‑misteri tas‑saltna ta’ Alla bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu.

1 Isimgħu, O smewwiet, u agħti widen, O art, u ifirħu intom li tgħammru fihom, għax il‑Mulej huwa Alla, u m’hemm l‑ebda Salvatur ieħor għajru.

2 Kbir għerfu, u tal‑għaġeb triqatu, u ħadd ma jista’ jagħraf il‑kobor ta’ għemilu.

3 Għanijietu ma jfallu qatt, u m’hawn ħadd li se jżommlu idu.

4 Huwa l‑istess minn dejjem għal dejjem, u sninu bla tmiem.

5 Għax dan jgħid il‑Mulej—Jien, il‑Mulej, ħanin u twajjeb ma’ dawk li jibżgħu minni, u l‑għaxqa tiegħi nagħti ġieħ lil dawk li jaqduni fis‑sewwa u l‑verità sal‑aħħar.

6 Kbir ikun ħlashom u għal dejjem il‑glorja tagħhom.

7 U lilhom jiena niżvela l‑misteri kollha, iva, il‑misteri moħbija kollha tas‑saltna tiegħi, minn żmien il‑qedem saż‑żminijiet li għad iridu jiġu, jiena niżvelalhom dak kollu li jogħġob ir‑rieda tiegħi, li jikkonċerna dak kollu relatat mas‑saltna tiegħi.

8 Iva, huma jsiru jafu sewwasew l‑għeġubijiet tal‑eternità, u jiena niżvelalhom il‑ħwejjeġ li għad iridu jseħħu, sewwasew ħwejjeġ li se jseħħu f’bosta ġenerazzjonijiet.

9 U kbir se jkun għerfhom, u moħħhom se jilħaq is‑smewwiet; u quddiemhom jintemm l‑għerf tal‑għorrief, u d‑dehen tad‑dehnin jisfuma fix‑xejn.

10 Għax permezz tal‑Ispirtu tiegħi jiena ndawwalhom, u bil‑qawwa tiegħi niżvelalhom dak kollu li fir‑rieda tiegħi huwa moħbi—iva, sewwasew dawk il‑ħwejjeġ li l‑għajn qatt ma rat u l‑widna qatt ma semgħet, jew li sa issa qatt ma tnissel f’qalb il‑bniedem.

11 Aħna, Joseph Smith, Jun., u Sidney Rigdon, hekk kif konna mimlijin bl‑Ispirtu, fis‑sittax‑il jum ta’ Frar, tas‑sena ta’ Sidna l‑Mulej elf tmien mija u tnejn u tletin—

12 Bil‑qawwa tal‑Ispirtu għajnejna nfetħu u moħħna ddawwal, biex b’hekk stajna naraw u nifhmu l‑ħwejjeġ ta’ Alla—

13 Sewwasew dawk il‑ħwejjeġ li kienu minn qabel ma nħolqot id‑dinja, li ġew ordnati mill‑Missier, permezz ta’ Ibnu l‑Waħdieni, li kien fi ħdan il‑Missier sa mill‑bidu;

14 Li dwarhom aħna nagħtu xhieda; u x‑xhieda li aħna nagħtu hija l‑milja tal‑evanġelju ta’ Ġesù Kristu, li huwa l‑Iben, li aħna rajna b’għajnejna u li miegħu tkellimna fid‑dehra li kellna mis‑smewwiet.

15 Għax waqt li konna għaddejjin bil‑ħidma tat‑traduzzjoni, li ordnalna nagħmlu l‑Mulej, aħna waqafna f’vers disgħa u għoxrin tal‑ħames kapitlu ta’ Ġwanni, li ġie żvelat lilna kif ġej—

16 Liema vers jitkellem dwar il‑qawmien tal‑mejtin, li sejrin jisimgħu leħen Bin il‑Bniedem:

17 U joħorġu; dawk li jkunu għamlu t‑tajjeb, fil‑qawmien tal‑ġusti, u dawk li jkunu għamlu l‑ħażin, fil‑qawmien tal‑inġusti.

18 Issa dan wassalna biex nistagħġbu, għax dan ġie żvelat lilna permezz tal‑Ispirtu.

19 U waqt li konna qed nimmeditaw dwar dawn il‑ħwejjeġ, il‑Mulej mess għajnejn moħħna u huma nfetħu, u stajna naraw il‑glorja tal‑Mulej tiddi madwarna.

20 U aħna stajna naraw il‑glorja tal‑Iben, fuq il‑lemin tal‑Missier, u aħna ngħatajna sehem mill‑milja tiegħu;

21 U rajna l‑anġli qaddisa, u lil dawk li ġew mqaddsa quddiem it‑tron tiegħu, iqimu ’l Alla, u ’l Ħaruf, u lilu bdew iqimu għal dejjem ta’ dejjem.

22 U issa, wara l‑bosta xhieda li ngħatat dwaru, din hija x‑xhieda, l‑aħħar waħda fosthom, li aħna se nagħtu dwaru: Li huwa jgħix!

23 Għax aħna rajnieh, sewwasew fuq il‑lemin ta’ Alla; u aħna smajna l‑leħen jixhed li hu tabilħaqq l‑Iben il‑Waħdieni tal‑Missier—

24 Li bih, u permezz tiegħu, u minnu, inħolqu u għadhom jinħolqu d‑dinjiet, u dawk li jgħammru fihom huma l‑ulied subien u bniet ta’ Alla, mnissla minnu.

25 U aħna rajna wkoll, u nagħtu xhieda, li anġlu ta’ Alla, li kellu ċerta awtorità fil‑preżenza ta’ Alla, li ħadha kontra l‑Iben il‑Waħdieni, li l‑Missier ħabb, u li kien fi ħdan il‑Missier, inxteħet għal isfel minn quddiem Alla u l‑Iben,

26 U ġie msejjaħ Telfien, għax lilu s‑smewwiet bkew—huwa kien Luċifru, bin iż‑żerniq.

27 U araw, aħna rajna li sewwasew bin iż‑żerniq waqa’!

28 U waqt li konna għadna mimlijin bl‑Ispirtu, il‑Mulej ordnalna biex niktbu dak li rajna fid‑dehra; għax aħna rajna lil Satana, dak is‑serp tal‑qedem, sewwasew ix‑xitan, li ħadha kontra Alla, u pprova jieħu f’idejh is‑saltna ta’ Alla tagħna u ta’ Kristu tiegħu—

29 Għalhekk, huwa jaħbat għall‑qaddisin ta’ Alla, u lilhom idawwar minn kull naħa.

30 U fid‑dehra stajna naraw it‑tbatija ta’ dawk li huwa ħabat għalihom u li spiċċaw taħt il‑kontroll tiegħu, għax dan kien li qalilna leħen il‑Mulej:

31 Dan kien li qal il‑Mulej dwar dawk kollha li huma konxji tal‑qawwa tiegħi, u li nagħtaw sehem minnha, u li ħallew lilhom infushom, permezz tal‑qawwa tax‑xitan, jispiċċaw taħt il‑kontroll tiegħu, u jiċħdu l‑verità u jisfidaw il‑qawwa tiegħi—

32 Dawn huma sewwasew ulied it‑telfien, li dwarhom jiena ngħid li kien ikun aħjar li kieku ma twieldu xejn;

33 Għax huma tagħmir ta’ korla, ikkundannati biex jesperjenzaw il‑korla ta’ Alla, flimkien max‑xitan u l‑anġli tiegħu għal dejjem;

34 Li dwarhom jiena għidt li mhuma se jiksbu l‑ebda maħfra, la f’din id‑dinja u lanqas f’li ġejja—

35 Għax huma ċaħdu l‑Ispirtu s‑Santu wara li kienu rċevewh, u ċaħdu l‑Iben il‑Waħdieni tal‑Missier, wara li lilu huma sallbu fuqhom stess u waqqgħuh għaż‑żufjett fil‑miftuħ.

36 Dawn huma dawk li sejrin jinxteħtu fil‑belliegħa tan‑nar u kubrit, flimkien max‑xitan u l‑anġli tiegħu—

37 U fuqhom biss li t‑tieni mewt se jkollha effett;

38 Iva, tabilħaqq, huma biss mhumiex se jiġu mifdijin fiż‑żmien dovut tal‑Mulej, wara t‑tbatija li huma jesperjenzaw minħabba l‑korla tiegħu.

39 Għax il‑kumplament sejrin jinħarġu fil‑qawmien tal‑mejtin, permezz tar‑rebħa u l‑glorja tal‑Ħaruf, li safa’ maqtul, li kien fi ħdan il‑Missier qabel ma nħolqu d‑dinjiet.

40 U dan hu l‑evanġelju, il‑bxara t‑tajba, li l‑leħen mis‑smewwiet ta xhieda tiegħu magħna—

41 Li huwa ġie fid‑dinja, l‑istess Ġesù, biex jiġi msallab għad‑dinja, u biex jitgħabba bid‑dnubiet tad‑dinja, u biex iqaddes id‑dinja, u biex inaddafha minn kull ħażen;

42 Biex permezz tiegħu jkunu jistgħu jiksbu s‑salvazzjoni dawk kollha li l‑Missier poġġa taħt is‑setgħa tiegħu u li ġew maħluqa minnu;

43 Hu li jigglorifika lill‑Missier, u jifdi l‑għemejjel kollha ta’ jdejh, għajr għal dawk li huma wlied it‑telfien, li jiċħdu lill‑Iben wara li jiġi żvelat lilhom mill‑Missier.

44 Għalhekk, huwa jifdi lil kulħadd minbarra lilhom—dawn sejrin imorru fit‑tbatija ta’ dejjem, li hija tbatija bla tmiem, li hija tbatija għal dejjem, biex hemm isaltnu flimkien max‑xitan u l‑anġli tiegħu għal dejjem, fejn id‑dud tagħhom ma jmutx u fejn in‑nar ma jintefiex, u din hi t‑tbatija li huma se jesperjenzaw—

45 U l‑ebda bniedem ma jaf l‑eżitu tagħha, jew fejn se sseħħ, jew xi tbatija jridu jgħaddu minnha;

46 U dil‑ħaġa la ġiet żvelata, u lanqas se tiġi żvelata lil xi bniedem, għajr lil dawk li se jkollhom sehem minnha;

47 Madankollu, jien, il‑Mulej, nuri dan lil ħafna permezz ta’ dehra, liema dehra terġa’ tintemm ħesrem;

48 Għalhekk, l‑eżitu, il‑kobor, l‑għoli, il‑fond, u l‑miżerja tagħha ma jifhmuhomx, u ħadd ma jifhimhom għajr dawk li ġew ordnati għal din il‑kundanna.

49 U aħna smajna l‑leħen jgħid: Iktbu rakkont tad‑dehra, għax araw, dan huwa tmiem id‑dehra tat‑tbatija tal‑ħżiena.

50 U għal darb’oħra aħna nixhdu—għax aħna rajna u smajna, u din hija x‑xhieda tal‑evanġelju ta’ Kristu li tikkonċerna lil dawk li għad joħorġu fil‑qawmien tal‑ġusti—

51 Li dawn huma dawk li kisbu x‑xhieda ta’ Ġesù, u li emmnu f’ismu u ġew mgħammda skont id‑difna tiegħu, u f’ismu huma ġew midfuna fl‑ilma, u għamlu dan skont il‑kmandament li huwa ta—

52 U għax huma jħarsu l‑kmandamenti huma jistgħu jiġu maħsula u mnaddfa minn dnubiethom kollha, u huma jirċievu l‑Ispirtu s‑Santu permezz tat‑tqegħid tal‑idejn minn min ġie ordnat u ssiġillat biex ikollu din is‑setgħa;

53 U dawn huma dawk li joħorġu rebbieħa permezz tal‑fidi, u li huma ssiġillati permezz tal‑Ispirtu s‑Santu li kien imwiegħed, li l‑Missier isawwab fuq dawk kollha li huma ġusti u fidili.

54 Dawn huma dawk li jagħmlu parti mill‑knisja tal‑Iben il‑Kbir.

55 Dawn huma dawk li l‑Missier tahom kollox f’idejhom—

56 Dawn huma dawk li huma qassisin u slaten, li ngħataw sehem mill‑milja tiegħu u mill‑glorja tiegħu;

57 U li huma qassisin tal‑Għoli, skont l‑ordni ta’ Melkisedek, li kienet skont l‑ordni ta’ Ħenok, li kienet skont l‑ordni tal‑Iben il‑Waħdieni.

58 Għalhekk, kif hemm miktub, huma tabilħaqq allat, sewwasew ulied Alla—

59 Għalhekk, huma għandhom kollox f’idejhom, sew dak li hu relatat mal‑ħajja u sew mal‑mewt, sew dak li hu relatat maż‑żmien ta’ issa, u sew maż‑żmien li ġej, kollox hu f’idejhom u huma ta’ Kristu, u Kristu huwa ta’ Alla.

60 U huma għad jegħlbu kull ħaġa.

61 Għalhekk, ħadd ma għandu jiftaħar bil‑bniedem, iżda minflok għandu jiftaħar b’Alla, li sejjer irażżan l‑għedewwa kollha taħt riġlejh.

62 Huma sejrin jgħammru fil‑preżenza ta’ Alla u ta’ Kristu tiegħu għal dejjem ta’ dejjem.

63 Dawn huma dawk li huwa sejjer iġorr miegħu meta hu jiġi fis‑sħab tas‑smewwiet biex isaltan fuq l‑art fuq il‑poplu tiegħu.

64 Dawn huma dawk li se jkollhom sehem mill‑ewwel qawmien.

65 Dawn huma dawk li sejrin joħorġu fil‑qawmien tal‑ġusti.

66 Dawn huma dawk li ġew fuq l‑Għolja ta’ Sijon, u fil‑belt ta’ Alla l‑ħaj, il‑post divin, l‑aktar post qaddis.

67 Dawn huma dawk li ġew flimkien ma’ qtajja kbar ta’ anġli, fil‑ġemgħa u l‑knisja ta’ Ħenok, u tal‑Iben il‑kbir.

68 Dawn huma dawk li isimhom jinsab miktub fis‑smewwiet, fejn l‑imħallef ta’ kulħadd huwa Alla u Kristu.

69 Dawn huma dawk li huma ġusti u li kisbu l‑perfezzjoni permezz ta’ Ġesù, il‑medjatur tal‑patt il‑ġdid, li ġab fis‑seħħ din l‑espjazzjoni perfetta permezz tat‑tixrid ta’ demmu.

70 Dawn huma dawk li għandhom ġisem ċelestjali, u li l‑glorja tagħhom tixbah lil dik tax‑xemx, sewwasew il‑glorja ta’ Alla, l‑ogħla fosthom kollha, u hemm miktub li l‑glorja tiegħu tixbaħ lix‑xemx fil‑medda tas‑sema.

71 U għal darb’oħra, aħna rajna d‑dinja terrestjali, u araw, dawn huma dawk li jappartjenu lid‑dinja terrestjali, li l‑glorja tagħha hija differenti minn dik tal‑knisja tal‑Iben il‑Kbir li ngħatat il‑milja tal‑Missier, l‑istess kif il‑qamar huwa differenti mix‑xemx fil‑medda tas‑sema.

72 Araw, dawn huma dawk li mietu bla liġi;

73 U huma wkoll l‑ispirti ta’ dawk il‑bnedmin li qed jinżammu fil‑ħabs, li mar iżurhom l‑Iben, u li lilhom xandar l‑evanġelju, biex ikun jista’ jsir ħaqq minnhom skont il‑bniedem fil‑ġisem;

74 Huma dawk li ma laqgħux ix‑xhieda ta’ Ġesù fil‑ġisem, iżda mbagħad wara laqgħuha.

75 Dawn huma n‑nies diċenti tad‑dinja, li spiċċaw għomja minħabba l‑qerq tal‑bnedmin.

76 Dawn huma dawk li għandhom sehem mill‑glorja tiegħu, iżda mhux mill‑milja tiegħu.

77 Dawn huma dawk li l‑Iben se jżur, iżda dawn mhumiex se jgawdu l‑milja tal‑Missier.

78 Għalhekk, huma għandhom ġisem terrestjali, u mhux ġisem ċelestjali, u l‑glorja tagħhom hija differenti daqs kemm il‑qamar huwa differenti mix‑xemx.

79 Dawn huma dawk li ma juru l‑ebda qlubija fix‑xhieda tagħhom ta’ Ġesù; għalhekk, huma ma jiksbu l‑ebda kuruna fis‑saltna ta’ Alla tagħna.

80 U issa ġiet fi tmiemha d‑dehra li aħna kellna tad‑dinja terrestjali, li l‑Mulej ordnalna biex niktbu dwarha waqt li għadna mimlijin bl‑Ispirtu.

81 U għal darb’oħra, aħna rajna l‑glorja tad‑dinja telestjali, li l‑glorja tagħha hija anqas mill‑oħrajn, l‑istess kif il‑glorja tal‑kwiekeb hija differenti mill‑glorja tal‑qamar fil‑medda tas‑sema.

82 Dawn huma dawk li ma laqgħux l‑evanġelju ta’ Kristu, u lanqas ix‑xhieda ta’ Ġesù.

83 Dawn huma dawk li ma jiċħdux l‑Ispirtu s‑Santu.

84 Dawn huma dawk li sejrin jinxteħtu fl‑infern.

85 Dawn huma dawk li mhumiex se jiġu mifdija mill‑ħakma tax‑xitan qabel ma jasal l‑aħħar qawmien, qabel mal‑Mulej, l‑istess Kristu l‑Ħaruf, ikun temm il‑ħidma tiegħu.

86 Dawn huma dawk li mhux se jkollhom sehem mill‑milja tiegħu fid‑dinja eterna, iżda se jkun l‑Ispirtu s‑Santu li lilhom se jżur permezz tal‑qadi tal‑esseri terrestjali;

87 U l‑esseri terrestjali se jżurhom permezz tal‑qadi tal‑esseri ċelestjali.

88 U huwa jżur l‑esseri telestjali wkoll permezz tal‑qadi tal‑anġli li ġew magħżula biex lilhom jaqdu, jew li ġew magħżula biex ikunu għalihom spirti qaddejja; sabiex huma jkunu jistgħu jirtu s‑salvazzjoni.

89 U b’hekk, fid‑dehra divina, aħna rajna l‑glorja tad‑dinja telestjali, li tgħaddi kulma l‑moħħ jista’ jifhem;

90 U ħadd ma jista’ jifhimha ħlief dak li lilu ġiet żvelata minn Alla.

91 U b’hekk aħna rajna l‑glorja tad‑dinja terrestjali, li tiżboq f’kollox il‑glorja tad‑dinja telestjali, kemm fil‑glorja, kemm fis‑setgħa, kemm fil‑qawwa u kemm fis‑saltna.

92 U b’hekk aħna rajna l‑glorja tad‑dinja ċelestjali, li tiżboq kull ħaġa—fejn Alla, sewwasew il‑Missier, isaltan fuq it‑tron tiegħu għal dejjem ta’ dejjem;

93 Fejn kulħadd, b’umiltà, lilu jadura u jagħti ġieħ u glorja quddiem it‑tron tiegħu għal dejjem ta’ dejjem.

94 Dawk li jgħammru fil‑preżenza tiegħu huma dawk li jagħmlu parti mill‑knisja tal‑Iben il‑Kbir; u huma jaraw kif jarahom hu, u jagħrfu kif jagħrafhom hu, għax dawn huma dawk li kellhom sehem mill‑milja tiegħu u mill‑grazzja tiegħu;

95 U hu jara li huma jkunu lkoll l‑istess fis‑setgħa, fil‑qawwa u fis‑saltna.

96 U hemm il‑glorja tad‑dinja ċelestjali, l‑istess kif hemm il‑glorja tax‑xemx.

97 U hemm il‑glorja tad‑dinja terrestjali, l‑istess kif hemm il‑glorja tal‑ qamar.

98 U hemm il‑glorja tad‑dinja telestjali, l‑istess kif hemm il‑glorja tal‑kwiekeb; għax hekk kif kewkba tiddi aktar minn kewkba oħra, l‑istess jiġri fid‑dinja telestjali;

99 Għax dawn huma dawk li huma ta’ Pawlu, u ta’ Apollo, u ta’ Kefa.

100 Dawn huma dawk li wħud minnhom jgħidu li huma ma’ wieħed u oħrajn ma’ ieħor—xi wħud ma’ Kristu u oħrajn ma’ Ġwanni, xi wħud ma’ Mosè, u oħrajn ma’ Elijas, u xi wħud ma’ Esija, u oħrajn ma’ Isaija, u xi wħud ma’ Ħenok;

101 Iżda dawn huma dawk li la aċċettaw l‑evanġelju, u lanqas it‑testimonjanza ta’ Ġesù, la laqgħu lill‑profeti, u lanqas il‑patt ta’ dejjem.

102 U fl‑aħħar mill‑aħħar, dawn huma dawk kollha li mhumiex se jinġabru mal‑qaddisin, u mhumiex se jinħatfu fis‑sħab mal‑knisja tal‑Iben il‑Kbir.

103 Dawn huma sewwasew in‑nies giddibin, u s‑sħaħar, u ż‑żienja, u dawk li jmorru mal‑prostituti, u dawk kollha li jħobbu u jgħidu l‑gideb.

104 Dawn huma dawk li jesperjenzaw il‑korla ta’ Alla fuq l‑art.

105 Dawn huma dawk li jieħdu l‑kastig tan‑nar ta’ dejjem.

106 Dawn huma dawk li jinxteħtu fil‑qiegħ tal‑infern u jesperjenzaw il‑korla ta’ Alla li jista’ kollox, sal‑milja taż‑żminijiet, meta Kristu se jkun qed irażżan l‑għedewwa kollha taħt riġlejh, u jġib fi tmiemha l‑ħidma tiegħu;

107 Meta huwa jgħaddi s‑saltna minn idejh għal idejn il‑Missier, bla ebda tebgħa, u jgħid: Jien għelibt kull ħaġa u għaffiġt waħdi fil‑magħsar, sewwasew il‑magħsar tas‑saħna tal‑korla t’Alla li Jista’ Kollox.

108 Imbagħad huwa jiġi nkurunat bil‑kuruna tal‑glorja tiegħu, u huwa jpoġġi bilqiegħda fuq it‑tron ta’ setegħtu u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem.

109 Iżda araw, aħna rajna l‑glorja u l‑abitanti tad‑dinja telestjali, u rajna li huma kienu bla għadd bħall‑kwiekeb li hemm fil‑medda tas‑sema, jew bħar‑ramel ta’ ma’ xatt il‑baħar;

110 U smajna leħen il‑Mulej jgħid: Dawk kollha sejrin imilu quddiemu u kull ilsien se jistqarr miegħu, sewwasew ma’ dak li jinsab bilqiegħda fuq it‑tron għal dejjem ta’ dejjem;

111 Għax huma se jsir ħaqq minnhom skont għemilhom, u l‑bnedmin kollha għad jitħallsu skont għemilhom, skont dak li kienu responsabbli minnu, fil‑postijiet li hemm imħejjija għalihom;

112 U huma se jkunu qaddejja ta’ Alla l‑Għoli; iżda mhux se jkunu jistgħu jiġu fil‑post li fih jgħammru Alla u Kristu, għal dejjem ta’ dejjem.

113 B’hekk ġiet fi tmiemha d‑dehra li aħna kellna, li ġejna ordnati biex niktbu dwarha waqt li konna għadna mimlijin bl‑Ispirtu.

114 Iżda kbar u tal‑għaġeb huma l‑għemejjel tal‑Mulej, u l‑misteri tas‑saltna tiegħu li huwa żvela magħna, li jgħaddu kulma l‑moħħ jista’ jifhem, fil‑glorja, fil‑qawwa u fis‑saltna tagħhom;

115 U li dwarhom huwa ordnalna biex ma niktbu xejn waqt li konna għadna mimlijin bl‑Ispirtu; u dawn huma ħwejjeġ li l‑ebda bniedem m’għandu s‑setgħa li jlissen;

116 U l‑bniedem lanqas mhu kapaċi jiżvelahom, għax huma ħwejjeġ li tista’ tarahom u tifhimhom biss bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu, li Alla jsawwab fuq dawk kollha li jħobbuh u jitnaddfu quddiemu;

117 U lilhom huwa jagħti dan il‑privileġġ li jaraw u jkunu jafu huma stess;

118 Biex permezz tal‑qawwa u r‑rivelazzjoni tal‑Ispirtu, waqt li jkunu fil‑ġisem, huma jkunu kapaċi jissapportu l‑preżenza tiegħu fid‑dinja tal‑glorja.

119 U glorja lil Alla u lil Ħaruf, u ġieħ u qawwa lilhom għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.