Skrittura
Duttrina u Patti 28


Sezzjoni 28

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta lil Oliver Cowdery, ġewwa Fayette, New York, Settembru 1830. Hiram Page, membru tal‑Knisja, kellu ġebla u stqarr li bis‑saħħa tagħha huwa kien qed jirċievi r‑rivelazzjonijiet dwar it‑twaqqif ta’ Sijon u l‑ordni tal‑Knisja. Bosta membri bdew jiġu mqarrqa permezz ta’ dawn id‑dikjarazzjonijiet, u anke spiċċaw influwenzaw lil Oliver Cowdery b’mod ħażin. Ftit qabel il‑bidu ta’ konferenza li kienet skedata għal dak iż‑żmien, il‑Profeta talab bil‑ħerqa lill‑Mulej dwar din il‑ħaġa, u huwa rċieva din ir‑rivelazzjoni.

1–7, Joseph Smith iħaddan l‑imfietaħ tal‑misteri, u hu biss jirċievi r‑rivelazzjoni għall‑Knisja; 8–10, Oliver Cowdery għandu jmur ixandar il‑kelma lil‑Lamaniti; 11–16, Satan qarraq b’Hiram Page u tah rivelazzjonijiet foloz.

1 Ara, jiena ngħidlek, Oliver, li se jingħata lilek li l‑knisja għandhom jagħtu widen ta’ dak kollu li inti għandek tgħallimhom permezz tal‑Farrâġ, dwar ir‑rivelazzjonijiet u l‑kmandamenti li jiena tajt.

2 Iżda, ara, tassew, tassew, ngħidlek, li ħadd m’hu se jiġi magħżul biex jirċievi xi kmandamenti u rivelazzjonijiet f’din il‑knisja ħlief il‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., għax huwa jirċevihom l‑istess kif kien jagħmel Mosè.

3 U inti għandek tkun ubbidjenti f’dak kollu li jiena se niżvela miegħu, l‑istess bħal Aron, billi b’fedeltà xxandar b’qawwa u b’awtorità l‑kmandamenti u r‑rivelazzjonijiet lill‑knisja.

4 U inti tkun immexxi f’kull ħin mill‑Farrâġ biex titkellem jew tgħallem, jew aħjar kull meta tiġi ordnat biex titkellem jew tgħallem lill‑knisja.

5 Iżda inti m’għandek tikteb l‑ebda kmandamenti iżda għandek tikteb biss skont l‑għerf tiegħek;

6 U m’għandekx tordna lil dak li huwa l‑mexxej tiegħek, u li qed imexxi l‑knisja;

7 Għax jiena lilu tajt l‑imfietaħ tal‑misteri, u tar‑rivelazzjonijiet li huma ssiġillati, sakemm jiena naħtar fosthom xi ħadd ieħor minfloku.

8 U issa, ara, jiena ngħidlek li inti għandek tmur fost il‑Lamaniti u xxandrilhom l‑evanġelju tiegħi; u jekk huma jilqgħu t‑tagħlim tiegħek inti għandek tara li twaqqaf il‑knisja tiegħi fosthom; u inti tingħata r‑rivelazzjonijiet, iżda la tiktibhomx bħala xi kmandament.

9 U issa, ara, jiena ngħidlek li għadu ma ġiex żvelat, u l‑ebda bniedem ma jaf, fejn sejra tinbena l‑belt ta’ Sijon, iżda dil‑ħaġa se tiġi żvelata aktar tard. Ara, jiena ngħidlek li din se tkun qrib il‑fruntieri fejn hemm il‑Lamaniti.

10 Inti m’għandekx titlaq minn hawn qabel ma tintemm il‑konferenza; u l‑qaddej tiegħi Joseph se jiġi maħtur biex jippresedi fuq il‑konferenza permezz ta’ vot li se jittieħed fiha, u inti għandek ixxandar dak li qallek hu.

11 U barra minn hekk, inti għandek tmur tiltaqa’ waħdek ma’ ħuk, Hiram Page, u għandek tgħidlu li dawk il‑ħwejjeġ li huwa kiteb minn fuq dik il‑ġebla mhumiex ġejjin minni u li Satana qarraq bih;

12 Għax, ara, huwa ma ġiex magħżul biex dawn il‑ħwejjeġ jiġu żvelati lilu, u l‑ebda membru ieħor mhuwa se jiġi magħżul b’mod li jmur kontra l‑patti tal‑knisja.

13 Għax dan kollu jeħtieġ li jsir b’ordni, u b’kunsens komuni fil‑knisja, permezz tat‑talba tal‑fidi.

14 U inti għandek tgħin biex tirrisolvi dawn il‑ħwejjeġ kollha, skont il‑patti tal‑knisja, qabel ma inti terħilha lejn l‑art tal‑Lamaniti.

15 U se jingħata lilek dak li inti għandek tagħmel, mill‑ħin li inti titlaq sal‑ħin li inti terġa’ lura.

16 U inti għandek tiftaħ fommok il‑ħin kollu u b’ferħ ixxandar l‑evanġelju tiegħi. Ammen.