Sezzjoni 45
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta lill‑Knisja, f’Kirtland, Ohio, nhar is‑7 ta’ Marzu, 1831. Bħala daħla għall‑kitba ta’ din ir‑rivelazzjoni, l‑istorja ta’ Joseph Smith tiddikjara li “f’dan iż‑żmien tal‑istorja tal‑Knisja … kienu bosta r‑rapporti foloz … u l‑istejjer assurdi li ġew ippubblikati … u ċċirkolati, … biex jipprevjenu lin‑nies milli jinvestigaw il‑ħidma, jew iħaddnu t‑twemmin. … Iżda l‑Qaddisin ferħu bil‑kbir, … meta jiena rċevejt dan li ġej.”
1–5, Kristu huwa l‑avukat tagħna mal‑Missier; 6–10, L‑evanġelju huwa messaġġier li jħejji t‑triq quddiem il‑Mulej; 11–15, Ħenok u ħutu ġew milqugħin mill‑Mulej fi ħdanu; 16–23, Kristu żvela s‑sinjali tal‑miġja tiegħu kif ingħataw fuq l‑Għolja taż‑Żebbuġ; 24–38, L‑evanġelju se jiġi rrestawrat, żmien il‑ġnus se jiġi fi tmiemu, u l‑art se tintlaqat minn marda qerrieda; 39–47, Ċerti sinjali, għeġubijiet, u l‑Qawmien se jkunu qed jakkumpanjaw it‑Tieni Miġja; 48–53, Kristu sejjer jieqaf fuq l‑Għolja taż‑Żebbuġ, u l‑Lhud sejrin jaraw il‑ġrieħi f’idejh u f’riġlejh; 54–59, Il‑Mulej sejjer isaltan waqt il‑Millennju; 60–62, Il‑Profeta jiġi mitlub sabiex jibda t‑traduzzjoni tat‑Testment il‑Ġdid, li permezz tiegħu se tiġi żvelata ċerta informazzjoni importanti; 63–75, Il‑Qaddisin huma ordnati biex jinġabru flimkien u jibnu l‑Ġerusalemm il‑Ġdida, li se tilqa’ fiha nies mill‑ġnus kollha.
1 Agħtu widen, O nies tal‑knisja tiegħi, li lilkom ġiet mogħtija s‑saltna; agħtu widen għal dak li waqqaf l‑art fuq is‑sisien tagħha, li ħoloq is‑smewwiet u l‑eżerċti kollha tagħhom, u li permezz tiegħu dak kollu li jgħix, u li jitħarrek u li hu, ġie fis‑seħħ.
2 U ngħidilkom għal darb’oħra, agħtu widen għal kliemi, biex il‑mewt ma tilħaqkomx; għax intom qatt ma tistgħu tobsru s‑siegħa li fiha se jgħaddi s‑sajf, u jintemm il‑ħsad, u ruħkom ma ssalvax.
3 Isimgħu minn dak li hu l‑avukat mal‑Missier, li qed jiddefendi l‑kawża tagħkom quddiemu—
4 U jgħid: Missier, ħares lejn it‑tbatija u lejn il‑mewt ta’ dak li ma wettaq l‑ebda dnub, li fih sibt l‑għaxqa tiegħek; ħares lejn id‑demm ta’ Ibnek li ġie mxerred, id‑demm ta’ dak li int offrejt biex inti tingħata l‑glorja;
5 Għalhekk, Missier, eħles lil dawn ħuti li jemmnu f’ismi, ħalli huma jkunu jistgħu jiġu għandi u jkollhom il‑ħajja ta’ dejjem.
6 Agħtu widen, O poplu tal‑knisja tiegħi, u intom il‑presbiteri, agħtu widen u lkoll flimkien isimgħu leħni li qed isejħilkom illum, u twebbsux qalbkom;
7 Għax tassew, ngħidilkom li jiena Alfa u Omega, il‑bidu u t‑tmiem, id‑dawl u l‑ħajja tad‑dinja—dawl li jiddi fid‑dlam u d‑dlam ma jegħlbux.
8 Jiena ġejt għand niesi, u niesi ma laqgħunix; iżda dawk kollha li laqgħuni jiena tajthom il‑qawwa li jwettqu bosta mirakli, u li jsiru wlied Alla; u anke lil dawk li jemmnu f’ismi jiena tajthom il‑qawwa li jiksbu l‑ħajja ta’ dejjem.
9 U jiena bgħatt ukoll fid‑dinja l‑patt ta’ dejjem tiegħi, biex ikun dawl għad‑dinja, u jkun stendard għall‑poplu tiegħi, u għall‑Ġentili biex huma jħarsu lejh bħala gwida, u biex ikun messaġġier li jħejji t‑triq quddiemi.
10 Għalhekk, ersqu lejh, u lil min jersaq lejh, miegħu jien niddiskuti kif għamilt man‑nies ta’ żmien il‑qedem, u lilkom jien niżvela l‑argument b’saħħtu tiegħi.
11 Għalhekk, agħtu widen ilkoll kemm intom u jiena niżvelalkom l‑għerf tiegħi—l‑għerf ta’ dak li intom tgħidu li hu l‑Alla ta’ Ħenok, u ta’ ħutu,
12 Li nqatgħu mill‑art, u ġew milqugħin fi ħdani—belt li jiena nibqa’ nħarisha sakemm jasal jum is‑sewwa—jum li kien mistenni min‑nies qaddisa kollha, u huma baqgħu ma rawhx minħabba l‑ħażen u l‑abominazzjonijiet;
13 U huma għarfu li fuq l‑art huma kienu nies barranin u għorba;
14 Iżda huma ngħataw wegħda li huma għad jaraw dak il‑jum waqt li mlibbsin bil‑ġisem.
15 Għalhekk, agħtu widen u magħkom jien niddiskuti, u lilkom jiena nkellem u nħabbar, kif għamilt man‑nies ta’ żmien il‑qedem.
16 U jien niżvela magħkom dan kif għamilt mad‑dixxipli tiegħi hekk kif quddiemhom jien waqaft fil‑ġisem, u lilhom kellimt u għidt: Għax intom ridtu tafu mingħandi dwar is‑sinjali tal‑miġja tiegħi, fil‑jum li fih jiena niġi fil‑glorja tiegħi fuq is‑sħab tas‑sema, biex inwettaq il‑wegħdiet li jien għamilt ma’ missirijietkom,
17 Peress li intom bdejtu tħarsu lejn iż‑żmien twil li fih l‑ispirtu tagħkom se jkun mifrud minn ġisimkom bħala forma ta’ jasar, jiena se niżvelalkom dwar dak li se jiġri meta jasal jum il‑fidwa, kif ukoll dwar ir‑restawrazzjoni tal‑ulied imxerrda ta’ Iżrael.
18 U issa intom qed taraw dan it‑tempju li jinsab f’Ġerusalemm, li intom issejħulu d‑dar ta’ Alla, u l‑għedewwa tagħkom jgħidu li din id‑dar qatt mhi se tinqered.
19 Iżda, tassew ngħidilkom, li dan in‑nisel sejjer jintlaqat minn qerda bħal ħalliel billejl, u dan il‑poplu sejjer jinqered u se jitferrex fost il‑ġnus kollha.
20 U dan it‑tempju, li issa qed taraw, sejjer jiġġarraf tant li ma tibqax ġebla waħda fuq oħra.
21 U għad jiġri li dan in‑nisel ta’ Lhud mhux se jgħaddi qabel ma tiġi fis‑seħħ kull qerda li jien kellimtkom dwarha, li tikkonċerna lilhom.
22 Intom tgħidu li tafu li se jasal tmiem id‑dinja; tgħidu wkoll li tafu li s‑smewwiet u l‑art sejrin jgħaddu;
23 U dak li tgħidu huwa kollu minnu, għax hekk se jiġri; iżda dawn il‑ħwejjeġ li jiena għidtilkom mhumiex se jgħaddu qabel ma kollox ikun ġie fis‑seħħ.
24 U jien għidtilkom dan dwar Ġerusalemm; u meta jasal dak il‑jum, fdal minnhom se jixxerred fost il‑ġnus kollha;
25 Iżda huma għad jinġabru flimkien mill‑ġdid; iżda huma se jibqgħu mxerrdin sa ma jgħaddi jum il‑Ġentili.
26 U f’dak il‑jum se tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u xnigħat ta’ gwerer, u se jkun hawn għagħa kbira fuq wiċċ l‑art, u n‑nies se jkollhom qalbhom maqtugħa, u se jgħidu li Kristu se jiddawwar ma jiġi, sewwasew sakemm jasal tmien id‑dinja.
27 U l‑imħabba tan‑nies se tibred, u se joktor il‑ħażen.
28 U meta jasal żmien il‑Ġentili, se jfeġġ dawl fost dawk li jkunu fid‑dlam, u dan se jkun il‑milja tal‑evanġelju tiegħi;
29 Iżda huma ma jaċċettawx id‑dawl; għax ma jagħrfuhx, u minħabba l‑preċetti tal‑bnedmin huma jbiegħdu qalbhom minni.
30 U f’dak in‑nisel għad jgħaddi żmien il‑Ġentili.
31 U se jkun hemm nies li jgħixu fost dak in‑nisel, li mhumiex se jgħaddu qabel ma l‑ewwel ikunu raw b’għajnjehom il‑frosta ssawwat; għax l‑art sejra tintlaqat minn marda qerrieda.
32 Iżda d‑dixxipli tiegħi sejrin jieqfu f’postijiet qaddisa, u mhumiex se jitħarrku; iżda fost il‑ħżiena, in‑nies sejrin isemmgħu leħinhom u jisħtu ’l Alla u jmutu.
33 U l‑art se titheżheż f’ħafna bnadi, u se jkun hemm ħerba sħiħa; madankollu n‑nies sejrin iwebbsu qalbhom kontrija, u huma se jaqbdu x‑xabla, wieħed kontra l‑ieħor, u sejrin joqtlu lil xulxin.
34 U issa, meta jiena, il‑Mulej, għidt dan il‑kliem lid‑dixxipli tiegħi, huma tħawdu.
35 U jien għidtilhom: Titħawdu xejn, għax meta jseħħ dan kollu, intom se tkunu tafu li l‑wegħdiet li sarulkom se jiġu fis‑seħħ.
36 U meta jibda jfeġġ id‑dawl, se jiġri minnhom kif hemm miktub f’parabbola li jiena se ngħidilkom—
37 Intom se tħarsu u se taraw b’għajnejkom is‑siġar tat‑tin, u meta huma jibdew jarmu, u l‑weraq tagħhom ikun għadu artab, intom tgħidu li s‑sajf jinsab fil‑qrib;
38 Hekk se jiġri wkoll f’dak il‑jum li fih huma se jaraw dan kollu, fejn huma jkunu jafu li s‑siegħa tinsab fil‑qrib.
39 U għad jiġri li min jibża’ minni se jistenna b’ħerqa li jasal il‑jum kbir tal‑Mulej, u li jfeġġu wkoll is‑sinjali tal‑miġja ta’ Bin il‑Bniedem.
40 U huma sejrin jaraw sinjali u għeġubijiet, li se jidhru fis‑smewwiet fil‑għoli, u isfel fl‑art.
41 U huma se jaraw id‑demm u n‑nar, u d‑dħaħen.
42 U qabel ma jasal jum il‑Mulej, ix‑xemx se tinbidel fi dlam, u l‑qamar f’demm, u l‑kwiekeb se jaqgħu mis‑sema.
43 U dawk li jkun għad fadal sejrin jinġabru flimkien f’dan il‑post;
44 U lili huma se jfittxu, u araw, jiena niġi; u huma sejrin jarawni fis‑sħab tas‑smewwiet, imlibbes b’qawwa u glorja kbira; flimkien mal‑anġli mqaddsa kollha; u min mhux se jkun qed jistenna lili se jkun ikkundannat.
45 Iżda qabel ma jinżel driegħ il‑Mulej, se jkun hemm anġlu jdoqq it‑tromba, u l‑qaddisin li raqdu sejrin joħorġu biex jiġu jiltaqgħu miegħi fis‑sħab.
46 Għalhekk, henjin intom jekk irqadtu fil‑paċi; għax hekk kif intom issa lili qed taraw u tafu li jien hu, hekk ukoll intom se tiġu għandi u ruħkom se tgħix, u l‑fidwa tagħkom se tkun sħiħa; u l‑qaddisin sejrin jiġu mill‑erba’ rkejjen tad‑dinja.
47 Imbagħad driegħ il‑Mulej sejjer jinżel fuq il‑ġnus.
48 U mbagħad il‑Mulej sejjer iserraħ siequ fuq din il‑muntanja, u hija tinqasam fi tnejn, u l‑art tibda titheżżeż u titbandal, u anke s‑smewwiet jitriegħdu.
49 U l‑Mulej sejjer isemma’ leħnu, u huwa se jinstama’ minn truf l‑art; u l‑ġnus tal‑art għad jibku, u dawk li jidħqu bi ħwejjeġ qaddisa għad jagħrfu l‑bluha tagħhom.
50 U min jidħaq bi ħwejjeġ qaddisa għad jinqered, u l‑insolenti għad jinħaraq bin‑nar; u dawk li bdew jistennew il‑ħażen għad jitqaċċtu u jinxteħtu fin‑nar.
51 U mbagħad il‑Lhud sejrin iħarsu lejja u jgħidu: X’inhuma dawn il‑ġrieħi li għandek f’idejk u f’riġlejk?
52 Imbagħad huma jagħrfu li jiena l‑Mulej; għax lilhom jiena ngħid: Dawn il‑ġrieħi huma l‑ġrieħi li għamluhomli fid‑dar ta’ ħbiebi. Jiena dak li ġejt mgħolli ’l fuq. Jiena Ġesù li ġejt imsallab. Jiena Iben Alla.
53 U huma għad jibku minħabba ħżunithom; mbagħad huma jibdew jitniehdu minħabba li ppersegwitat lis‑sultan tagħhom.
54 U mbagħad il‑pagani se jiksbu l‑fidwa, u dawk li ma kellhom l‑ebda liġi se jkollhom sehem mill‑ewwel qawmien; u se jkun eħfef għalihom.
55 U Satana se jisfa marbut, biex hu ma jkunx jista’ jidħol f’qalb ulied il‑bnedmin.
56 U f’dak il‑jum, meta jiena niġi fil‑glorja tiegħi, se tiġi fis‑seħħ il‑parabbola li jien għidt dwar l‑għaxar xebbiet.
57 Għaliex dawk li huma għaqlin u laqgħu l‑verità, u li ħarsu lejn l‑Ispirtu s‑Santu bħala l‑gwida tagħhom, u ma ġewx imqarrqin—fis‑sewwa ngħidilkom, huma mhumiex se jitqaċċtu u jinxteħtu fin‑nar, iżda huma se jissaportu l‑jum.
58 U l‑art se tingħatalhom bħala wirthom; u huma sejrin jitkattru u jissaħħu, u wliedhom sejrin jikbru mingħajr dnub u jiksbu s‑salvazzjoni.
59 Għax il‑Mulej sejjer jgħammar f’nofshom, u l‑glorja tiegħu se tkun fuqhom, u huwa se jkun is‑sultan tagħhom u x‑xettru tagħhom.
60 U issa, araw, jien ngħidilkom, li jien mhux se nippermettilkom li tkunu tafu aktar dwar dan il‑kapitlu, qabel ma l‑ewwel jiġi tradott it‑Testment il‑Ġdid, u li fih se jiġi żvelat dan kollu;
61 Għalhekk, jien issa qed nippermettilkom li tittraduċuh, ħalli intom tkunu tistgħu titħejjew għal dak li għandu jiġi.
62 Għax tassew ngħidilkom, li hemm ħwejjeġ kbar lesti għalikom;
63 Intom tisimgħuhom jitkellmu dwar il‑gwerer li hemm f’artijiet imbiegħda; iżda araw, jien ngħidilkom li huma jinsabu fil‑qrib, sewwasew wara biebkom, u mhux se jgħaddu ħafna snin li intom ma tibdewx tisimgħu bil‑gwerer f’artijietkom.
64 Għalhekk, jiena l‑Mulej għidt, oħorġu mill‑artijiet tal‑lvant, inġabru flimkien O presbiteri tal‑knisja tiegħi; morru fil‑pajjiżi tal‑punent, itolbu lil min jgħammar hemm sabiex jindem, u jekk huma jindmu, araw li tibnu knejjes għalija.
65 U b’qalb waħda u fehma waħda, iġbru ġidkom flimkien, ħalli wara intom ikollkom sehem mill‑post li hemm lest għalikom.
66 Liema post se jkun jissejjaħ il‑Ġerusalemm il‑Ġdida, art is‑sliem, belt il‑kenn, post sigur għall‑Qaddisin ta’ Alla l‑Għoli;
67 U hemm se jkun hemm il‑glorja tal‑Mulej, u se jkun hemm ukoll il‑biża’ tal‑Mulej, hekk li l‑ħżiena ma jersqux ’l hemm, u dan il‑post se jkun jissejjaħ Sijon.
68 U għad jiġri li dawk kollha fost il‑ħżiena li ma jaqbdux ix‑xabla kontra għajrhom, għandhom jaħarbu lil hinn mill‑periklu lejn Sijon.
69 U fiha se jinġabru nies minn kull ġens li hawn taħt is‑sema; u dawn se jkunu l‑uniċi nies li mhux se jkunu fi gwerra bejniethom.
70 U se jingħad fost il‑ħżiena: Jeħtieġ li ma mmorrux niġġieldu kontra Sijon, għax dawk li jgħammru f’Sijon huma nies tal‑biża’; għalhekk magħhom m’għandniex ċans.
71 U għad jiġri li l‑ġusti se jinġabru flimkien minn fost il‑ġnus kollha, u sejrin jiġu f’Sijon, jgħannu għanjiet ta’ hena għal dejjem.
72 U issa ngħidilkom, araw li żżommu dawn il‑ħwejjeġ misturin mid‑dinja sakemm inħoss li għandkom tibqgħu tagħmlu dan, biex intom twettqu din il‑ħidma f’għajnejn in‑nies, u f’għajnejn l‑għedewwa tagħkom, biex huma ma jkunux jafu b’ħidmietkom qabel ma intom twettqu dak li jiena ordnajtilkom;
73 Biex hekk kif huma jsiru jafu biha, huma jkunu jistgħu jixtarru dwarha.
74 Għax meta se jidher il‑Mulej, tal‑biżà se jkun għalihom, hekk li huma jinħakmu minn biża’ kbira u jżommu ’l bogħod minnu u jibdew jitriegħdu.
75 U l‑ġnus kollha mwerwra jkunu, minħabba l‑biża’ tal‑Mulej u l‑qawwa tiegħu. Hekk għandu jkun. Ammen.