Skrittura
Duttrina u Patti 63


Sezzjoni 63

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar it‑30 ta’ Awwissu, 1831. Nhar is‑27 ta’ Awwissu, il‑Profeta, Sidney Rigdon, u Oliver Cowdery waslu ġewwa Kirtland wara ż‑żjara tagħhom f’Missouri. L‑istorja ta’ Joseph Smith tiddeskrivi din ir‑rivelazzjoni: “F’dawn iż‑żminijiet bikrin tal‑Knisja, kulħadd beda jistenna b’ħerqa kbira biex isir jaf x’kellu xi jgħid il‑Mulej dwar kull ħaġa li b’xi mod kienet tikkonċerna s‑salvazzjoni tagħna; u peress li l‑art ta’ Sijon issa kienet l‑aktar ħaġa temporali importanti fuq moħħ kulħadd, jiena tlabt lill‑Mulej biex jagħtini aktar informazzjoni dwar il‑ġabra tal‑Qaddisin, u dwar ix‑xiri tal‑art, u dwar ħwejjeġ oħra.”

1–6, Jum ta’ korla se jolqot lill‑ħżiena; 7–12, Is‑sinjali jaslu permezz tal‑fidi; 13–19, Dawk li huma żienja f’qalbhom sejrin jiċħdu l‑fidi u sejrin jinxteħtu fil‑belliegħa tan‑nar; 20, Il‑fidili se jkollhom sehem mill‑art mibdula; 21, Għadu ma ġiex żvelat ir‑rakkont kollu ta’ dak li seħħ fuq l‑Għolja tat‑Trasfigurazzjoni; 22–23, L‑ubbidjenti jirċievu l‑misteri tas‑saltna; 24–31, Il‑membri għandu jkollhom sehem f’Sijon billi jixtru l‑art; 32–35, Il‑Mulej jiddikjara l‑gwerer, u li l‑ħżiena sejrin joqtlu lill‑ħżiena; 36–48, Il‑Qaddisin għandhom jinġabru f’Sijon u jipprovdu l‑flus għall‑bini tagħha; 49–54, Il‑fidili huma assigurati mill‑barkiet li se jiġu msawba fuqhom waqt it‑Tieni Miġja, fil‑Qawmien, u waqt il‑Millennju; 55–58, Dan huwa jum ta’ twissija; 59–66, Isem il‑Mulej jissemma fil‑batal minn dawk li jużawh bla ebda awtorità.

1 Agħtu widen, O poplu, u iftħu qalbkom u widnejkom mill‑bogħod; u intom li ssejħu lilkom infuskom il‑poplu tal‑Mulej isimgħu l‑kelma tal‑Mulej u x’inhi r‑rieda tiegħu għalikom.

2 Iva, tassew ngħidilkom, isimgħu l‑kelma ta’ dak li l‑korla tiegħu xegħlet kontra l‑ħżiena u dawk ta’ rashom iebsa;

3 Li r‑rieda tiegħu hi li jieħu lil dawk li jrid hu, u jħares il‑ħajja ta’ dawk li jrid iħares;

4 Li jibni skont ir‑rieda u x‑xewqa tiegħu; u li jeqred meta jogħġob lilu, u li għandu s‑setgħa li jixħet ir‑ruħ fl‑infern.

5 Araw, jien, il‑Mulej, insemma’ leħni u kulħadd ikollu jobdi.

6 Għalhekk, tassew ngħidilkom, il‑ħżiena għandhom jagħtu widen, u dawk ta’ rashom iebsa għandhom jibżgħu u jirtogħdu; u dawk li ma jemmnux għandhom iżommu ħalqhom magħluq, għax jum il‑korla se jiġi fuqhom bħal riefnu, u kull bniedem se jagħraf li jiena Alla.

7 U dak li jitlob li jara s‑sinjali sejjer jara s‑sinjali, iżda mhux għas‑salvazzjoni.

8 Tassew ngħidilkom, hemm dawk fostkom li jitolbu li jaraw is‑sinjali, u bħalhom kien hawn sa mill‑bidu;

9 Iżda, araw, il‑fidi ma tiġix permezz tas‑sinjali, iżda s‑sinjali jsieħbu lil dawk li jemmnu.

10 Iva, is‑sinjali jingħataw permezz tal‑fidi, mhux permezz tar‑rieda tal‑bnedmin, lanqas kif jogħġob lilhom, iżda permezz tar‑rieda ta’ Alla.

11 Iva, is‑sinjali jingħataw permezz tal‑fidi, u jwasslu għal għeġubijiet kbar, għax mingħajr il‑fidi l‑ebda bniedem ma jogħġob ’l Alla; u f’dak li Alla jinkorla għalih huwa ma jsibx l‑għaxqa tiegħu; għalhekk, lil min hu bħalu ma jurih l‑ebda sinjali, jurih biss il‑korla li twassal għall‑kundanna tiegħu.

12 Għalhekk, jien, il‑Mulej, ma nsibx l‑għaxqa tiegħi f’dawk fostkom li talbu biex jaraw is‑sinjali u l‑għeġubijiet biex ikollhom il‑fidi, u mhux għall‑ġid tal‑bnedmin għall‑glorja tiegħi.

13 Madankollu, jiena nagħti l‑kmandamenti, u huma ħafna li tbiegħdu mill‑kmandamenti tiegħi u ma ħarsuhomx.

14 Fostkom kien hemm nies adulteri; xi wħud tbiegħdu minnkom, u xi oħrajn li baqgħu magħkom u se joħorġu fid‑deher aktar tard.

15 Jeħtieġ li dawn joqogħdu attenti u jindmu minnufih, biex il‑ġudizzju ma jinżilx fuqhom bħal nassa, u kulħadd isir jaf bil‑bluha tagħhom, u l‑għemejjel tagħhom jibqgħu jimxu warajhom f’għajnejn in‑nies.

16 U tassew ngħidilkom, kif diġà għidt qabel, li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha, jew jekk xi ħadd minnkom iwettaq adulterju f’qalbu, huwa ma jkollux miegħu l‑Ispirtu, iżda huwa jiċħad il‑fidi u jitkexkex.

17 Għalhekk, jien, il‑Mulej, għidt li l‑ġwejjef, u min ma baqax fidil, u l‑giddieba kollha, u dawk kollha li jħobbu l‑qerq u jagħmluh, u ż‑żieni, u s‑saħħar, dawn kollha sehemhom se jkun fil‑belliegħa tan‑nar iħeġġeġ u tal‑kubrit, li hi t‑tieni mewt.

18 Tassew ngħidilkom, li huma mhux se jkollhom sehem mill‑ewwel qawmien.

19 U issa araw, jien, il‑Mulej, ngħidilkom li intom m’intomx iġġustifikati, għax fostkom qed iseħħu dawn il‑ħwejjeġ.

20 Madankollu, min jibqa’ jżomm sħiħ fil‑fidi u jagħmel ir‑rieda tiegħi, huwa għad joħroġ rebbieħ, u għad jirċievi sehmu fuq l‑art meta jasal jum il‑bidla;

21 Meta l‑art sejra tinbidel, sewwasew skont il‑mod li ntwera lill‑appostli tiegħi fuq il‑għolja; u r‑rakkont ta’ dak li seħħ hemmhekk għadu ma ġiex żvelat għal kollox.

22 U issa, tassew ngħidilkom, li kif jien għidt li se niżvelalkom ir‑rieda tiegħi, araw jien se niżvelaha lilkom, mhux permezz ta’ kmandament, għax ħafna huma li ma jħarsux il‑kmandamenti tiegħi.

23 Iżda lil min iħares il‑kmandamenti tiegħi jiena se niżvelalu l‑misteri tas‑saltna tiegħi, u fih jien se nara li jkun hemm ukoll ġiebja t’ilma ġieri, li twassal sal‑ħajja ta’ dejjem.

24 U issa, araw, din hija r‑rieda tal‑Mulej Alla tagħkom fejn jidħlu l‑qaddisin tiegħu, li huma għandhom jinġabru flimkien fl‑art ta’ Sijon, mhux b’għaġla, biex ma jkun hemm l‑ebda konfużjoni, li twassal għal xi epidemija.

25 Araw, l‑art ta’ Sijon—Jien, il‑Mulej, lilha ġo idejja nżomm.

26 Madankollu, jien, il‑Mulej, nagħti lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari.

27 Għalhekk, jiena l‑Mulej irridkom tixtru l‑artijiet, sabiex id‑dinja ma tkunx tista’ tieħu vantaġġ minnkom, biex in‑nies tad‑dinja jagħrfu drittijietkom, sabiex huma ma jimtlewx bl‑għadab kontrikom.

28 Għax Satana jdaħħlilhom f’moħħhom biex huma jimtlew bl‑għadab kontrikom, u demmkom huma jċarċru.

29 Għalhekk, l‑art ta’ Sijon tistgħu tiksbuha biss billi tixtruha jew permezz tad‑demm, altrimenti ma tistax tkun tagħkom.

30 U jekk intom tixtruha, araw, henjin intom;

31 U jekk tiksbuha permezz tad‑demm, peress li intom ordnati biex ma xxerdux demm, araw, l‑għedewwa tagħkom jaħbtu għalikom, u intom tisfaw imsawta u mkeċċija minn belt għall‑oħra, u minn sinagoga għall‑oħra, u ftit biss jibqa’ minnkom biex jirtu l‑art.

32 Jien, il‑Mulej, ninsab inkorlat għall‑ħżiena; jien qed inżomm l‑Ispirtu tiegħi ’l bogħod min‑nies li jgħammru fl‑art.

33 Fl‑għadab tiegħi jiena ħlift u ddikjarajt il‑gwerer fuq wiċċ l‑art, u l‑ħżiena sejrin joqtlu lill‑ħżiena, u kull bniedem se jinħakem mill‑biża’;

34 U anke l‑qaddisin bilkemm se jeħilsuha; madankollu, jien, il‑Mulej, ninsab magħhom, u jien se ninżel minn ġewwa s‑smewwiet, mill‑preżenza ta’ Missieri u neqred lill‑ħżiena b’nar li ma jintefiex.

35 U araw, dan mhux se jseħħ għalissa, iżda dalwaqt.

36 Għalhekk, peress li jien, il‑Mulej, iddikjarajt li għandu jseħħ dan kollu fuq wiċċ l‑art, irrid li l‑qaddisin tiegħi jinġabru flimkien fl‑art ta’ Sijon;

37 U rrid li kull bniedem jieħu s‑sewwa f’idejh u jitħażżem bil‑fedeltà ma’ qaddu, u jsemma’ l‑leħen ta’ twissija fost dawk kollha li jgħammru fid‑dinja; u jxandar kemm permezz tal‑kelma kif ukoll permezz tal‑ħarba tiegħu li l‑ħżiena sejrin jintlaqtu minn qerda sħiħa.

38 Għalhekk, jeħtieġ li d‑dixxipli tiegħi ġewwa Kirtland jaraw li jkollhom kollox f’ordni fejn jidħlu l‑ħwejjeġ temporali tagħhom, liema qaddisin qed jgħammru f’dan ir‑razzett.

39 Jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Titus Billings, li hu responsabbli minnu, jerħi l‑art minn idejh, ħallu huwa jkun lest biex fir‑rebbiegħa li ġejja jerħilha lejn l‑art ta’ Sijon, flimkien ma’ dawk li jinsabu jgħammru fuq wiċċ l‑art tagħha, ħlief għal dawk li se nżommhom milli jmorru għall‑għanijiet tiegħi, u huma m’għandhomx imorru qabel nordnalhom jien.

40 U araw li l‑flus kollha li tistgħu tgħaddu mingħajrhom, u ma tagħmilx differenza għalija jekk humiex ftit jew ħafna, tibgħatuhom fl‑art ta’ Sijon, lil dawk li jiena għażilt biex jirċevuhom.

41 Araw, jien, il‑Mulej, se nagħti lill‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., is‑setgħa li huwa jkun kapaċi jagħraf, permezz tal‑Ispirtu, min għandu jitla’ fl‑art ta’ Sijon, u min, minn fost id‑dixxipli tiegħi, għandu jibqa’ fejn hu.

42 Jeħtieġ li l‑qaddej tiegħi Newel K. Whitney jibqa’ jżomm f’idejh ftit ieħor il‑ħanut tiegħu, jew fi kliem ieħor, il‑ħanut.

43 Madankollu, jeħtieġ li huwa jagħti l‑flus kollha li jista’ jagħti, sabiex jintbagħtu fl‑art ta’ Sijon.

44 Araw, dawn il‑ħwejjeġ f’idejh, jagħmel kif jaħseb li hu l‑aħjar.

45 Tassew jiena ngħid, jeħtieġ li huwa jiġi ordnat bħala aġent f’isem id‑dixxipli li se jibqgħu jgħammru hemm, u jeħtieġ li huwa jiġi ordnat biex jingħata din is‑setgħa.

46 U issa mur minnufih żur il‑knejjes, u fissrilhom dawn il‑ħwejjeġ, flimkien mal‑qaddej tiegħi Oliver Cowdery. Ara, din hi r‑rieda tiegħi, u ara li tikseb il‑flus kif ordnajt jien.

47 Min hu fidil u jibqa’ sħiħ sejjer jirbaħ id‑dinja.

48 Min jibgħat it‑teżori fl‑art ta’ Sijon sejjer jirċievi sehmu f’din id‑dinja, u l‑għemejjel tiegħu sejrin isieħbuh, u l‑istess il‑ħlas tiegħu fid‑dinja li jmiss.

49 Iva, u l‑mejtin li minn issa ’l quddiem imutu fil‑Mulej, henjin se jkunu f’jum il‑miġja tal‑Mulej, u dak li hu qadim għad jgħaddi, u jidħol il‑ġdid, u huma għad iqumu mill‑imwiet u wara ma jmutux aktar, u huma għad jirċievu sehemhom quddiem il‑Mulej, fil‑belt qaddisa.

50 U hieni min ikun ħaj meta jiġi l‑Mulej, u jibqa’ jħares il‑fidi; madankollu, jingħata lilu li huwa jmut wara li jgħix ħajja ta’ bniedem.

51 B’hekk, it‑tfal jibqgħu jikbru sakemm jixjieħu; u x‑xjuħ sejrin imutu; iżda huma mhumiex se jimteddu fit‑trab, iżda se jinbidlu f’ħakka t’għajn.

52 Għalhekk, għal dan il‑għan l‑appostli xandru lid‑dinja dwar il‑qawmien tal‑mejtin.

53 Dawn il‑ħwejjeġ huma l‑ħwejjeġ li għandkom tistennew; u, skont kliem il‑Mulej, huma jinsabu fil‑qrib, sewwasew fiż‑żmien li ġej, f’jum il‑miġja ta’ Bin il‑Bniedem.

54 U sakemm tfeġġ dik is‑siegħa se jkun hemm ix‑xebbiet boloh fost l‑għaqlin; u f’dik is‑siegħa se jinfirdu għal kollox il‑ġusti mill‑ħżiena; u f’dak il‑jum jiena nibgħat l‑anġli tiegħi biex jaqbdu lill‑ħżiena u jixħtuhom fin‑nar li ma jintefiex.

55 U issa araw, tassew ngħidilkom, jien, il‑Mulej, ma nsibx l‑għaxqa tiegħi fil‑qaddej tiegħi Sidney Rigdon; huwa tkabbar bih innifsu f’qalbu, u ma ta kas tal‑ebda parir, iżda nikket l‑Ispirtu;

56 Għalhekk kitbietu ma ġietx aċċettata mill‑Mulej, u jeħtieġ li jerġa’ jikteb mill‑ġdid; u jekk il‑Mulej ma jaċċettahiex, araw, huwa ma jibqax aktar iħaddan l‑uffiċċju li jiena ħtartu fih.

57 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, li dawk li f’qalbhom jixtiequ, b’umiltà, li jwissu lill‑midinbin sabiex jindmu, jeħtieġ li jiġu ordnati biex jingħataw din is‑setgħa.

58 Għax dan huwa jum ta’ twissija, u mhux jum ta’ ħafna kliem. Għax jien, il‑Mulej, ħadd mhu se jiddieħaq bija fl‑aħħar jiem.

59 Araw, jiena ġej minn hemm fuq, u għandi s‑setgħa mis‑sema ’l isfel. Jiena fuq kollox, u f’kollox, u f’kull ħaġa, u nistħarreġ kollox, u għad jasal il‑jum meta kollox se jkun taħt idejja.

60 Araw, jiena l‑Alfa u l‑Omega, l‑istess Ġesù Kristu.

61 Għalhekk, hemm bżonn li kulħadd joqgħod attent kif ilissen ismi—

62 Għax araw, tassew ngħidilkom, li ħafna se jkunu ħatja ta’ dan, li jsemmu isem il‑Mulej fil‑batal, mingħajr m’għandhom l‑ebda awtorità.

63 Għalhekk, hemm bżonn li l‑membri tal‑knisja jindmu minn dnubiethom, u jien, il‑Mulej, inqishom tiegħi; inkella huma jispiċċaw jitwarrbu.

64 Ftakru li dak li ġej minn fuq huwa sagru, u jeħtieġ li jissemma bi prudenza, u meta tkunu mnebbħa mill‑Ispirtu; u jekk tagħmlu dan ma tieħdu l‑ebda kundanna, u intom tirċievu l‑Ispirtu permezz tat‑talb; għalhekk, jekk ma tagħmlux dan intom tieħdu l‑kundanna.

65 Jeħtieġ li l‑qaddejja tiegħi, Joseph Smith, Jun., u Sidney Rigdon, jibdew ifittxu dar fejn joqogħdu, hekk kif ġew mgħallmin jagħmlu permezz tat‑talb, permezz tal‑Ispirtu.

66 Huma għandhom jegħlbu dan kollu bis‑sabar, ħalli huma jkunu jistgħu jiksbu kobor ta’ glorja bla qjies għal dejjem, jekk le, il‑kundanna tagħhom tkun aktar iebsa. Ammen.