Skrittura
Duttrina u Patti 3


Sezzjoni 3

Rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith il‑Profeta, f’Harmony, Pennsylvania, f’Lulju 1828, li titkellem dwar it‑telfa ta’ 116‑il paġna ta’ manuskritt li ġie tradott mill‑ewwel parti tal‑Ktieb ta’ Mormon, li kien jisimha l‑ktieb ta’ Leħi. Kontra qalbu, il‑Profeta kien ħalla dawn il‑paġni jgħaddu minn idejh għal idejn Martin Harris, li għal żmien qasir kien serva bħala skriba fit‑traduzzjoni tal‑Ktieb ta’ Mormon. Ir‑rivelazzjoni ngħatat permezz tal‑Urim u t‑Tummim. (Ara sezzjoni 10.)

1–4, Ir‑rotta tal‑Mulej hi ċirku wieħed etern; 5–15, Joseph Smith jeħtieġlu li jindem inkella jitlef id‑don li jittraduċi; 16–20, Il‑Ktieb ta’ Mormon jinġieb għad‑dawl biex isalva lin‑nisel ta’ Leħi.

1 L‑għemejjel, il‑pjanijiet, u l‑għanijiet ta’ Alla la ħadd ma jista’ jisfrattahom, u lanqas ma jistgħu jisfaw fix‑xejn.

2 Għax Alla ma jimxix f’toroq mgħawġa, lanqas ma jdur lejn il‑lemin jew lejn ix‑xellug, u lanqas ma jmur lura minn dak li jkun qal, għalhekk triqatu huma dritti, u r‑rotta tiegħu hi ċirku wieħed etern.

3 Ftakar, ftakar li mhijiex il‑ħidma ta’ Alla li tiġi sfrattata, iżda l‑ħidma tal‑bnedmin;

4 Għax minkejja li bniedem jaf ikollu bosta rivelazzjonijiet, u jaf ikollu l‑qawwa li jwettaq għeġubijiet kbar, madankollu jekk hu joqgħod jiftaħar bil‑qawwa tiegħu, u ma jagħtix kas tal‑pariri ta’ Alla, u jagħmel dak li jrid skont ix‑xewqat karnali tiegħu, huwa jispiċċa jaqa’ u jistieden fuqu l‑vendetta ta’ Alla ġust.

5 Ara, inti ġejt fdat b’dawn il‑ħwejjeġ, imma kemm kienu stretti l‑kmandamenti li ġew mogħtija lilek; ftakar ukoll f’dak kollu li ġejt imwiegħed jekk inti ma tiksirx il‑kmandamenti.

6 U ara, kemm‑il darba inti ksirt il‑kmandamenti u l‑liġijiet ta’ Alla, u bqajt tħalli lin‑nies jipperswaduk.

7 Għax, ara, ma missekx bżajt mill‑bniedem aktar milli bżajt minn Alla. Minkejja li l‑bnedmin ma jagħtux kas tal‑pariri ta’ Alla, u jistmerru kliemu—

8 Madankollu int missek bqajt fidil; u huwa kien jestendi driegħu u jidħol għalik kontra l‑vleġeġ tan‑nar tal‑avversarju; u hu kien ikun miegħek f’kull mument ta’ nkwiet.

9 Ara, inti Joseph, u int ġejt magħżul biex twettaq il‑ħidma tal‑Mulej, iżda minħabba t‑trasgressjoni, jekk ma toqgħodx attent tispiċċa taqa’.

10 Iżda ftakar li Alla hu ħanin; għalhekk, indem minn dak li inti għamilt li jmur kontra l‑kmandament li jiena tajtek, u inti terġa’ tkun bniedem magħżul, u msejjaħ għal darb’oħra għall‑ħidma;

11 Jekk int ma tagħmilx dan, inti tiġi mwarrab għal kollox u ssir bħal kwalunkwe bniedem ieħor, u ma tibqax tippossedi aktar id‑don.

12 U meta inti terħi minn idejk dak li tak Alla, il‑viżjoni u l‑qawwa biex tittraduċi, inti tkun qiegħed terħi minn idejk dak li hu sagru u tgħaddih f’idejn bniedem ħażin,

13 Li ma tax kas tal‑pariri ta’ Alla, u kiser l‑aktar wegħdi sagri li saru quddiem Alla, u beda jafda fl‑għaqal tiegħu u jiftaħar b’għerfu.

14 U kien għalhekk li għal xi żmien inti tlift il‑privileġġi tiegħek—

15 Għax inti ħallejthom jgħaffġu sa mill‑bidu fuq il‑pariri ta’ min imexxik.

16 Madankollu, il‑ħidma tiegħi se tkompli għaddejja, għax bl‑istess mod kif l‑għarfien ta’ Salvatur ġie mwassal lid‑dinja, grazzi għax‑xhieda mogħtija mil‑Lhud, hekk ukoll l‑għarfien ta’ Salvatur għad jiġi mwassal lill‑poplu tiegħi—

17 U jiġi mwassal lin‑Nefiti, u lill‑Ġakobbin, u lill‑Ġużeppin, u liż‑Żoramiti, grazzi għax‑xhieda mogħtija minn missirijiethom—

18 U l‑għarfien ta’ dix‑xhieda għad jiġi mwassal lil‑Lamaniti, u lil‑Lemweliti, u lill‑Ismagħelin, li ftit, ftit spiċċaw biex tilfu l‑fidi minħabba l‑ħażen ta’ missirijiethom, li l‑Mulej ħallihom jeqirdu lil ħuthom in‑Nefiti, minħabba l‑ħażen u l‑abominazzjonijiet tagħhom.

19 U hu sewwasew għal dan il‑għan li dawn il‑pjanċi qed jiġu mħarsa, liema pjanċi fihom dawn l‑annali—sabiex il‑wegħdiet li l‑Mulej għamel mal‑poplu tiegħu ikunu jistgħu jiġu fis‑seħħ;

20 U biex il‑Lamaniti jkollhom għarfien ta’ missirijiethom, u jkunu jistgħu jagħrfu l‑wegħdiet tal‑Mulej, biex huma jkunu jistgħu jemmnu l‑evanġelju u jafdaw fil‑merti ta’ Ġesù Kristu, u jiksbu l‑glorja permezz tal‑fidi tagħhom f’ismu, u biex permezz tal‑indiema tagħhom ikunu jistgħu jiksbu s‑salvazzjoni. Ammen.