Sezzjoni 51
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Thompson, Ohio, nhar l‑20 ta’ Mejju, 1831. F’dan iż‑żmien il‑Qaddisin li kienu qed jemigraw mill‑istati tal‑lvant bdew jaslu f’Ohio, u kien hemm il‑ħtieġa li jsiru ċerti arranġamenti speċifiċi biex jinstab post fejn joqogħdu. Peress li din ir‑responsabbiltà kienet taqa’ b’mod partikolari taħt l‑uffiċċju tal‑isqof, l‑Isqof Edward Partridge ried ikun jaf x’kellu jagħmel dwar dil‑ħaġa, u l‑Profeta talab lill‑Mulej dwar dan.
1–8, Edward Partridge jinħatar biex jirregola l‑amministrazzjoni u l‑propjetà; 9–12, Il‑Qaddisin jeħtieġ li jittrattaw lil xulxin b’onestà u jiġu ttrattati l‑istess; 13–15, Huma jeħtieġ li jkollhom maħżen tal‑isqof u għandhom jorganizzaw il‑propjetà skont il‑liġi tal‑Mulej; 16–20, Ohio għandu jkun il‑post li fih huma għandhom jinġabru b’mod temporanju.
1 Isimgħu x’se ngħidilkom, jgħid il‑Mulej Alla tagħkom, u jiena se nkellem lill‑qaddej tiegħi Edward Partridge, u lilu jiena se nagħti ċerta direzzjoni; għax hemm bżonn li huwa jingħata direzzjoni kif għandu jorganizza lil dan il‑poplu.
2 Għax jeħtieġ li huma jorganizzaw ruħhom skont il‑liġijiet tiegħi; għax jekk le, huma jispiċċaw jitwarrbu.
3 Għalhekk, hemm bżonn li l‑qaddej tiegħi Edward Partridge, u dawk li huwa għażel, li fihom jien sibt l‑għaxqa tiegħi, jagħtu lil dawn in‑nies is‑sehem tagħhom, fejn lil kull raġel jagħtuh skont familtu, skont iċ‑ċirkustanzi tiegħu u l‑bżonnijiet u l‑ħtiġijiet tiegħu.
4 U hemm bżonn li l‑qaddej tiegħi Edward Partridge, meta huwa jagħti lil xi raġel sehmu, għandu jippreżentalu dokument bħala garanzija ta’ sehmu, u li dan għandu jibqa’ jgħajjat lilu, sewwasew dan id‑dritt u dan il‑wirt fil‑knisja, jekk huwa ma jaqax fit‑trasgressjoni u jibqa’ meqjus bħala raġel denn li jagħmel parti mill‑knisja, permezz ta’ leħen il‑knisja, skont il‑liġijiet u l‑patti tal‑knisja.
5 U jekk huwa jaqa’ fit‑trasgressjoni u ma jibqax meqjus bħala raġel denn li jagħmel parti mill‑knisja, huwa ma jkollux is‑setgħa li jżomm għandu bi dritt dak is‑sehem li ġie kkonsagrat lill‑isqof għall‑foqra u għal dawk fil‑bżonn fil‑knisja tiegħi; għalhekk, huwa m’għandux jibqa’ jżomm għandu dik l‑għotja, iżda għandu dritt li jibqa’ jżomm għandu biss dak is‑sehem li ngħata lilu b’mod legali.
6 U b’dal‑mod kollox għandu jkun assigurat skont il‑liġijiet tal‑pajjiż.
7 U hemm bżonn li dak li jappartjeni lil dan il‑poplu jingħata lil dan il‑poplu.
8 U l‑flus li jibqagħlu dan il‑poplu—hemm bżonn li jinħatar aġent f’isem dan il‑poplu, biex jieħu għandu l‑flus li qegħdin hemm biex jipprovdu l‑ikel u l‑ilbies, skont il‑ħtiġijiet ta’ dan il‑poplu.
9 U hemm bżonn li kull bniedem jittratta lil ieħor b’onestà, u li fost dan il‑poplu kulħadd ikun l‑istess, u jingħata l‑istess, ħalli huma jkunu ħaġa waħda, hekk kif ordnajtilkom jien.
10 U hemm bżonn li dak li jappartjeni lil dan il‑poplu m’għandux jittieħed u jingħata lil min jappartjeni għal xi knisja oħra.
11 Għalhekk, jekk xi knisja oħra tirċievi l‑flus mingħand din il‑knisja, araw li huma jħallsu lura lil din il‑knisja skont il‑ftehim li huma jagħmlu;
12 U dan għandu jseħħ permezz tal‑isqof jew l‑aġent, li għandu jinħatar permezz ta’ leħen il‑knisja.
13 U għal darb’oħra, hemm bżonn li l‑isqof jibni maħżen għal din il‑knisja; u hemm bżonn li kull ħaġa, sew jekk hi flus, u sew jekk hi ikel, li hi aktar milli dan il‑poplu jeħtieġ, għandha tinżamm f’idejn l‑isqof.
14 U hemm bżonn li huwa jżomm għandu wkoll xi ħaġa għall‑ħtiġijiet tiegħu, u għall‑ħtiġijiet ta’ familtu, waqt li huwa jinsab għaddej bir‑responsabbiltajiet tiegħu.
15 U b’hekk jiena nagħti lil dan il‑poplu il‑privileġġ li huma jorganizzaw irwieħhom skont il‑liġijiet tiegħi.
16 U jiena nikkonsagra lilhom din l‑art għal ftit żmien, sakemm jiena, il‑Mulej, nipprovdilhom xi mkien ieħor, u nordnalhom biex imorru hemm.
17 U mhux se jiġu żvelati lilhom is‑siegħa u l‑jum, għalhekk hemm bżonn li huma jgħixu ħajjithom qishom se jibqgħu fuq din l‑art għal għadd ta’ snin, u dan se jkun ta’ ġid għalihom.
18 Araw, dan għandu jkun ta’ eżempju li fuqu għandu jimxi l‑qaddej tiegħi Edward Partridge f’postijiet oħra, fil‑knejjes kollha.
19 U kull min jinstab li huwa amministratur fidil, ġust, u għaqli għandu jikseb l‑hena ta’ Sidu, u huwa sejjer jiret il‑ħajja ta’ dejjem.
20 Tassew ngħidilkom, jiena Ġesù Kristu, li se niġi dalwaqt, f’siegħa li ma kkunux qed tistennew. Hekk għandu jkun. Ammen.