Sezzjoni 38
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, ġewwa Fayette, New York, nhar it‑2 ta’ Jannar, 1831. Dan seħħ waqt konferenza tal‑Knisja.
1–6, Kristu ħoloq kull ħaġa; 7–8, Huwa jinsab f’nofs il‑Qaddisin tiegħu, li dalwaqt sejrin jarawh; 9–12, Kulħadd mħassar f’għajnejh; 13–22, Huwa ħejja art imwiegħda għall‑Qaddisin tiegħu għaż‑żmien u l‑eternità; 23–27, Il‑Qaddisin huma ordnati biex ikunu ħaġa waħda u jħarsu lejn xulxin bħala aħwa; 28–29, Imbassra l‑gwerer; 30–33, Il‑Qaddisin sejrin jingħataw qawwa mill‑għoli u sejrin imorru fost il‑ġnus kollha; 34–42, Il‑Knisja hi ordnata sabiex tieħu ħsieb il‑foqra u ’l dawk fil‑bżonn u biex tfittex il‑ġid li jibqa’ għal dejjem.
1 Dan jgħid il‑Mulej Alla tagħkom, l‑istess Ġesù Kristu, il‑Kbir Jiena Hu, Alfa u Omega, il‑bidu u t‑tmiem, dak li ħares lejn il‑firxa wiesgħa tal‑eternità, u lejn l‑eżerċti serafiċi kollha tas‑smewwiet, qabel ma nħolqot id‑dinja;
2 Dak stess li jaf kollox, għax kollox jinsab quddiem għajnejja;
3 Jiena dak li tkellem, u nħolqot id‑dinja, u kollox sar permezz tiegħi.
4 Jiena dak li qbadt lil Sijon ta’ Ħenok u ħaddantha miegħi; u tassew, jiena ngħid li dawk kollha li emmnu f’ismi, għax jiena Kristu, u li talbu f’ismi, permezz tal‑virtù tad‑demm li jiena xerridt, f’isimhom lill‑Missier jiena tlabt.
5 Għax araw, il‑bqija tal‑ħżiena jiena żammejt marbuta fid‑dlamijiet sal‑ħaqq tal‑jum il‑kbir, li għad jasal fi tmiem din l‑art;
6 U jiena wkoll se nara li l‑ħżiena jibqgħu f’dan l‑istat, sewwasew dawk li ma jridux jisimgħu leħni u li jwebbsu qalbhom, u kbira tassew se tkun il‑qerda tagħhom.
7 Iżda araw, tassew, tassew, ngħidilkom li għajnejja jinsabu fuqkom. Jiena ninsab f’nofskom u intom ma tistgħux tarawni;
8 Iżda ma jdumx ma jasal il‑jum meta intom sejrin tarawni, u tagħrfu li jien hu; għax il‑velu tad‑dlamijiet mhux se jdum ma jitqatta’, u min mhux safi mhuwiex se jissaporti l‑jum.
9 Għalhekk, ħażżmu ġenbejkom u ħejju ruħkom. Araw, is‑saltna hija tagħkom, u l‑għadu mhuwiex se joħroġ rebbieħ.
10 Tassew, ngħidilkom, intom safja iżda mhux kollha; u f’ħadd aktar ma sibt l‑għaxqa tiegħi;
11 Għax kulħadd imħassar f’għajnejja; u l‑qawwiet tad‑dlamijiet jgħollu rashom fuq l‑art, fost ulied il‑bnedmin, fil‑preżenza tal‑eżerċti tas‑smewwiet—
12 U dan iwassal biex isaltan is‑skiet, u l‑eternità kollha titnikket, u l‑anġli jibqgħu jistennew l‑ordni tal‑biżà biex huma jaħsdu l‑art, biex jiġbru s‑sikrana sabiex tinħaraq; u, araw, l‑għedewwa huma ħaġa waħda bejniethom.
13 U issa jiena se nurikom misteru, ħaġa li tinsab ġewwa fid‑dar, li maż‑żmien se twassal sewwasew għall‑qerda tagħkom, u intom dan ma tafuhx;
14 Iżda issa sejjer ngħidilkom dan, u hienja intom, mhux minħabba ħżunitkom, lanqas minħabba l‑qalb bla fidi tagħkom; għax minkejja li f’għajnejja xi wħud minnkom ħatja, iżda jiena se nkunu ħanin magħkom minħabba dgħufitkom.
15 Għalhekk, minn issa ’l quddiem agħmlu l‑qalb; la tibżgħux, għax is‑saltna hija tagħkom.
16 U għas‑salvazzjoni tagħkom jien se nagħtikom kmandament, għax talbkom jiena smajt, u l‑foqra bdew jilmentaw quddiemi, u lill‑għonja, jiena ħloqthom ukoll, u l‑ħlejjaq kollha huma tiegħi, u jien ma nħares lejn wiċċ ħadd.
17 U l‑art imlejtha b’kollox, u araw hija l‑mirfes tiegħi, għalhekk, jien fuqha se nerġa’ nserraħ riġlejja.
18 U jien se nara li noffrilkom teżori akbar, sewwasew art imwiegħda, art li tnixxi l‑ħalib u l‑għasel, u meta jiġi l‑Mulej fuqha, mhu se jkun hemm l‑ebda saħta;
19 U jiena nagħtiha lilkom bħala l‑art ta’ wirtkom, jekk dan hu dak li intom tixtiequ, b’qalbkom kollha.
20 U dan se jkun il‑patt tiegħi magħkom, li hija se tingħata lilkom bħala l‑art ta’ wirtkom, u ta’ wirt uliedkom għal dejjem, sakemm iddum wieqfa d‑dinja, u lilkom jiena nerġa’ nagħtiha fl‑eternità, biex qatt aktar ma tintemm.
21 Iżda, tassew ngħidilkom, li xi darba intom mhu se jkollkom l‑ebda sultan jew mexxej, għax jiena se nkun is‑sultan tagħkom u lilkom jiena nħares.
22 Għalhekk, isimgħu leħni u imxu warajja, u intom tkunu poplu ħieles, u meta jiena niġi intom ma jkollkom l‑ebda liġijiet ħlief il‑liġijiet tiegħi, għax huwa jiena dak li nagħmel il‑liġi, u x’hemm xi jwaqqafni?
23 Iżda, araw jiena ngħidilkom, għallmu lil xulxin skont l‑uffiċċju li fih ħtartkom;
24 U araw li kull bniedem jonora lil ħuh bħalu nnifsu, u araw li taġixxu bil‑virtù u l‑qdusija quddiemi.
25 U għal darb’oħra ngħidilkom, araw li kull bniedem jonora lil ħuh bħalu nnifsu.
26 Għax min fostkom għandu tnax‑il iben, u hu ma jħares lejn wiċċ ħadd minnhom, u huma lilu jaqdu b’ubbidjenza, u huwa jgħid lil wieħed minnhom: Ilbes gala u poġġi bilqiegħda hawn; u lill‑ieħor: ilbes iċ‑ċraret u poġġi bilqiegħda hemm—u jħares lejn uliedu u jgħidilhom jiena ġust?
27 Araw, jiena qed nagħtikom din il‑parabbola, u dan hu sewwasew kif jien jien. Jien ngħidilkom, araw li tkunu ħaġa waħda; għax jekk m’intomx ħaġa waħda intom m’intomx tiegħi.
28 U għal darb’oħra, jien ngħidilkom li l‑għadu li hemm ġewwa d‑dar qed jipprova jneħħilkom ħajjitkom.
29 Intom tisimgħu fuq gwerer li hemm fl‑ibgħad artijiet, u tgħidu li dalwaqt se jkun hemm gwerer kbar fl‑ibgħad artijiet, iżda x’hemm f’qalb in‑nies ta’ artkom ma tafux.
30 Jien ngħidilkom dawn il‑ħwejjeġ minħabba talbkom; għalhekk, għożżu l‑għerf fil‑fond ta’ qalbkom, biex il‑ħażen tan‑nies ma jiżvelalkomx dawn il‑ħwejjeġ permezz ta’ ħżunithom, b’tali mod li huma jispiċċaw ikellmukom f’widnejkom b’leħen aktar qawwi minn dak li se jriegħed l‑art; iżda jekk intom tkunu preparati, m’għandkomx għalfejn tibżgħu.
31 U biex intom tkunu tistgħu tinħelsu mill‑qawwa tal‑għadu, u tinġabru flimkien għalija bħala poplu ġust, mingħajr tebgħa u mingħajr ħtija—
32 Għalhekk, għal dan il‑għan jiena tajtkom kmandament biex intom tmorru fl‑Ohio; u hemm jiena nagħtikom il‑liġi tiegħi; u hemm intom tiġu ddotati b’qawwa mill‑għoli;
33 U minn hemm, kull min irrid jien għandu jmur fost il‑ġnus kollha u jgħidilhom x’għandhom jagħmlu; għaliex jiena ħejjejt ħidma kbira, għax Iżrael jeħtieġ li jsalva, u lilhom jiena sejjer immexxi fejn irrid jien, u l‑ebda qawwa ma tkun tista’ żżommni.
34 U issa, jiena nagħti lill‑knisja li hawn f’dawn l‑inħawi kmandament, li fosthom għandhom jinħatru xi rġiel, u huma għandhom jinħatru permezz ta’ leħen il‑knisja;
35 U huma għandhom jieħdu ħsieb il‑foqra u ’l dawk fil‑bżonn, u għandhom jamministraw għas‑solliev tagħhom ħalli huma ma jkomplux ibatu; u mbagħad għandhom jibagħtuhom fil‑post li ordnajtilhom jien;
36 U din għandha tkun il‑ħidma tagħhom, li jieħdu ħsieb dak li għandu x’jaqsam mal‑propjetà ta’ din il‑knisja.
37 U dawk li għandhom xi rziezet li ma jistgħux jinbiegħu, għandhom iħalluhom warajhom jew jikruhom kif l‑aħjar għalihom.
38 Araw li kollox jiġi mħares; u meta n‑nies jiġu ddotati b’qawwa mill‑għoli u minn hemm huma jintbagħtu, dan kollu għandu jinġabar flimkien f’dirgħajn il‑knisja.
39 U jekk intom tfittxu l‑ġid li l‑Missier, skont ir‑rieda tiegħu, jagħtikom, intom tkunu l‑aktar nies għonja fost kulħadd, għax intom ikollkom il‑ġid li jibqa’ għal dejjem; u jeħtieġ li l‑ġid tal‑art ikun f’idejja biex inkun jiena li nagħtih; iżda oqogħdu attenti mill‑kburija, ma tmorrux tispiċċaw bħan‑Nefiti tal‑imgħoddi.
40 U għal darb’oħra, ngħidilkom, jiena nagħtikom kmandament, li kull bniedem, kemm il‑presbiteru, kemm il‑qassis, kemm l‑għalliem, kif ukoll il‑membru, għandu jmur bil‑qawwa tiegħu kollha, permezz tal‑ħidma ta’ jdejh, biex iħejji u jwettaq il‑ħwejjeġ li ordnajt jien.
41 U araw li l‑kliem li xxandru jkun il‑leħen ta’ twissija, kull bniedem iwissi lil għajru, u għamlu dan bil‑ħlewwa u l‑umiltà.
42 U itilqu minn qalb il‑ħżiena. Salvaw lilkom infuskom. Tnaddfu, intom li ġġorru tagħmir il‑Mulej. Hekk għandu jkun. Ammen.