Skrittura
Duttrina u Patti 110


Sezzjoni 110

Dehriet li kellhom Joseph Smith il‑Profeta u Oliver Cowdery fit‑tempju ta’ Kirtland, Ohio, nhar it‑3 ta’ April, 1836. Dan seħħ nhar Ħadd il‑Għid waqt laqgħa ta’ Jum il‑Mulej. L‑istorja ta’ Joseph Smith tgħid: “Kien wara nofsinhar, meta jiena mort ngħin lill‑Presidenti l‑oħra jqassmu l‑Ikla tal‑Mulej lill‑membri tal‑Knisja, wara li ġiet mogħtija lilna mit‑Tnax, li dakinhar kellhom il‑privileġġ li jħejju u jbierku s‑sagrament. Wara li wettaqt dan l‑att ta’ servizz għal ħuti, jiena erġajt mort ħdejn il‑pulptu, bil‑purtiera mniżżla, u nżilt għarkupptejja flimkien ma’ Oliver Cowdery u bdejna nitolbu f’qalbna talb mill‑aktar solenni. Wara li tlabna u qomna bilwieqfa, it‑tnejn li aħna esperjenzajna din id‑dehra li ġejja.”

1–10, Il‑Mulej Jaħweh jidher fil‑glorja u jaċċetta t‑Tempju ta’ Kirtland bħala daru; 11–12, Jidhru kemm Mosè kif ukoll Elijas u t‑tnejn li huma jgħaddulna l‑imfietaħ u d‑dispensazzjonijiet tagħhom; 13–16, Elija jerġa’ jiġi u jgħaddilna l‑imfietaħ tad‑dispensazzjoni tiegħu kif kien imwiegħed minn Malakija.

Il‑velu tneħħa minn quddiem moħħna, u għajnejn moħħna nfetħu.

Aħna rajna lill‑Mulej wieqaf quddiemna fuq il‑balavustrat tal‑pulptu; u taħt riġlejh kien hemm bħal paviment miksi b’deheb pur, li l‑kulur tiegħu kien qisu ambra.

Għajnejh kienu qishom ġamra nar; ix‑xagħar ta’ rasu kien abjad bħas‑silġ verġni; id‑dehra ta’ wiċċu kienet tiddi aktar mid‑dija tax‑xemx; u leħnu kien bħat‑tgargir ta’ ħafna ilmijiet, sewwasew il‑leħen ta’ Jaħweh, jgħid:

Jiena l‑ewwel u l‑aħħar; jiena hu dak li ngħix, jiena hu dak li ġie maqtul; jiena l‑avukat tagħkom mal‑Missier.

Araw, dnubietkom huma maħfura; intom indaf quddiemi; għalhekk, erfgħu raskom ’il fuq u thennew.

Ħa tithenna qalb ħutkom, u ħa tithenna l‑qalb tal‑poplu tiegħi kollu, li, bil‑qawwa kollha tagħhom, bnew din id‑dar għal ismi.

Għax araw, jiena aċċettajt din id‑dar, u ismi se jkun hawn; u jien se nuri lili nnifsi fil‑ħniena lill‑poplu tiegħi f’din id‑dar.

Iva, jiena se nuri lili nnifsi lill‑qaddejja tiegħi, u lilhom se nkellem permezz ta’ leħni, jekk il‑poplu tiegħi jħares il‑kmandamenti tiegħi, u ma jniġġisx din id‑dar qaddisa.

Iva, ħa tithenna bil‑kbir il‑qalb ta’ eluf u ta’ għexieren ta’ eluf minħabba l‑barkiet li jiena se nsawwab fuqhom, u d‑dota li biha ġew iddotati l‑qaddejja tiegħi f’din id‑dar.

10 U l‑fama ta’ din id‑dar se tinfirex ma’ artijiet barranin; u dan huwa l‑bidu tal‑barka li jiena se nsawwab fuq ras il‑poplu tiegħi. Hekk għandu jkun. Ammen.

11 Fi tmiem din id‑dehra, aħna erġajna rajna s‑smewwiet jinfetħu; u deher Mosè quddiemna, u għaddielna f’idejna l‑imfietaħ tal‑ġabra ta’ Iżrael mill‑erba’ naħat tad‑dinja, u t‑tmexxija tal‑għaxar tribujiet mill‑art tat‑tramuntana.

12 Imbagħad wara deherilna Elijas, u għadda f’idejna d‑dispensazzjoni tal‑evanġelju ta’ Abraham, u qalilna li permezz tagħna u n‑nisel tagħna se jkunu mberkin il‑ġenerazzjonijiet kollha ta’ warajna.

13 Fi tmiem din id‑dehra, feġġet quddiemna dehra oħra mill‑aktar kbira u glorjuża; fejn Elija l‑profeta, li kien ittieħed fis‑smewwiet mingħajr ma daq il‑mewt, deher quddiemna, u qal:

14 Araw, iż‑żmien mistenni wasal, li tkellem dwaru Malakija—li xehed li hu [Elija] għandu jintbagħat, qabel jasal jum il‑Mulej u jum il‑biża’—

15 Biex idawwar qlub il‑missirijiet lejn l‑ulied, u l‑ulied lejn il‑missirijiet, biex ma tintlaqatx l‑art kollha u tispiċċa tinqered—

16 Għalhekk, l‑imfietaħ ta’ din id‑dispensazzjoni ġew fdati f’idejkom; u permezz t’hekk tistgħu tagħrfu li jum il‑Mulej u jum il‑biża’ hu fil‑qrib, iva, jinsab sewwasew wara l‑għatba.