Skrittura
Duttrina u Patti 101


Sezzjoni 101

Rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith il-Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar is-16 u 17 ta’ Diċembru, 1833. F’dan iż-żmien il-Qaddisin li kienu nġabru ġewwa Missouri kienu qed jesperjenzaw persekuzzjoni kbira. Marmalja ta’ nies keċċiethom minn djarhom ġewwa l-Kontea ta’ Jackson; u xi wħud mill-Qaddisin ippruvaw jissetiljaw ġewwa l-Kontej ta’ Van Buren, Lafayette, u Ray, iżda baqgħu jiffaċċjaw il-persekuzzjoni kull fejn marru. F’dak iż-żmien l-akbar grupp ta’ Qaddisin kien jinsab ġewwa l-Kontea ta’ Clay, f’Missouri. Il-membri tal-Knisja rċevew bosta theddid li kienu se jinqatlu. Il-Qaddisin fil-Kontea ta’ Jackson spiċċaw tilfu bosta għamara tad-dar, ilbies, annimali, u ħwejjeġ personali oħra; u ħafna mill-prodotti tar-raba’ tagħhom sfaw meqruda.

1–8, Il-Qaddisin jiġu kkastigati u mgħakksin minħabba t-trasgressjoni tagħhom; 9–15, Il-qilla tal-Mulej se tolqot il-ġnus, iżda l-poplu tiegħu se jinġabar flimkien u se jikseb il-faraġ; 16–21, Se tiġi mwaqqfa Sijon flimkien mal-pali tagħha; 22–31, Elenkata n-natura tal-ħajja waqt il-Millennju; 32–42, Il-Qaddisin imbagħad se jiġu mberkin u jieħdu ħlashom; 43–62, Il-parabbola tar-raġel nobbli u s-siġar taż-żebbuġ tirrappreżenta l-gwaj u eventwalment il-fidwa ta’ Sijon; 63–75, Il-Qaddisin għandhom ikomplu jinġabru flimkien; 76–80, Il-Mulej ippromulga l-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti; 81–101, Il-Qaddisin għandhom jesieġu li jingħataw kumpens għall-ħsara li sofrew, skont il-parabbola tal-mara u l-imħallef il-ħażin.

Tassew ngħidilkom dan dwar ħutkom li ġew mgħakksin u ppersegwitati, u mkeċċijin mill-art ta’ wirthom—

Jien, il-Mulej, ippermettejt li huma jintlaqtu mit-tbatija li huma esperjenzaw, minħabba t-trasgressjoni tagħhom;

Madankollu lilhom se nqishom tiegħi, u huma se jkunu tiegħi fil-jum li fih niġi biex inħejji t-teżor tiegħi.

Għalhekk, jeħtieġ li huma jiġu kkastigati u ppruvati, l-istess bħal Abraham, li ġie ordnat sabiex joffri lill-iben il-waħdieni tiegħu.

Għax dawk kollha li ma jibqgħux sħaħ waqt li qegħdin ibatu, iżda jiċħduni, mhumiex se jitqaddsu.

Araw, jien ngħidilkom, fosthom kien hemm bosta tilwim, u nkwiet, u għira u ġlied, u bosta ġibdiet ħżiena u regħba; hu minħabba f’hekk li huma niġġsu sehemhom.

Huma kienu tqal biex jisimgħu leħen il-Mulej Alla tagħhom; għalhekk, il-Mulej Alla tagħhom hu tqil biex jisma’ talbhom, u jwieġeb talbhom fi żmien hemmhom.

Fi żmien is-sliem tagħhom huma jissottovalutaw il-parir li jiena tajthom; iżda, fi żmien hemmhom, huma jħossu l-ħtieġa li jfittxuni.

Tassew ngħidilkom, li jiena tassew inħoss għalihom minkejja dnubiethom. Jien lilhom mhux se nwarrabhom għal kollox; u f’jum il-korla nġib quddiem għajnejja l-ħniena.

10 Jiena ħlift, u ħriġt digriet f’kmandament li tajtkom qabel, li jiena sejjer nixħet ix-xabla tal-qilla tiegħi f’isem il-poplu tiegħi; u dan se jiġi fis-seħħ kif għidt qabel.

11 Il-qilla tiegħi dalwaqt se tissawwab bla qjies fuq il-ġnus kollha; u jiena se nagħmel dan meta jimtela l-kus ta’ ħżunithom.

12 U f’dak il-jum, kull min ikun jinsab fuq it-torri tal-għassa, jew fi kliem ieħor, Iżrael tiegħi kollu, se jikseb is-salvazzjoni.

13 U l-imxerrdin kollha se jinġabru flimkien.

14 U l-imnikktin kollha se jkunu mfarrġa.

15 U kull min ta ħajtu għal ismi se titqiegħed fuq rasu kuruna.

16 Għalhekk, agħmlu l-qalb fejn tidħol Sijon; għax kull bniedem jinsab f’idejja; isktu, u kunu afu li jien Alla.

17 Sijon mhijiex se titqanqal minn postha, minkejja li wliedha jinsabu mxerrdin.

18 Dawk li jkun għad baqa’, u huma safja f’qalbhom, se jerġgħu lura, u huma u wliedhom se jiksbu sehemhom u se jgħannu l-għanjiet tal-hena ta’ dejjem, biex jibnu l-ħrieb kollha ta’ Sijon—

19 U dan se jseħħ biex jiġi fis-seħħ dak kollu li kitbu l-profeti.

20 U araw, ma ngħata l-ebda post ieħor għajr dak li jiena tajtkom; u m’għandux jingħata post ieħor għajr dak li jiena tajtkom, għall-ħidma tal-ġabra tal-qaddisin tiegħi—

21 Sa meta jasal il-jum meta ma jkunx hemm aktar wisa’ għalihom; mbagħad għandi postijiet oħra x’nagħtihom, liema postijiet għandhom jissejħu pali, għall-purtieri jew għall-qawwa ta’ Sijon.

22 Araw, hija r-rieda tiegħi li dawk kollha li jsejħu ismi, u li lili jqimu skont l-evanġelju ta’ dejjem tiegħi, għandhom jinġabru flimkien, u jieqfu f’postijiet qaddisa;

23 U għandhom jitħejjew għar-rivelazzjoni li sejrin jingħataw, meta l-purtiera tal-velu tat-tempju tiegħi, fit-tabernaklu tiegħi, li tiksi l-art, titneħħa, u l-bnedmin kollha flimkien lili jaraw.

24 U kull ħaġa mniġġsa, sew jekk hijiex tal-bniedem, jew tal-bhejjem tal-art, jew tal-għasafar tas-sema, jew tal-ħut tal-baħar, li tgħammar fuq wiċċ l-art kollha, sejra tinqered;

25 U kull ħaġa li hi element sejra tinqered bin-nar; u kollox isir ġdid, biex l-għarfien u l-glorja tiegħi jkunu jistgħu jgħammru fuq l-art kollha.

26 U f’dak il-jum, l-animożità tal-bniedem, u l-animożità tal-bhejjem, iva, l-animożità ta’ kulħadd, se tgħib minn quddiemi.

27 U f’dak il-jum kulma jitlob il-bniedem jingħatalu.

28 U f’dak il-jum Satana ma jkollu setgħa li jġarrab lil ħadd.

29 U mhu se jkun hemm l-ebda niket għax mhu se jkun hemm l-ebda mewt.

30 F’dak il-jum l-ebda tarbija mhi se tmut qabel xjuħitha; u hi se tgħix daqs siġra;

31 U meta tmut ma torqodx ġo żaqq l-art, iżda tinbidel f’ħakka t’għajn, u tinħataf fis-sħab, u glorjuż ikun il-mistrieħ tagħha.

32 Iva, tassew ngħidilkom, f’dak il-jum li fih jiġi l-Mulej, huwa sejjer jiżvela kull ħaġa—

33 Ħwejjeġ li għaddew, u ħwejjeġ moħbija li ħadd ma kien konxju minnhom, ħwejjeġ tal-art, li minnhom hija saret, u l-għan u l-iskop tagħha—

34 Ħwejjeġ mill-aktar prezzjużi, ħwejjeġ li jinsabu fil-għoli, u ħwejjeġ li jinsabu taħt, ħwejjeġ li jinsabu fl-art, u fuq l-art, u fis-smewwiet.

35 U kull min jiġi ppersegwitat minħabba fija, u jibqa’ sħiħ fil-fidi, minkejja li jkollu jagħti ħajtu għalija, madankollu hu għad igawdi minn din il-glorja kollha.

36 Għalhekk, la tibżgħux lanqas mill-mewt; għax f’din id-dinja l-hena tagħkom mhijiex sħiħa, iżda fija l-hena tagħkom hi sħiħa.

37 Għalhekk, tħabblux raskom għall-ġisem, lanqas għall-ħajja tal-ġisem; iżda ħabblu raskom għar-ruħ, u għall-ħajja tar-ruħ.

38 U fittxu dejjem wiċċ il-Mulej, biex bis-sabar tkunu tistgħu ssalvaw ħajjitkom, u jkollkom il-ħajja ta’ dejjem.

39 Meta l-bnedmin jiġu msejħa għall-evanġelju ta’ dejjem tiegħi, u jagħmlu patt miegħi għal dejjem, jiena nqishom bħall-melħ tal-art li jagħti t-togħma lill-bnedmin;

40 Huma ġew msejħa biex jagħtu t-togħma lill-bnedmin; għalhekk, jekk dak il-melħ tal-art jitlef it-togħma, araw, hu ma jibqa’ tajjeb għal xejn ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies.

41 Araw, dan jikkonċerna lil ulied Sijon, lil ħafna minnhom, mhux kollha, u hawn qiegħed l-għerf; nstab li huma waqgħu fit-trasgressjoni, għalhekk jeħtieġ li jiġu kkastigati—

42 Min jitkabbar, jiċċekken, u min jiċċekken, jitkabbar.

43 U issa se ngħidilkom parabbola, ħalli tkunu tafu r-rieda tiegħi x’inhi fejn tidħol il-fidwa ta’ Sijon.

44 Wieħed nobbli kellu biċċa art mill-aqwa; u hu qal lill-qaddejja tiegħu: Morru fl-għalqa tiegħi, sewwasew f’din il-biċċa art mill-aqwa, u ħawlu tnax-il siġar taż-żebbuġ;

45 U qiegħdu l-għassiesa madwarhom, u ibnu torri, minn fejn wieħed ikun jista’ jara l-art tal-madwar, u b’hekk ikun jista’ jgħasses minn fuq it-torri, ħalli s-siġar taż-żebbuġ tiegħi ma jispiċċawx jinqerdu meta l-għadu jiġi biex jisraq u jieħu għandu l-frott tal-għalqa tiegħi.

46 Issa, il-qaddejja tar-raġel nobbli marru u għamlu kif ordnalhom sidhom, u ħawlu s-siġar taż-żebbuġ, u bnew l-ilqugħ madwarhom, u qiegħdu wkoll l-għassiesa madwarhom, u bdew jibnu torri.

47 U waqt li kienu għadhom qed iħejju l-pedament tiegħu, bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: U x’jambih sidi dan it-torri?

48 U għaddew ħin twil jikkonsultaw bejniethom u jgħidu wieħed lill-ieħor: X’jambih sidi dan it-torri, meta tqis li ninsabu fi żmien ta’ paċi?

49 Dawn il-flus ma setgħux ingħataw lis-sarrafa? Għax dawn il-ħwejjeġ m’hemmx bżonnhom.

50 U hekk kif ma bdewx jaqblu bejniethom huma bdew jitnikkru bil-kbir, u ma bdewx jagħtu widen għall-kmandamenti ta’ sidhom.

51 U billejl wasal l-għadu, u ġarraf l-ilqugħ; u qamu l-qaddejja tar-raġel nobbli, u mtlew bil-biża’, u ħarbu; u l-għadu qered ix-xogħol kollu li kienu għamlu u s-siġar taż-żebbuġ.

52 Issa, araw, ir-raġel nobbli, sid il-għalqa, sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u qalilhom, Il-għala! għalfejn dal-ħażen kollu?

53 Ma kellkomx tagħmlu dak li ordnajtilkom jien, u—wara li tħawlu l-għalqa, u tibnu l-ilqugħ mal-madwar, u tqiegħdu l-għassiesa fuq il-ħitan tagħhom—tibnu wkoll torri, u tqiegħdu fuqu għassies, u tibqgħu tħarsu l-għalqa tiegħi, bla ma tmorru torqdu, ma jmurx jaħbat għalikom l-għadu?

54 U araw, l-għassies fuq it-torri żgur li kien jilmaħ lill-għadu waqt li kien għadu ’l bogħod; u mbagħad intom stajtu tlestu ruħkom u żżommu l-għadu milli jeqred l-ilqugħ ta’ madwarha, u b’hekk kontu tipproteġu l-għalqa tiegħi minn idejn il-qerried.

55 U sid il-għalqa qal lil wieħed mill-qaddejja tiegħu: Mur u iġbor flimkien il-kumplament tal-qaddejja tiegħi, u ġib miegħek il-forza ta’ dari, li huma l-gwerriera tiegħi, iż-żgħażagħ tiegħi, kif ukoll lil dawk fost il-qaddejja tiegħi li huma ta’ mezza età, li huma l-forza ta’ dari, minbarra dawk li jien ordnajtilhom biex jibqgħu hemmhekk;

56 U morru minnufih lejn l-art fejn tinsab l-għalqa tiegħi, u ħudu lura l-għalqa tiegħi; għax dik hi l-għalqa tiegħi; jien xtrajtha bi flusi.

57 Għalhekk, itilqu minnufih lejn l-art tiegħi; eqirdu l-ħitan tal-għedewwa tiegħi; u ħottu t-torri tagħhom, u ferrxu l-għassiesa tagħhom.

58 U jekk huma jinġabru flimkien biex jiġġieldu kontrikom, araw li titħallsu mill-għedewwa tiegħi, biex f’qasir żmien inkun nista’ niġi flimkien mal-kumplament ta’ dari u nieħu l-art f’idejja.

59 U l-qaddej qal lil sidu: Dan meta se jseħħ?

60 U huwa qal lill-qaddej tiegħu: Meta jiena nħoss li huwa l-waqt; mur minnufih, u agħmel dak kollu li ordnajtlek jien;

61 U dan se jkun is-siġill u l-barka li jien se nsawwab fuqek—qaddej fidil u għaqli fil-qalba ta’ dari, mexxej f’saltnati.

62 U l-qaddej tiegħu telaq minnufih, u mar jagħmel dak kollu li ordnalu sidu; u wara bosta jiem kollox ġie fis-seħħ.

63 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, jien se nurikom l-għerf tiegħi fejn jidħlu l-knejjes kollha, diment li huma lesti li jiġu ggwidati b’mod sewwa u xieraq għas-salvazzjoni tagħhom—

64 Biex il-ħidma tal-ġabra tal-qaddisin tiegħi tkun tista’ tkompli, ħalli jiena nkun nista’ nwassalhom biex huma jistagħnew fil-postijiet qaddisa għall-ġieħ tiegħi; għax żmien il-ħsad wasal, u l-kelma tiegħi jeħtieġ li tiġi fis-seħħ.

65 Għalhekk, jeħtieġ li niġbor flimkien lill-poplu tiegħi, skont il-parabbola tal-qamħ u s-sikrana, biex il-qamħ ikun jista’ jiġi mħares fl-imħażen biex jikseb il-ħajja ta’ dejjem, u jiġi mogħni bil-glorja ċelestjali, meta jiena niġi fis-saltna ta’ Missieri biex inrodd lil kull bniedem skont għemilu;

66 Filwaqt li s-sikrana tispiċċa tintrabat qatta qatta, b’irbit mill-aktar b’saħħtu, biex tkun tista’ tinħaraq b’nar li ma jintefiex.

67 Għalhekk, jiena nordna lill-knejjes kollha biex ikomplu jinġabru flimkien fil-postijiet li jien għażilt.

68 Madankollu, kif għidtilkom f’kmandament li tajtkom qabel, araw li l-ġabra tagħkom ma ssirx b’għaġla, jew b’ħeffa; iżda araw li tħejju dak kollu li hu meħtieġ minn qabel.

69 U biex intom tkunu tistgħu tħejju dak kollu li hu meħtieġ minn qabel, araw li tħarsu l-kmandament li jiena tajtkom dwar dawn il-ħwejjeġ—

70 Li jgħid, jew li jgħallem, li intom għandkom tixtru l-artijiet kollha bil-flus, dawk li jistgħu jinxtraw bil-flus, li hemm fl-inħawi ta’ madwar l-art li jiena tajtkom biex tkun l-art ta’ Sijon, biex fiha jibdew jinġabru l-qaddisin tiegħi;

71 Sewwasew kull art li tista’ tinxtara fil-kontea ta’ Jackson, u fil-kontej tal-madwar, u l-kumplament ħalluh f’idejja.

72 Issa, tassew ngħidilkom, jeħtieġ li l-knejjes kollha jiġbru l-flus kollha tagħhom; araw li dan kollu jseħħ meta jkun il-waqt, iżda araw li ma jseħħx b’għaġġla; u araw li tħejju dak kollu meħtieġ minn qabel.

73 U jeħtieġ li taħtru rġiel nobbli, sewwasew irġiel għorrief, u ibgħatuhom biex jixtru dawn l-artijiet.

74 U meta l-knejjes li hemm fl-inħawi tal-lvant jistabbilixxu ruħhom, jekk jagħtu widen għal dan il-parir, huma jistgħu jixtru l-artijiet fejn ikunu jistgħu jinġabru flimkien; u b’dal-mod ikunu jistgħu jistabbilixxu ’l Sijon.

75 Bħalissa diġà hawn riżorsi biżżejjed, iva, anzi hawn bil-kotra, biex Sijon tiġi mifdija, u biex jinbnew il-ħrieb kollha tagħha u qatt aktar ma jiġu megħluba, jekk il-knejjes, li jġibu ismi, huma lesti li jisimgħu minni.

76 U għal darb’oħra ngħidilkom, li hija r-rieda tiegħi li dawk li ġew mxerrdin mill-għedewwa tagħhom għandhom ikomplu jesieġu li jingħataw kumpens minn dawk li ġew magħżula biex ikunu mexxejja tagħkom u li għandhom is-setgħa fuqkom—

77 Skont il-liġijiet u l-kostituzzjoni tal-poplu, li jiena rajt li tiġi mwaqqfa, u li għandha tiġi mħarsa għad-drittijiet u l-protezzjoni ta’ kulħadd, skont prinċipji ġusti u qaddisa;

78 Biex fejn tidħol id-duttrina u l-prinċipji li jaffettwaw il-ġejjieni, kull bniedem ikun jista’ jaġixxi skont il-volontà morali li ġiet mogħtija lilu, biex f’jum il-ħaqq kull bniedem ikun jista’ jwieġeb għal dnubietu.

79 Għalhekk, mhux sew li bniedem ikun ilsir ta’ bniedem ieħor.

80 U għal dan il-għan jiena waqqaft il-Kostituzzjoni ta’ din l-art, permezz ta’ nies għorrief li jien ħejjejt għal dan il-għan, u kien għalhekk li jiena ħadt lura din l-art permezz tat-tixrid tad-demm.

81 Issa, lil ulied Sijon, ma’ xiex inxebbahom? Inxebbahom mal-parabbola tal-mara u l-imħallef il-ħażin, għax il-bnedmin għandhom jitolbu dejjem bla ma jaqtgħu, li tgħid—

82 Kien hemm f’belt wieħed imħallef, li la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd.

83 F’dik il-belt kien hemm waħda armla, li marret għandu u qaltlu: Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi.

84 Hu ma riedx, u dam ħafna hekk, iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu qal: Mhux għax nibża’ minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies, imma għax din l-armla dejqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini.

85 B’dal-mod jiena nxebbah lil ulied Sijon.

86 Jeħtieġ li huma jmorru jittallbu f’riġlejn l-imħallef;

87 U jekk huwa ma jagħtix kashom, għandhom imorru jittallbu f’riġlejn il-gvernatur;

88 U jekk il-gvernatur ma jagħtix kashom, għandhom imorru jittallbu f’riġlejn il-president;

89 U jekk il-president ma jagħtix kashom, imbagħad iqum il-Mulej u joħroġ mill-moħba tiegħu, u fis-saħna tiegħu jgħakkes lill-ġens;

90 U meta f’mument ta’ għadab u qilla mill-aktar kbira jħoss li jkun il-waqt, huwa jqaċċat lill-amministraturi kollha ħżiena u bla fidi, u jagħtihom sehemhom fost dawk ta’ wiċċ b’ieħor u li ma jemmnux;

91 Sewwasew fil-post li hemm ’il barra fid-dlam, fejn hemm il-biki, u t-tinwiħ, u t-tgħażżiż tas-snien.

92 Itolbu, għalhekk, biex huma jiftħu widnejhom għat-talb tagħkom, sabiex jiena jkolli ħniena minnhom, biex huma ma jispiċċawx jintlaqtu minn dawn il-ħwejjeġ.

93 Dak kollu li jiena għidtilkom jeħtieġ li jiġi fis-seħħ, biex ħadd ma jkollu skuża;

94 Biex l-għorrief u l-mexxejja jkunu jistgħu jisimgħu, u jkunu konxji minn ħwejjeġ li qatt ma kkunsidraw qabel;

95 Biex jiena nkun nista’ nerġa’ nġib fis-seħħ l-opra tiegħi, l-opra misterjuża tiegħi, u nwettaq il-ħidma tiegħi, il-ħidma misterjuża tiegħi, biex il-bnedmin ikunu jistgħu jagħrfu bejn min hu tajjeb u min hu ħażin, jgħid Alla tagħkom.

96 U għal darb’oħra, jien ngħidilkom, hija ħaġa li tmur kontra l-kmandament tiegħi u r-rieda tiegħi li l-qaddej tiegħi Sidney Gilbert ibigħ il-maħżen tiegħi, li jiena tajt lill-poplu tiegħi, lill-għedewwa tiegħi.

97 La tħallux lill-għedewwa tiegħi jniġġsu dak li ġie mogħti minni, bil-kunsens ta’ dawk li jissejħu b’ismi;

98 Għax dan huwa dnub mill-aktar serju u gravi kontrija, u kontra l-poplu tiegħi, u li jwassal għal dawk il-ħwejjeġ li jiena ddikjarajt u li dalwaqt sejrin jolqtu lill-ġnus.

99 Għalhekk, hija r-rieda tiegħi li l-poplu tiegħi jkollu dritt u jkun intitolat għall-propjetà li jiena tajtu, minkejja li mhuwiex se jitħalla jgħammar fiha.

100 Madankollu, m’iniex ngħid li huma m’għandhomx jgħammru fiha; għax jekk huma jipproduċu frott u għemejjel xierqa għas-saltna tiegħi huma jkunu jistgħu jgħammru fiha.

101 Huma jibnu bini li ħadd aktar ma jgħammar fih; huma jħawlu d-dwieli, u jieklu frotthom. Hekk għandu jkun. Ammen.