Skrittura
Duttrina u Patti 5


Sezzjoni 5

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Harmony, Pennsylvania, f’Marzu 1829, fuq talba ta’ Martin Harris.

1–10, Din il‑ġenerazzjoni se tirċievi l‑kelma tal‑Mulej permezz ta’ Joseph Smith; 11–18, Tliet xhieda se jixhdu dwar il‑Ktieb ta’ Mormon; 19–20, Il‑kelma tal‑Mulej se tiġi fis‑seħħ kif ġara fi żminijiet preċedenti; 21–35, Martin Harris jista’ jindem u jkun wieħed mix‑xhieda.

1 Ara, jiena ngħidlek, li peress li l‑qaddej tiegħi Martin Harris xtaq jikseb xhieda mingħandi, li inti, il‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., għandek il‑pjanċi li tagħhom inti tajt xhieda u xhedt li inti rċevejt mingħandi;

2 U issa, ara, dan hu dak li għandek tgħidlu—dak li lilek kellem, qallek: Jiena, il‑Mulej, jien Alla, u jiena tajt dawn il‑ħwejjeġ lilek, il‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., u ordnajtlek biex inti tkun xhud ta’ dawn il‑ħwejjeġ;

3 U jiena rajt li inti tidħol f’patt miegħi, li m’inti se turihom lil ħadd ħlief lil dawk il‑persuni li ordnajtlek biex lilhom turihom; u inti m’għandek l‑ebda setgħa fuqhom jekk ma nagħtihielekx jiena.

4 U inti għandek don li tittraduċi l‑pjanċi; u dan huwa l‑ewwel don li jiena sawwabt fuqek; u jien ordnajtlek biex ma tippretendi l‑ebda don ieħor qabel jiġi fis‑seħħ l‑għan tiegħi permezz ta’ dan id‑don; għax jien m’iniex se nagħtik don ieħor qabel dan jiġi fis‑seħħ.

5 Tassew ngħidlek, li ħażin għalihom dawk li jgħammru fuq din l‑art jekk huma ma jagħtux widen għal kliemi;

6 Għax ’il quddiem inti se tiġi ordnat biex tmur u xxandar kliemi lil ulied il‑bnedmin.

7 Ara, jekk huma ma jemmnux kliemi, huma ma jemmnux lilek, O qaddej tiegħi Joseph, jekk ikun possibbli li inti turihom dawn il‑ħwejjeġ kollha li jiena fdajt f’idejk.

8 O, x’ġenerazzjoni din, nies bla fidi u ta’ ras iebsa—il‑korla tiegħi xegħlet għalihom.

9 Ara, tassew ngħidlek, jiena erfajt dawk il‑ħwejjeġ li fdajt f’idejk, O qaddej tiegħi Joseph, għal għan għaqli għalija, u dan sejjer jiġi żvelat lil ġenerazzjonijiet futuri;

10 Iżda din il‑ġenerazzjoni se jkollha l‑kelma tiegħi permezz tiegħek;

11 U minbarra x‑xhieda mogħtija minnek, se tingħata wkoll ix‑xhieda minn tlieta mill‑qaddejja tiegħi, li lilhom se nsejjaħ u nordna, u li lilhom jien se nuri dawn il‑ħwejjeġ, u huma se jmorru jxandru kliemi li se jingħata permezz tiegħek.

12 Iva, huma se jkunu jafu fiċ‑ċert li dawn il‑ħwejjeġ huma veru, għax jien se nħabbrilhom dan mis‑smewwiet.

13 Jiena se nagħtihom il‑qawwa li huma jkunu jistgħu jaraw u jiflu dawn il‑ħwejjeġ kif tassew huma;

14 U ’l ħadd aktar m’jien se nagħti din il‑qawwa, li jirċievi din l‑istess xhieda minn fost dil‑ġenerazzjoni, f’dan iż‑żmien bikri tat‑twaqqif u tal‑miġja tal‑knisja tiegħi, lil hinn mill‑oskurità—ċara daqs il‑qamar, sabiħa daqs ix‑xemx, tal‑biża’ bħal armata lesta għat‑taqbida.

15 U jiena nibgħat ix‑xhieda ta’ tliet xhieda ta’ kelmti.

16 U ara, dawk li jemmnu fi kliemi lilhom jiena nżur billi nurihom l‑Ispirtu tiegħi; u huma jitwieldu permezz tiegħi, sewwasew permezz tal‑ilma u l‑Ispirtu—

17 U intom għandkom tibqgħu tistennew ftit ieħor, għax għadkom ma ġejtux ordnati—

18 U x‑xhieda tagħhom għandha tmur ukoll biex tagħmel ħaqq minn din il‑ġenerazzjoni jekk huma jwebbsu qalbhom kontrihom;

19 Għax dawk li jgħammru fuq l‑art sejrin jintlaqtu minn pjaga qerrieda, li se tkompli tissawwab fuqhom minn żmien għall‑ieħor, jekk huma jibqgħu ma jindmux, sakemm l‑art titbattal, u dawk li jgħammru fiha jispiċċaw, u jinqerdu għal kollox permezz tad‑dija tal‑miġja tiegħi.

20 Ara, jiena qed ngħidlek dan kollu, l‑istess kif għidt lin‑nies dwar il‑qerda ta’ Ġerusalemm; u kelmti sejra tiġi fis‑seħħ f’dan iż‑żmien l‑istess kif ġiet fis‑seħħ sa issa.

21 U issa jien qed nordnalek, O qaddej tiegħi Joseph, sabiex tindem u timxi aktar bis‑sewwa quddiemi, u ara li ma tkomplix tħalli aktar lin‑nies jipperswaduk.

22 U ara li tkun sod fil‑ħarsien tal‑kmandamenti li jiena tajtek; u jekk inti tagħmel dan, ara jiena nagħtik il‑ħajja ta’ dejjem, anke jekk jispiċċaw ineħħulek ħajtek.

23 U issa, jiena se nkelmek għal darb’oħra, O qaddej tiegħi Joseph, dwar dak li jixtieq li jkollu xhieda—

24 Ara, jiena ngħidlu li huwa bniedem li jigglorifika lilu nnifsu u ma jumiljax ruħu biżżejjed quddiemi; iżda jekk huwa jinxteħet wiċċu fl‑art quddiemi, u bis‑sinċerità ta’ qalbu jumilja ruħu permezz tat‑talb qawwi u l‑fidi, mbagħad lilu jiena nuri dawk il‑ħwejjeġ li huwa jixtieq jara.

25 U mbagħad huwa jgħid lin‑nies ta’ din il‑ġenerazzjoni: Araw, jiena rajt il‑ħwejjeġ li l‑Mulej wera lil Joseph Smith, Jun., u jiena naf biċ‑ċert li huma vera, għax jiena rajthom, għax huma ġew murija lili bil‑qawwa ta’ Alla u mhux tal‑bniedem.

26 U jiena l‑Mulej ordnajt lill‑qaddej tiegħi Martin Harris li hu m’għandu jgħidilhom xejn aktar dwar dawn il‑ħwejjeġ, ħlief li: Jiena rajthom, u huma ġew murija lili bil‑qawwa ta’ Alla; u dan hu l‑kliem li huwa għandu jgħid.

27 Iżda jekk huwa jiċħad dan, hu jkun qed jikser il‑patt li huwa kien għamel miegħi qabel, u ara, huwa jiġi kkundannat.

28 U issa, jekk huwa ma jumiljax ruħu u jistqarr miegħi il‑ħwejjeġ ħżiena li huwa wettaq, u jagħmel patt miegħi li lest iħares il‑kmandamenti, u jeżerċita l‑fidi fija, ara, jiena ngħidlu, li huwa ma jkun jista’ jara xejn minn dan, għax jiena ma nurih l‑ebda ħaġa li jiena tkellimt dwarha.

29 U jekk ikun il‑każ, jiena nordnalek, O qaddej tiegħi Joseph, biex inti tgħidlu, li hu għandu jaqta’ qiesu u ma jkomplix iħabbatni aktar dwar dil‑ħaġa.

30 U jekk ikun il‑każ, ara Joseph, jiena ngħidlek li wara li inti tkun ttraduċejt ftit aktar paġni, inti għandek tieqaf għal xi żmien, sakemm nerġa’ nordnalek biex tkompli; mbagħad għandek tkompli tittraduċi.

31 U jekk ma tagħmilx dan, ara, inti ma tibqax tippossedi aktar id‑don, u jiena neħodlok dawk il‑ħwejjeġ li jiena fdajt f’idejk.

32 U issa, peress li minn issa nista’ nara lin‑nies moħbija, lesti biex jeqirduk, iva, minn issa nista’ nara li jekk il‑qaddej tiegħi Martin Harris ma jumiljax lilu nnifsu u jikseb xhieda mingħandi, huwa jispiċċa jaqa’ fit‑trasgressjoni;

33 U hemm ħafna li jinsabu moħbija lesti biex jeqirduk minn fuq wiċċ l‑art; u hu minħabba f’hekk, biex jitwal żmienek fuq din l‑art, li jiena tajtek dawn il‑kmandamenti.

34 Iva, hu minħabba f’hekk li jiena għidtlek: Ieqaf, u titħarrikx, u jiena nipprovdilek mezz kif inti tkun tista’ twettaq dak li jiena ordnajtlek.

35 U jekk inti tibqa’ fidili fil‑ħarsien tal‑kmandamenti tiegħi, inti tiġi mgħolli ’l fuq fl‑aħħar jum. Ammen.