Skrittura
Duttrina u Patti 82


Sezzjoni 82

Rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith il‑Profeta, f’Independence, fil‑Kontea ta’ Jackson, Missouri, nhar is‑26 ta’ April, 1832. Dan seħħ waqt kunsill tal‑qassisin il‑kbar u l‑presbiteri tal‑Knisja. Waqt il‑kunsill, Joseph Smith ġie sostnut bħala l‑President tas‑Saċerdozju l‑Kbir, liema uffiċċju kien diġa ġie ordnat fih qabel, waqt konferenza għall‑qassisin il‑kbar, għall‑presbiteri, u għall‑membri, li saret f’Amherst, Ohio, nhar il‑25 ta’ Jannar, 1832 (ara l‑intestatura għal sezzjoni 75). Din ir‑rivelazzjoni tenfasizza l‑istruzzjonijiet li ngħataw f’rivelazzjoni aktar qabel (sezzjoni 78) biex titwaqqaf azjenda—magħrufa bħala l‑Azjenda Unita (taħt id‑direzzjoni ta’ Joseph Smith, it‑terminu “ordni” aktar tard ħa post il‑kelma “azjenda”)—li tmexxi l‑ħidma kummerċjali tal‑Knisja u tal‑pubblikazzjoni tal‑materjal tagħha.

1–4, Min jingħata ħafna, hu mistenni minnu ħafna; 5–7, Id‑dlam isaltan fid‑dinja; 8–13, Il‑Mulej hu marbut meta nagħmlu dak li jgħidilna; 14–18, Sijon jeħtieġ li tikber fis‑sbuħija u l‑qdusija tagħha; 19–24, Kull bniedem għandu jfittex il‑ġid ta’ għajru.

1 Tassew, tassew, ngħidilkom, O qaddejja tiegħi, li kemm‑il darba intom taħfru lil xulxin ħtijietkom, l‑istess jien, il‑Mulej, naħfer lilkom.

2 Madankollu, hemm fostkom min dineb bil‑kbir; iva, ilkoll kemm intom dnibtu; iżda tassew ngħidilkom, araw li minn issa ’l quddiem toqogħdu attenti u titbiegħdu mid‑dnub, biex ma tintlaqtux minn kastigi ħorox.

3 Għax min jingħata ħafna, hu mistenni minnu ħafna; u min jidneb kontra l‑akbar dawl se jingħata l‑akbar kundanna.

4 Intom issejħu lili għar‑rivelazzjoni, li jiena nagħtikom; u jekk intom ma tħarsux l‑ordnijiet li jiena nagħtikom, intom tkunu tissejħu trasgressuri; u l‑ġustizzja u l‑ġudizzju huma l‑piena li hemm marbuta mal‑liġi tiegħi.

5 Għalhekk, dak li ngħid lil wieħed japplika għal kulħadd: Ishru, għax l‑għadu qed jifrex ħakmietu, u qed isaltan id‑dlam;

6 U l‑korla ta’ Alla xegħlet għal dawk li jgħammru fuq l‑art; ħadd ma jagħmel is‑sewwa, għax kulħadd tilef triqtu.

7 U issa, tassew ngħidilkom, jien, il‑Mulej, mhu se nakkużakom għall‑ebda dnub; morru u tidinbux aktar; iżda min jaqa’ fid‑dnub, huwa jraġġa’ lura għandu d‑dnubiet ta’ qabel, jgħid il‑Mulej Alla tagħkom.

8 U għal darb’oħra, ngħidilkom, jiena nagħtikom kmandament ġdid, biex intom tkunu tistgħu tifhmu r‑rieda tiegħi għalikom;

9 Jew, fi kliem ieħor, jiena nurikom kif għandkom iġġibu ruħkom quddiemi, biex dan ikun ta’ benefiċċju għas‑salvazzjoni tagħkom.

10 Jiena, il‑Mulej, marbut meta intom tagħmlu dak li jiena ngħid; iżda meta ma tagħmlux dak li ngħid, tistennew xejn lura.

11 Għalhekk, tassew ngħidilkom, li jeħtieġ li intom, il‑qaddejja tiegħi Edward Partridge u Newel K. Whitney, A. Sidney Gilbert u Sidney Rigdon, u l‑qaddej tiegħi Joseph Smith, u John Whitmer u Oliver Cowdery, u W. W. Phelps u Martin Harris tintrabtu flimkien permezz ta’ ftehim u patt li ma jistax jinkiser, għajr minħabba trasgressjoni, dwar dak kollu li intom responsabbli minnu, u jekk huwa jinkiser, isir ħaqq minnkom minnufih—

12 Biex intom tieħdu ħsieb dak kollu li jikkonċerna l‑foqra u kull ħaġa relatata mal‑veskovat, sew fl‑art ta’ Sijon u sew fl‑art ta’ Kirtland;

13 Għaliex jien, meta rajt li kien il‑waqt, ikkonsagrajt l‑art ta’ Kirtland għall‑ġid tal‑qaddisin ta’ Alla l‑Għoli, u għal pal f’Sijon.

14 Għax Sijon jeħtieġ li tikber fis‑sbuħija, u fil‑qdusija; il‑fruntieri tagħha jeħtieġ li jitwessgħu; il‑pali tagħha jeħtieġ li jissaħħu; iva, tassew ngħidilkom, li Sijon jeħtieġ li tqum u xxidd l‑ilbies sabiħ tagħha.

15 Għalhekk, jiena nagħtikom kmandament, li intom għandkom tintrabtu permezz ta’ dan il‑patt, u taraw li tagħmlu dan skont il‑liġijiet tal‑Mulej.

16 Araw, huwa fl‑għerf tiegħi wkoll li tagħmlu dan għall‑ġid tagħkom.

17 U jeħtieġ li intom tkunu ndaqs, jew fi kliem ieħor, li intom ikollkom sehem indaqs fejn jidħol ġidkom, sabiex tkunu tistgħu tmexxu b’mod tajjeb dak kollu li intom responsabbli minnu, kull bniedem skont dak li jrid u jeħtieġ, dejjem jekk dak li jrid huwa ġust—

18 U dan kollu għandu jsir għall‑ġid tal‑knisja ta’ Alla l‑ħaj, biex kull bniedem ikun jista’ jżid it‑talent tiegħu, biex kull bniedem ikun jista’ jikseb aktar talenti, iva, sewwasew mitt darba aktar, u mbagħad jgħaddihom fil‑maħżen tal‑Mulej, biex isiru propjetà tal‑knisja kollha—

19 Kull bniedem għandu jfittex il‑ġid ta’ għajru, u għandu jagħmel kollox b’ħarstu fissa fuq il‑glorja ta’ Alla.

20 Jiena rrid li din tkun ordni li tibqa’ għal dejjem, sew għalikom u sew għal ta’ warajkom, diment li intom ma taqgħux fid‑dnub.

21 U min jidneb kontra dan il‑patt, u jwebbes qalbu kontrih, isir minnu skont il‑liġijiet tal‑knisja tiegħi, u huwa jitħalla jiġi tturmentat minn Satana sa jum il‑fidwa.

22 U issa, tassew ngħidilkom, li jkun għaqli li intom tagħmlu l‑ħbieb permezz tal‑mammona li twassal għat‑tħassir tan‑nies, u huma ma jeqirdukomx.

23 Il‑ġudizzju ħalluh f’idi u f’idi biss, għax huwa jiena li nħallas. Is‑sliem lilkom ilkoll; u barkieti magħkom dejjem.

24 Għax tagħkom is‑saltna, issa u għal dejjem, jekk intom ma tieqfux tkunu fidili. Hekk għandu jkun. Ammen.