Skrittura
Duttrina u Patti 36


Sezzjoni 36

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta lil Edward Partridge, qrib Fayette, New York, f’Diċembru 1830 (ara l‑intestatura għal sezzjoni 35). L‑istorja ta’ Joseph Smith tiddikjara li Edward Partridge “kien xempju tad‑devozzjoni, u wieħed mill‑irġiel kbar tal‑Mulej.”

1–3, Il‑Mulej iqiegħed idu fuq Edward Partridge permezz ta’ id Sidney Rigdon; 4–8, Kull bniedem li jirċievi l‑evanġelju u s‑saċerdozju għandu jiġi msejjaħ biex imur u jxandar il‑kelma.

1 Dan jgħid il‑Mulej Alla, il‑Qawwi ta’ Iżrael: Ara, jiena ngħidlek, O qaddej tiegħi Edward, hieni inti, u dnubietek maħfura, u inti msejjaħ biex ixxandar l‑evanġelju tiegħi b’leħen ta’ tromba;

2 U jiena nqiegħed idi fuqek permezz ta’ id il‑qaddej tiegħi Sidney Rigdon, u inti tirċievi l‑Ispirtu tiegħi, l‑Ispirtu s‑Santu, sewwasew il‑Farrâġ, u huwa sejjer jgħallmek il‑ħwejjeġ tas‑saltna li jġibu s‑sliem;

3 U inti għandek tħabbar dan b’leħen għoli u tgħid: Hosanna, ħa jkun imbierek isem Alla l‑għoli.

4 U issa jiena se nagħtik din is‑sejħa u dan il‑kmandament li jappartjeni għall‑bnedmin kollha—

5 Li kull min jiġi quddiem il‑qaddejja tiegħi Sidney Rigdon u Joseph Smith, Jun., u jaċċetta din is‑sejħa u dan il‑kmandament, għandu jiġi ordnat u mibgħut biex ixandar l‑evanġelju ta’ dejjem fost il‑ġnus—

6 Xandru l‑indiema u għidu: Salvaw lilkom infuskom minn dan in‑nisel ħażin, u oħorġu ’l barra min‑nar, u stkerrhu anke l‑libsa mċappsa b’ġisimhom.

7 U dan il‑kmandament għandu jingħata lill‑presbiteri tal‑knisja tiegħi, biex kull bniedem li jaċċettah mill‑qalb sempliċi tiegħu ikun jista’ jiġi ordnat u mibgħut, kif għidt jiena.

8 Jiena Ġesù Kristu, Bin Alla; għalhekk, ħażżmu ġenbejkom u jiena niġi minnufih fit‑tempju tiegħi. Hekk għandu jkun. Ammen.