Sezzjoni 35
Rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith il‑Profeta u Sidney Rigdon, ġo Fayette, New York, jew x’imkien fil‑qrib, nhar is‑7 ta’ Diċembru, 1830. F’dan iż‑żmien, il‑Profeta kien qed iqatta’ ħinu, tista’ tgħid kuljum, jittraduċi l‑Bibbja. Il‑ħidma tat‑traduzzjoni kienet ilha li bdiet sa minn Ġunju 1830, u kemm Oliver Cowdery kif ukoll John Whitmer servew bħala skribi. Peress li issa huma ġew imsejħa biex iwettqu dmirijiet oħra, Sidney Rigdon ġie msejjaħ permezz ta’ sejħa divina biex iservi bħala l‑iskriba tal‑Profeta f’din il‑ħidma (ara vers 20). Bħala daħla għar‑rakkont ta’ din ir‑rivelazzjoni, l‑istorja ta’ Joseph Smith tiddikjara: “F’Diċembru Sidney Rigdon ġie [minn Ohio] biex jara xi jrid minnu l‑Mulej, u miegħu ġie wkoll Edward Partridge. … Dan huwa dak li qal il‑Mulej ftit wara l‑wasla ta’ dawn iż‑żewġt aħwa.”
1–2, Kif il‑bnedmin jistgħu jsiru wlied Alla; 3–7, Sidney Rigdon jiġi msejjaħ biex jgħammed u jagħti l‑Ispirtu s‑Santu; 8–12, Is‑sinjali u l‑mirakli jiġu fis‑seħħ permezz tal‑fidi; 13–16, Il‑qaddejja tal‑Mulej sejrin jidirsu lill‑ġnus; 17–19, Joseph Smith iħaddan l‑imfietaħ tal‑misteri; 20–21, Il‑magħżulin se jissaportu l‑jum tal‑miġja tal‑Mulej; 22–27, Iżrael sejjer isalva.
1 Isimgħu leħen il‑Mulej Alla tagħkom, sewwasew Alfa u Omega, il‑bidu u t‑tmiem, li r‑rotta tiegħu hi ċirku wieħed etern, l‑istess illum bħal fl‑imgħoddi, u għal dejjem.
2 Jiena Ġesù Kristu, Bin Alla, li ġejt imsallab għad‑dnubiet tad‑dinja, u dawk kollha li jemmnu f’ismi, huma jsiru wlied Alla, huma jsiru ħaġa waħda fija kif jiena ħaġa waħda fil‑Missier, kif il‑Missier huwa ħaġa waħda fija, biex aħna nkunu ħaġa waħda.
3 Ara, tassew, tassew, ngħidlek, O qaddej tiegħi Sidney, jiena ħarist kemm lilek kif ukoll l‑opri tiegħek. Jiena smajt talbek, u lilek ħejjejt għal ħidma akbar.
4 Hieni int, għax int se twettaq ħwejjeġ kbar. Ara, inti ntbgħatt, l‑istess bħal Ġwanni, biex tħejji t‑triq quddiemi, u quddiem Elija li għandu jiġi, u int dan ma kontx tafu.
5 Inti għammidt bl‑ilma għall‑indiema, iżda huma ma rċevewx l‑Ispirtu s‑Santu;
6 Iżda issa jiena se nagħtik kmandament, li inti għandek tgħammed bl‑ilma, u huma sejrin jirċievu l‑Ispirtu s‑Santu permezz tat‑tqegħid tal‑idejn, l‑istess bħall‑appostli ta’ żmien ilu.
7 U se jiġri li se tiġi fis‑seħħ ħidma kbira fuq l‑art, sewwasew fost il‑Ġentili, għax kulħadd se jsir jaf bil‑bluha u bl‑abominazzjonijiet tagħhom.
8 Għax jiena Alla, u driegħi ma qsarx; u jiena se nuri l‑mirakli, u s‑sinjali, u l‑għeġubijiet lil dawk kollha li jemmnu f’ismi.
9 U huma sejrin ikeċċu x‑xjaten jekk huma jitolbu b’fidi għal dan f’ismi; huma sejrin ifejqu lill‑morda; huma sejrin iwasslu biex l‑għomja jaraw, u t‑torox jisimgħu, u l‑imbikkmin jitkellmu, u z‑zopop jimxu.
10 U ma jdumx ma jasal iż‑żmien fejn ulied il‑bnedmin se jiġu żvelati lilhom ħwejjeġ kbar.
11 Iżda xejn mhu se jiġi żvelat mingħajr il‑fidi għajr il‑ħerba ta’ Babilonja, dik li wasslet biex il‑ġnus kollha jixorbu mill‑inbid ibaqbaq taż‑żína tagħha.
12 U ħadd ma hemm li jagħmel is‑sewwa għajr dawk li jinsabu lesti biex jirċievu l‑milja tal‑evanġelju tiegħi, li jiena rajt li jitwassal għand dan in‑nisel.
13 Għalhekk, jiena nsejjaħ lid‑dgħajfa tad‑dinja, dawk ta’ bla tagħlim u mistmerra, biex huma jidirsu lill‑ġnus permezz tal‑qawwa tal‑Ispirtu tiegħi;
14 U driegħhom sejjer ikun driegħi, u jiena nkun it‑tarka tagħhom u l‑lanza tagħhom; u lilhom sejjer inħażżem, u huma sejrin jiġġieldu b’unur għalija; u l‑għedewwa tagħhom se jispiċċaw taħt riġlejhom; u x‑xabla jiena se nixħet f’isimhom, u permezz tan‑nar tal‑qilla tiegħi lilhom jiena nħares.
15 U l‑evanġelju se jiġi mxandar lill‑foqra u l‑imsejknin, u huma sejrin iħarsu ’l quddiem għal żmien il‑miġja tiegħi, għax hu jinsab fil‑qrib—
16 U huma sejrin jitgħallmu l‑parabbola tas‑siġra tat‑tin, għax is‑sajf diġà jinsab fil‑qrib.
17 U jiena bgħatt il‑milja tal‑evanġelju tiegħi permezz tal‑qaddej tiegħi Joseph; u fi dgħufitu jiena beriktu;
18 U jiena tajtu l‑imfietaħ tal‑misteru ta’ dawk il‑ħwejjeġ li ġew issiġillati, sewwasew ħwejjeġ li ilhom sa mill‑ħolqien tad‑dinja, u l‑ħwejjeġ li sejrin iseħħu minn issa sa żmien il‑miġja tiegħi, diment li huwa jibqa’ fidil lejja, għax jekk le, jiena npoġġi lil xi ħadd ieħor minfloku.
19 Għalhekk, żomm għajnejk fuqu biex il‑fidi tiegħu ma tonqsux, u dan jiġi mogħti permezz tal‑Farrâġ, l‑Ispirtu s‑Santu, li jaf kollox.
20 U jiena se nagħtik kmandament—li inti għandek tagħmilha ta’ skriba tiegħu; u l‑iskrittura sejra tingħata, sewwasew kif tinsab fi ħdani, għas‑salvazzjoni tal‑magħżulin tiegħi;
21 Għax huma sejrin jisimgħu leħni, u sejrin jarawni, u mhux se jkunu qed jongħosu, u huma se jissaportu l‑jum tal‑miġja tiegħi; għax huma se jissaffew, l‑istess bħalma jiena safi jien.
22 U issa jiena ngħidlek, ibqa’ miegħu, u huwa jimxi miegħek; la tabbandunahx, u m’hemmx dubju li dawn il‑ħwejjeġ jiġu fis‑seħħ.
23 U meta ma tkunux qed tiktbu, araw, jiena se nara li huwa jħabbar; u inti għandek ixxandar l‑evanġelju tiegħi u ddur lejn il‑profeti qaddisa biex jikkonfermaw kliemu, kif se jiġi mogħti lilu.
24 Ħarsu l‑kmandamenti u l‑patti kollha li bihom intom marbuta; u jiena nwassal biex is‑smewwiet jitriegħdu minħabba fikom, u biex Satana jibda jirtogħod u Sijon tibda tithenna u tħaddar fuq l‑għoljiet;
25 U Iżrael sejjer isalva meta jiena nħoss li huwa l‑waqt; u huma se jitmexxew permezz tal‑imfietaħ li jiena tajt, u huma ma jitħawdux aktar.
26 Għollu qlubkom ’il fuq u thennew, għax il‑fidwa tagħkom tinsab fil‑qrib.
27 Tibżgħux, O merħla ċkejkna, is‑saltna tinsab f’idejkom sakemm jiena niġi. Araw, jiena dalwaqt ġej. Hekk għandu jkun. Ammen.