Skrittura
Duttrina u Patti 24


Sezzjoni 24

Rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith il‑Profeta u ’l Oliver Cowdery, f’Harmony, Pennsylvania, f’Lulju 1830. Minkejja li għaddew anqas minn erba’ xhur minn meta ġiet organizzata l‑Knisja, il‑persekuzzjoni saret waħda intensa, u l‑mexxejja kellhom minn ħin għall‑ieħor iżommu ’l bogħod min‑nies għas‑sigurtà tagħhom. Il‑tliet rivelazzjonijiet li ġejjin ingħataw f’dan iż‑żmien biex iqawwuhom, iħeġġuhom, u jgħallmuhom.

1–9, Joseph Smith ġie msejjaħ biex jittraduċi, ixandar, u jfisser l‑iskrittura; 10–12, Oliver Cowdery ġie msejjaħ biex ixandar l‑evanġelju; 13–19, Żvelata l‑liġi li tikkonċerna l‑mirakli, is‑saħta, u li wieħed ifarrfar riġlejh mit‑trab, u jmur għal għonq it‑triq bla but u bla ħorġa.

1 Ara, inti ġejt imsejjaħ u magħżul biex tikteb il‑Ktieb ta’ Mormon, u għall‑ministeru tiegħi; u jiena ħlistek mill‑hemm tiegħek, u lilek jien mexxejt, hekk li inti ġejt meħlus minn idejn l‑għedewwa kollha tiegħek, u ġejt meħlus mill‑qawwiet ta’ Satana u mid‑dalma!

2 Madankollu, jien mhux se nagħlaq għajnejja għat‑trasgressjoni tiegħek; madankollu, mur u tidnibx iktar.

3 Agħmel ġieħ lill‑uffiċċju tiegħek; u wara li inti tkun żrajt l‑għelieqi tiegħek u ħadt ħsiebhom, inti għandek titlaq minnufih lejn il‑knisja li tinsab ġewwa Colesville, Fayette, u Manchester, u huma jipprovdulek; u lilhom jiena nbierek kemm b’mod spiritwali kif ukoll temporali;

4 Iżda jekk huma ma jilqgħukx, minflok barka jien nibgħat fuqhom saħta.

5 U inti għandek tkompli ssejjaħ lil Alla f’ismi, u tikteb il‑ħwejjeġ li se jingħataw lilek permezz tal‑Farrâġ, u għandek tkompli tfisser l‑iskrittura kollha lill‑knisja.

6 U f’dak il‑mument jingħata lilek x’għandek tgħid u tikteb, u jeħtieġ li huma għandhom jisimgħu dak li għandek tgħid, jew inkella minflok barka nibgħat fuqhom saħta.

7 Għax inti għandek tiddedika s‑servizz kollu tiegħek għall‑kawża ta’ Sijon; u inti tingħata l‑qawwa biex tagħmel dan.

8 Stabar fit‑taħbit tiegħek, li se jkun ħafna; iżda ara li tibqa’ sod, għax ara, jiena ninsab miegħek, sewwasew sal‑aħħar ta’ ħajtek.

9 U inti mhu se jkollok l‑ebda qawwa fejn tidħol il‑ħidma temporali, għax din mhijiex is‑sejħa tiegħek. Ħu ħsieb is‑sejħa tiegħek u inti tingħata dak li teħtieġ biex tkun tista’ tagħmel ġieħ lill‑uffiċċju tiegħek, u biex tfisser l‑iskrittura kollha, u tkompli għaddej bit‑tqegħid tal‑idejn u tikkonferma l‑knejjes.

10 U ħuk Oliver għandu jkompli jitkellem dwari quddiem id‑dinja u quddiem il‑knisja. U ara ma jaħsibx li huwa qatt jista’ jitkellem biżżejjed dwar il‑kawża tiegħi; u ara, jiena ninsab miegħu sal‑aħħar.

11 U huwa għandu jagħti glorja lili u mhux lilu nnifsu, sew fid‑dgħufija u sew fis‑saħħa, sew fil‑jasar u sew fil‑ħelsien;

12 U f’kull ħin, u f’kull post, huwa għandu jiftaħ fommu u jxandar l‑evanġelju tiegħi bħallikieku b’leħen ta’ tromba, kemm binhar u kemm billejl. U lilu nagħtih qawwa li qatt ma dehret bħalha qabel fost il‑bnedmin.

13 U titolbux għall‑mirakli, għajr għal meta nordnalkom jien, għajr biex intom tkeċċu x‑xjaten, tfejqu ’l morda, u għal kontra s‑sriep velenużi, u kontra l‑velenu li jġib il‑mewt;

14 U m’għandkomx tagħmlu dan, għajr jekk tintalbu tagħmlu dan minn min jitlobkom, biex l‑iskrittura tkun tista’ tiġi fis‑seħħ; għax intom għandkom tagħmlu skont dak li hemm miktub.

15 U f’kull post li intom tidħlu, u ma jilqgħukomx f’ismi, minflok barka għandkom titfgħu fuqhom saħta, billi tfarrfru t‑trab ta’ riġlejkom lejhom bħala xhieda, u tnaddfu riġlejkom tul it‑triq.

16 U għad jiġri li dawk kollha li jerfgħu idejhom fuqkom biex jagħmlulkom id‑deni, għandkom tordnaw li huma jintlaqtu ħażin f’ismi; u, araw, jiena lilhom nidrob skont kliemkom, meta nħoss li jkun il‑waqt.

17 U kull min jeħodha bil‑liġi kontrikom jisfa misħut permezz tal‑liġi.

18 U m’għandkom tieħdu magħkom la but u lanqas ħorġa, la ħatar u lanqas mantar, għax fil‑mument ta’ ħtieġa l‑knisja sejra tagħtikom dak li tkunu teħtieġu, kemm ikel u kemm ilbies, kemm qorq u kemm flus, kif ukoll ħorġa.

19 Għax inti ġejt imsejjaħ biex tiżbor l‑għalqa tiegħi waħda sew, iva, sewwasew għall‑aħħar darba; iva, u l‑istess dawk kollha li inti ordnajt, u huma għandhom jagħmlu skont l‑ordni li żvelajt jien. Ammen.