Sezzjoni 11
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta lil ħuh Hyrum Smith, ġewwa Harmony, Pennsylvania, Mejju 1829. Din ir‑rivelazzjoni ġiet mogħtija permezz tal‑Urim u t‑Tummim bi tweġiba għat‑talba u l‑mistoqsija ta’ Joseph. L‑istorja ta’ Joseph Smith tissuġġerixxi li din ir‑rivelazzjoni ġiet mogħtija wara r‑restawrazzjoni tas‑Saċerdozju ta’ Aron.
1–6, Il‑ħaddiema fl‑għalqa sejrin jiksbu s‑salvazzjoni; 7–14, Fittex l‑għerf, xandar l‑indiema, afda fl‑Ispirtu; 15–22, Ħares il‑kmandamenti, u studja l‑kelma tal‑Mulej; 23–27, Tiċħadx l‑ispirtu tar‑rivelazzjoni u tal‑profezija; 28–30, Dawk li jirċievu lil Kristu jsiru wlied Alla.
1 Ħidma kbira u tal‑għaġeb se tiġi fis‑seħħ dalwaqt fost ulied il‑bnedmin.
2 Ara, jiena Alla; agħti widen għall‑kelma tiegħi, li hija ħajja u qawwija, u taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar, li tifred minn xulxin il‑ġogi u l‑mudullun; għalhekk agħti widen għall‑kelma tiegħi.
3 Ara, l‑għalqa bajda lesta għall‑ħsad; għalhekk, min għandu x‑xewqa li jaħsad, għandu jxejjer il‑minġel tiegħu bil‑qawwa tiegħu kollha, u jaħsad sakemm għadu l‑jum, ħalli huwa jkun jista’ jħejji għal ruħu s‑salvazzjoni ta’ dejjem fis‑saltna ta’ Alla.
4 Iva, kull min ixejjer bil‑minġel tiegħu u jaħsad, huwa jiġi msejjaħ minn Alla.
5 Għalhekk, jekk inti titlob lili inti taqla’; jekk inti tħabbat jiftħulek.
6 Issa, għax inti lili tlabt, ara, jiena ngħidlek, ħares il‑kmandamenti tiegħi, u mexxi ’l quddiem u stabbilixxi l‑kawża ta’ Sijon.
7 Tfittix il‑ġid materjali iżda fittex l‑għerf, u ara, il‑misteri ta’ Alla jiġu żvelati lilek, u mbagħad inti tistagħna. Ara, l‑għani huwa dak li għandu l‑ħajja ta’ dejjem.
8 Tassew, tassew, ngħidlek, dak kollu li inti tixtieq minni jingħatalek; u jekk hija x‑xewqa tiegħek, inti tista’ tkun il‑mezz li permezz tiegħu jitwettaq bosta ġid f’din il‑ġenerazzjoni.
9 Lil din il‑ġenerazzjoni tkellimhom dwar xejn għajr l‑indiema. Ħares il‑kmandamenti tiegħi, u għinni nwettaq il‑ħidma tiegħi, skont il‑kmandamenti tiegħi, u hieni inti tkun.
10 Ara, inti għandek don, jew inti jista’ jkollok don, jekk inti tixtieq dan minni, b’fidi, b’qalb onesta, waqt li temmen fil‑qawwa ta’ Ġesù Kristu, jew aħjar fil‑qawwa tiegħi, li qed inkellmek.
11 Għax ara, huwa jien li qed nitkellem; ara, jiena d‑dawl li jiddi fid‑dlam, u permezz tal‑qawwa tiegħi jiena qed ngħidlek dan il‑kliem.
12 U issa, tassew, tassew, ngħidlek, afda f’dak l‑Ispirtu li jmexxik biex tagħmel is‑sewwa—iva, biex tagħmel dak li hu ġust, biex tkun umli, biex tiġġudika b’mod ġust; u dan huwa l‑ispirtu tiegħi.
13 Tassew, tassew, ngħidlek, jiena nagħtik sehem mill‑Ispirtu tiegħi, li jdawwal moħħok, li jimla ruħek bil‑hena;
14 U mbagħad inti tkun taf, jew aħjar permezz ta’ dan inti tkun taf kull ħaġa li inti tixtieq minni, li tappartjeni għas‑sewwa, jekk b’fidi inti temmen li int se tingħata kull ħaġa permezz tiegħi.
15 Ara, qed nordnalek biex ma taħsibx li ġejt imsejjaħ biex ixxandar il‑kelma qabel ma inti l‑ewwel tiġi msejjaħ.
16 Stenna ftit ieħor, sakemm inti jkollok il‑kelma tiegħi, il‑blata tiegħi, il‑knisja tiegħi u l‑evanġelju tiegħi, ħalli inti tkun taf fiċ‑ċert id‑duttrina tiegħi.
17 U mbagħad, ara, kollox iseħħ skont xewqatek, iva, sewwasew skont il‑fidi tiegħek.
18 Ħares il‑kmandamenti tiegħi; iskot; ħalli l‑Ispirtu tiegħi jgħinek;
19 Iva, intrabat miegħu b’qalbek kollha, ħalli inti tkun tista’ tgħinu joħroġ għad‑dawl dawk il‑ħwejjeġ li huwa tkellem dwarhom—iva, it‑traduzzjoni tax‑xogħol tiegħi; uri s‑sabar sakemm tlestiha.
20 Ara, din hi l‑ħidma tiegħek, li tħares il‑kmandamenti tiegħi, iva, b’qalbek kollha u bis‑setgħa u l‑qawwa tiegħek kollha.
21 Tfittix li xxandar il‑kelma tiegħi, qabel ma l‑ewwel tikseb il‑kelma tiegħi, u mbagħad lsienek jinħall; mbagħad, jekk inhi x‑xewqa tiegħek, inti jkollok l‑Ispirtu tiegħi u l‑kelma tiegħi, iva, il‑qawwa ta’ Alla li tikkonvinċi lill‑bnedmin.
22 Iżda għalissa iskot; studja l‑kelma tiegħi li ġiet imxandra fost ulied il‑bnedmin, u studja wkoll il‑kelma tiegħi li se tiġi mxandra fost ulied il‑bnedmin, jew li bħalissa qed tiġi tradotta, iva, sakemm inti tikseb dak kollu li jiena lest li nagħti lil ulied il‑bnedmin f’din il‑ġenerazzjoni, u mbagħad dan kollu jiżdied magħhom ukoll.
23 Ara inti ibni Hyrum; fittex is‑saltna ta’ Alla, u kollox jiżdied malli għandek skont dak li hu xieraq li tirċievi.
24 Ibni fuq il‑blata tiegħi, li hija l‑evanġelju tiegħi;
25 Tiċħadx l‑ispirtu tar‑rivelazzjoni, u lanqas l‑ispirtu tal‑profezija, għax ħażin għalih dak li jiċħad dawn il‑ħwejjeġ;
26 Għalhekk, għożż kelmti ġewwa qalbek sa ma jiena nara li jkun wasal il‑waqt li inti tmur ixxandarha.
27 Ara, jiena nsejjaħ lil dawk kollha li għandhom fihom xewqat tajba, u li jmiddu l‑minġel tagħhom biex jaħsdu.
28 Ara, jiena Ġesù Kristu, Bin Alla. Jiena l‑ħajja u d‑dawl tad‑dinja.
29 Jiena dak li ġejt għand niesi u niesi ma laqgħunix;
30 Iżda tassew, tassew, ngħidilkom, li lil dawk li jilqgħuni jiena nagħtihom il‑qawwa li jsiru wlied Alla, sewwasew lil dawk li jemmnu f’ismi. Ammen.