Sezzjoni 19
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith, f’Manchester, New York, x’aktarx fis‑sajf tal‑1829. Fl‑istorja tiegħu, il‑Profeta jintroduċi din ir‑rivelazzjoni bħala “kmandament minn Alla u mhux mill‑bniedem, lil Martin Harris, li ngħata minn dak li hu Etern.”
1–3, Kristu għandu kull qawwa; 4–5, Il‑bnedmin kollha jew jindmu jew inkella jkollhom ibatu; 6–12, Il‑kastig ta’ dejjem huwa l‑kastig ta’ Alla; 13–20, Kristu bata għal kulħadd, biex huma ma jkollhomx għalfejn ibatu jekk huma jindmu; 21–28, Xandru l‑evanġelju tal‑indiema; 29–41, Wasslu l‑bxara t‑tajba.
1 Jiena Alfa u Omega, Kristu l‑Mulej; iva, jiena hu, il‑bidu u t‑tmiem, il‑Feddej tad‑dinja.
2 Jiena, li ġibt fis‑seħħ u wettaqt għalija r‑rieda ta’ dak li tiegħu jien, sewwasew il‑Missier—u li għamilt dan ħalli nkun nista’ nġib kollox taħti—
3 Jiena żammejt għandi s‑setgħa kollha, sewwasew biex inkun nista’ neqred lil Satana u l‑għemejjel tiegħu fl‑aħħar tad‑dinja, u fil‑jum kbir u aħħari ta’ jum il‑ħaqq, liema ħaqq se nara li jiffaċċjaw dawk kollha li jgħammru fiha, u jien se nagħmel ħaqq minn kull bniedem skont l‑għemejjel tiegħu u l‑opri li huwa wettaq.
4 U jeħtieġ li kull bniedem jew jindem jew ikollu jbati, għax jiena Alla, bla tmiem.
5 Għalhekk, jiena ma nreġġax lura l‑ħaqq li jiena se nagħmel, iżda dawk li jkunu jinsabu fuq ix‑xellug tiegħi, iva, huma għad ibatu, jibku, inewħu, u jgħażżu snienhom.
6 Madankollu, m’hemmx miktub li mhux se jkun hemm tmiem għal dan it‑turment, iżda hemm miktub turment bla tmiem.
7 Għal darb’oħra, hemm miktub kundanna għal dejjem; għalhekk dan il‑kliem hu aktar ċar minn kull skrittura oħra, ħalli jkun jista’ jaħdem f’qalb ulied il‑bnedmin u jagħti glorja lil ismi.
8 Għalhekk, jiena se nispjegalkom dan il‑misteru, għax huwa xieraq li tkunu tafu li dak li kienu jafu l‑appostli tiegħi.
9 Jiena qed inkellem lilkom il‑magħżulin rigward dil‑ħaġa, biex intom tkunu tistgħu tiksbu l‑mistrieħ tiegħi.
10 Għax araw, il‑misteru tad‑divinità huwa wieħed mill‑aktar kbir! Għax araw, jiena bla tmiem, u l‑kastig li jingħata minn taħt idejja huwa kastig bla tmiem, għax Bla Tmiem huwa ismi. Għalhekk—
11 Il‑kastig ta’ dejjem huwa l‑kastig ta’ Alla.
12 Il‑kastig bla tmiem huwa l‑kastig ta’ Alla.
13 Għalhekk, jiena nordnalek sabiex tindem, u tħares il‑kmandamenti li inti ngħatajt permezz tal‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., f’ismi;
14 U huwa permezz tal‑qawwa setgħana tiegħi li ġew mogħtija lilek.
15 Għalhekk nordnalek sabiex tindem—indem, biex jiena ma nsawtekx bix‑xettru ta’ fommi, u bil‑qilla tiegħi, u bl‑għadab tiegħi, u b’hekk it‑tbatija tiegħek tkun waħda kbira—kemm hi kbira għadek ma tafx, kemm hi skwiżita għadek ma tafx, iva, kemm hi diffiċli ġġorrha għadek ma tafx.
16 Għax ara, jiena, Alla, għaddejt minn din it‑tbatija kollha għal kulħadd, ħalli huma ma jkollhomx għalfejn ibatu jekk huma jindmu;
17 Iżda jekk jibqgħu ma jindmux huma jkollhom ibatu kif batejt jien;
18 Liema tbatija wasslitni biex jiena, l‑istess Alla, l‑akbar fost kulħadd, nitriegħed bl‑uġigħ, u nċarċar demmi mill‑pori kollha tiegħi, u ngħaddi minn tbatija sew fil‑ġisem u sew fl‑ispirtu—fejn jien xtaqt li t‑tazza l‑morra titbiegħed minni u ma nixrobhiex—
19 Madankollu, glorja lill‑Missier, u jiena xrobt, u ġibt fis‑seħħ l‑atti preparatorji tiegħi għal ulied il‑bnedmin.
20 Għalhekk, jiena nordnalek għal darb’oħra sabiex tindem, ħalli jiena ma nwasslekx biex tumilja ruħek permezz tal‑qawwa setgħana tiegħi; u nordnalek ukoll sabiex tistqarr dnubietek, ħalli inti ma tintlaqatx minn dawn il‑kastigi li jiena tkellimt dwarhom, li inti doqt ftit jew farka minnhom meta jiena begħidt l‑Ispirtu tiegħi minnek.
21 U jiena nordnalek biex ma xxandar xejn għajr l‑indiema, u biex ma turix dawn il‑ħwejjeġ lid‑dinja qabel ma jkun fl‑għerf tiegħi li tagħmel dan.
22 Għax għalissa l‑laħam ma jittollerawhx, għalhekk se jingħataw il‑ħalib; għalhekk, jeħtieġ li ma jkunux jafu dawn il‑ħwejjeġ, għax inkella jinqerdu.
23 Tgħallem minni, u isma’ kliemi; imxi fl‑umiltà tal‑Ispirtu tiegħi, u inti jkollok il‑paċi fija.
24 Jiena Ġesù Kristu; jiena ġejt permezz tar‑rieda tal‑Missier, u jien nagħmel ir‑rieda tiegħu.
25 U għal darb’oħra, nordnalek biex ma tixtieqx il‑mara ta’ għajrek; u tfittixx lanqas li tneħħi l‑ħajja ta’ għajrek.
26 U għal darb’oħra, nordnalek biex ma torbotx qalbek mal‑propjetà tiegħek, iżda offriha minn jeddek biex jiġi stampat il‑Ktieb ta’ Mormon, li fih il‑verità u l‑kelma ta’ Alla—
27 Li huwa sewwasew il‑kelma tiegħi għall‑Ġentili, u dalwaqt se jgħaddi wkoll fost il‑Lhud, li minnhom il‑Lamaniti huma fdal, ħalli huma jkunu jistgħu jemmnu l‑evanġelju, u ma joqogħdux jistennew il‑miġja ta’ Messija li diġà ġie.
28 U għal darb’oħra, qed nordnalek biex inti titlob kemm b’fommok kif ukoll f’qalbek, iva, kemm quddiem id‑dinja kif ukoll fil‑moħbi, fil‑pubbliku kif ukoll fil‑privat.
29 U inti għandek ixxandar il‑bxara t‑tajba, iva, xandarha minn fuq il‑muntanji, u minn fuq kull għolja, u xandarha fost kull ġens li se jkollok ċans li żżur.
30 U għandek tagħmel dan bl‑umiltà kollha, billi tafda fija u ma tkasbarx lil min ikasbrek.
31 U m’għandek titkellem dwar l‑ebda dogma, iżda għandek ixxandar l‑indiema u l‑fidi fis‑Salvatur, u l‑maħfra tad‑dnubiet permezz tal‑magħmudija, u permezz tan‑nar, jiġifieri l‑Ispirtu s‑Santu.
32 Ara, dan huwa kmandament kbir, l‑aħħar wieħed li sejjer nagħtik li hu relatat ma’ dil‑ħaġa; għax dan kollu li għidtlek hu biżżejjed għall‑mixja tiegħek ta’ kuljum, sewwasew sal‑aħħar ta’ ħajtek.
33 U l‑miżerja inti dduq jekk tagħlaq għajnejk għal dawn il‑pariri, iva, sewwasew permezz tal‑qerda tiegħek u tal‑propjetà tiegħek.
34 Ara li toffri sehem mill‑propjetà tiegħek, iva, sewwasew parti minn artijietek, iva, offri kollox għajr dak li teħtieġ għas‑sostenn ta’ familtek.
35 Ħallas id‑dejn li għamilt bil‑kuntratt li sar mal‑istampatur. Eħles lilek innifsek mill‑jasar.
36 Itlaq minn għarixek u minn darek, għajr għal meta tkun tixtieq tara lil familtek;
37 U tkellem bil‑liberta kollha ma’ kulħadd; iva, xandar il‑kelma, qawwi qlub in‑nies, xandar il‑verità, u agħmel dan b’leħen qawwi u hieni, u għajjat—Hosanna, hosanna, ikun imbierek isem il‑Mulej Alla!
38 Itlob dejjem, u jiena nsawwab l‑Ispirtu tiegħi fuqek, u kbira tkun il‑barka tiegħek—iva, akbar milli kieku inti tikseb it‑teżori tal‑art u t‑tħassir kollu tagħhom.
39 Ara, tista’ inti taqra dan mingħajr ma tifraħ u tgħolli qalbek ’il fuq bil‑hena?
40 Jew tista’ tibqa’ tagħmilha ta’ gwida waqt li inti agħma?
41 Jew tista’ tkun umli u ta’ qalb ħelwa, u timxi quddiemi b’għaqal? Iva, ejja għandi, is‑Salvatur tiegħek. Ammen.