Skrittura
Duttrina u Patti 74


Sezzjoni 74

Rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith il‑Profeta, fil‑kontea ta’ Wayne, New York, fl‑1830. Kienu ilhom iqumu mistoqsijiet dwar il‑mod xieraq kif għandha ssir il‑magħmudija sa minn qabel ma ġiet organizzata l‑Knisja, u dan wassal lill‑Profeta biex ifittex li jikseb tweġiba dwar dan is‑suġġett. L‑istorja ta’ Joseph Smith tiddikjara li din ir‑rivelazzjoni hija spjegazzjoni ta’ 1 Korintin 7:14, skrittura li spiss kienet tintuża biex tiġġustifika l‑magħmudija tat‑trabi.

1–5, Pawlu jagħti parir lill‑Knisja ta’ żmienu biex ma jħarsux il‑liġi ta’ Mosè; 6–7, It‑tfal ċkejknin huma qaddisa u mqaddsa permezz tal‑Espjazzjoni.

1 Għax ir‑raġel li ma jemminx jitqaddes permezz ta’ martu, u l‑mara li ma temminx titqaddes permezz ta’ żewġha; għax jekk ma jkunx hekk uliedkom ikunu mniġġsa, iżda huma issa qaddisin.

2 Issa, fi żmien l‑appostli, il‑liġi taċ‑ċirkonċiżjoni kienet tiġi mħarsa mil‑Lhud kollha li ma kenux jemmnu l‑evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

3 U ġara li qam tilwim kbir fost il‑poplu minħabba l‑liġi taċ‑ċirkonċiżjoni, għax ir‑raġel li ma jemminx kien juri x‑xewqa li wliedu jieħdu ċ‑ċirkonċiżjoni u jkunu ubbidjenti lejn il‑liġi ta’ Mosè, liema liġi kienet ġiet fis‑seħħ.

4 U ġara li l‑ulied, li trabbew li għandhom ikunu ubbidjenti lejn il‑liġi ta’ Mosè, imxew wara twemmin missirijiethom u ma emmnux l‑evanġelju ta’ Kristu, u b’hekk huma ma baqgħux qaddisa.

5 Għalhekk, kien minħabba f’hekk li l‑appostlu kiteb lill‑knisja, u tahom kmandament, li ma kienx ġej mill‑Mulej, iżda minnu nnifsu, biex min jemmen m’għandux jingħaqad ma’ min ma jemminx; sakemm huma ma jieqfux jobdu l‑liġi ta’ Mosè,

6 U b’hekk uliedhom jibqgħu ma jieħdu l‑ebda ċirkonċiżjoni; u mbagħad dan it‑twemmin jiġi fi tmiemu, li jgħid li t‑tfal ċkejknin mhumiex qaddisa; liema twemmin il‑Lhud kienu jħarsuh;

7 Iżda t‑tfal ċkejknin huma qaddisa, għax huma ġew mqaddsa permezz tal‑espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu; u din hija sewwasew it‑tifsira tal‑iskrittura.