Skrittura
Duttrina u Patti 25


Sezzjoni 25

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, ġewwa Harmony, Pennsylvania, Lulju 1830 (ara l‑intestatura għal sezzjoni 24). Din ir‑rivelazzjoni tiżvela r‑rieda tal‑Mulej għal Emma Smith, il‑mara tal‑Profeta.

1–6, Emma Smith, mara magħżula, hija msejħa biex tgħin u tfarraġ lil żewġha; 7–11, Hija msejħa wkoll biex tikteb, biex tfisser l‑iskrittura, u biex tagħżel l‑għanjiet; 12–14, L‑għanja tal‑ġusti hija talba lill‑Mulej; 15–16, Il‑prinċipji tal‑ubbidjenza f’din ir‑rivelazzjoni japplikaw għal kulħadd.

1 Isma’ leħen il‑Mulej Alla tiegħek, waqt li nkellem lilek, O binti Emma Smith; għax tassew ngħidlek li dawk kollha li jirċievu l‑evanġelju tiegħi huma wliedi, subien u bniet, fis‑saltna tiegħi.

2 Jiena nagħtik rivelazzjoni relatata mar‑rieda tiegħi; u jekk inti tibqa’ fidila u timxi fit‑triq tal‑virtù quddiemi, jiena nħarislek ħajtek, u inti jkollok wirt f’Sijon.

3 Ara, dnubietek maħfura, u inti mara magħżula, li lilek jiena sejjaħt.

4 Toqgħodx tgorr minħabba l‑ħwejjeġ li għadek ma rajtx, li għadhom ma ġewx żvelati lilek u lid‑dinja, u li fl‑għerf tiegħi se jiġu żvelati fi żmien futur.

5 U l‑uffiċċju tas‑sejħa tiegħek għandu jkun ta’ faraġ għal żewġek, il‑qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., fil‑hemm tiegħu, permezz ta’ kliem li jfarraġ, fi spirtu ta’ ħlewwa.

6 U meta jmur inti għandek tmur miegħu, u tkun l‑iskriba tiegħu, waqt li ma jkun hemm ħadd li qed jagħmilha ta’ skriba tiegħu, ħalli nkun nista’ nibgħat lill‑qaddej tiegħi, Oliver Cowdery, fejn irrid.

7 U inti għandek tiġi ordnata minn taħt idejh biex tfisser l‑iskrittura, u tħeġġeġ lill‑knisja, skont dak li jingħata lilek permezz tal‑Ispirtu tiegħi.

8 Għax huwa sejjer iqiegħed idejh fuqek, u inti għandek tirċievi l‑Ispirtu s‑Santu, u inti għandek tgħaddi ħinek tikteb u titgħallem kemm tista’.

9 U m’għandekx minn xiex tibża’, għax żewġek sejjer ikun ta’ sapport għalik fil‑knisja; għax huwa ġie msejjaħ biex jaqdihom, ħalli kollox ikun jista’ jiġi żvelat lilhom, sewwasew dak kollu li jiena rrid, skont il‑fidi tagħhom.

10 U tassew ngħidlek li inti għandek twarrab il‑ħwejjeġ ta’ din id‑dinja, u tfittex il‑ħwejjeġ ta’ dinja aħjar.

11 U se jingħata lilek ukoll li inti tiġbor flimkien ġabra ta’ għanjiet sagri, u dan se jingħata lilek biex isir użu minnhom fil‑knisja tiegħi, ħaġa li togħġob lili.

12 Għax fl‑għanja tal‑qalb ruħi ssib l‑għaxqa tagħha; iva, l‑għanja tal‑ġusti hija talba lili, u jiena nisma’ talbhom billi nsawwab barka fuqhom.

13 Għalhekk, qawwi qalbek u ifraħ, u ħares il‑patti li inti għamilt.

14 Ibqa’ fl‑ispirtu tal‑ħlewwa, u ħares ruħek mill‑kburija. Ħalli lil ruħek titgħaxxaq f’żewġek, u fil‑glorja li sejra tinżel fuqu.

15 Ħares il‑kmandamenti tiegħi l‑ħin kollu, u inti tikseb kuruna tal‑ġustizzja. U jekk ma tagħmilx dan, inti ma tistax tiġi fejn qiegħed jiena.

16 U tassew, tassew, ngħidlek, li dan hu dak li jiena rrid ngħid lill‑bnedmin kollha. Ammen.