Sezzjoni 10
Rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith il‑Profeta, f’Harmony, Pennsylvania, x’aktarx għall‑ħabta ta’ April 1829, għalkemm iż‑żmien li ngħataw xi partijiet minnha jaf imur lura sas‑sajf tal‑1828. Fiha l‑Mulej jinforma lil Joseph dwar xi alterazzjonijiet li kienu saru minn ċerti nies ħżiena fil‑paġni tal‑manuskritt b’116‑il paġna maħudin mit‑traduzzjoni tal‑ktieb ta’ Leħi, fil‑Ktieb ta’ Mormon. Dawn il‑paġni tal‑manuskritt spiċċaw intilfu waqt li kienu f’idejn Martin Harris, li għal xi żmien ġew fdati f’idejh. (Ara l‑intestatura għal sezzjoni 3.) Il‑pjan qarrieq kien li huma jibqgħu jistennew it‑traduzzjoni mill‑ġdid tal‑kitba li kien hemm fil‑paġni l‑misruqa u mbagħad jiskreditaw lit‑traduttur billi juru ċerti diskrepanzi li jkunu nħolqu minħabba l‑alterazzjonijiet. Fil‑Ktieb ta’ Mormon nistgħu naraw li dan l‑għan qarrieqi kien ġie mfassal mill‑malinn, u li l‑Mulej kien jaf bih sewwasew meta Mormon, l‑istoriku Nefita tal‑qedem, kien qed jikteb is‑sommarju tal‑pjanċi li kienu ilhom snin twal jakkumulaw ruħhom (ara Kliem ta’ Mormon 1:3–7).
1–26, Satana jipprovoka lil nies ħżiena biex jipponu l‑ħidma tal‑Mulej; 27–33, Huwa jipprova jeqred ruħ il‑bnedmin; 34–52, L‑evanġelju għandu jmur fost il‑Lamaniti u fost il‑ġnus kollha permezz tal‑Ktieb ta’ Mormon; 53–63, Il‑Mulej se jwaqqaf il‑Knisja tiegħu u l‑evanġelju tiegħu fost il‑bnedmin; 64–70, Huwa se jiġbor fil‑Knisja tiegħu lil dawk li jindmu u se jsalva lill‑ubbidjenti.
1 Issa, ara, jiena ngħidlek, li peress li inti għaddejt dawk il‑kitbiet li int kellek il‑qawwa mogħtija lilek biex tittraduċi permezz tal‑Urim u t‑Tummim, f’idejn bniedem ħażin, inti spiċċajt tlifthom.
2 U fl‑istess ħin inti tlift ukoll id‑don tiegħek, u moħħok spiċċa mdallam.
3 Madankollu, jiena erġajt irrestawrajt id‑don tiegħek; għalhekk ara li tibqa’ fidil u li tkompli għaddej sakemm tlesti l‑bqija tax‑xogħol tat‑traduzzjoni bl‑istess mod kif kont meta bdejt.
4 Tiġrix jew taħdimx aktar milli tiflaħ u aktar milli għandek mezzi pprovduti lilek biex jgħinuk tittraduċi; iżda ara li tkun diliġenti sal‑aħħar.
5 Itlob dejjem, biex inti dejjem toħroġ rebbieħ; iva, biex inti tkun tista’ tirbaħ lil Satana, u biex teħlisha minn idejn il‑qaddejja ta’ Satana li jsostnu l‑ħidma tiegħu.
6 Ara, huma ppruvaw jeqirduk; iva, anke l‑bniedem li inti fdajt fih ipprova jeqirdek.
7 U hu għalhekk li jiena għidt li hu bniedem ħażin, għax huwa pprova jeħodlok il‑ħwejjeġ li ġew fdati f’idejk; u hu pprova wkoll jeqred id‑don tiegħek.
8 U għax inti għaddejt il‑kitbiet f’idejh, ara, kien hemm ċerti nies ħżiena li spiċċaw ħaduhom mingħandek.
9 Għalhekk, inti spiċċajt għaddejt minn idejk għal idejn il‑ħażen sewwasew dak li hu sagru.
10 U ara, Satana daħlilhom f’moħħhom biex huma jibdlu l‑kliem li inti ktibt, jew aħjar li inti ttraduċejt, liema kliem ma baqax aktar f’idejk.
11 U ara, jiena ngħidlek, li għax huma bidlu l‑kliem, il‑kliem spiċċa differenti għal kollox minn dak li inti ttraduċejt u li inti ktibt;
12 U, b’dan il‑mod, ix‑xitan ipprova jfassal pjan qarrieqi, ħalli huwa jkun jista’ jeqred din il‑ħidma;
13 Għax huwa daħlilhom f’moħħhom biex huma jagħmlu dan, biex permezz tal‑gideb ikunu jistgħu jgħidu li qabduk bil‑kliem li inti kont qed tippretendi li ttraduċejt.
14 Tassew ngħidlek, li jien mhux se nħalli lil Satana jwettaq il‑pjan qarrieqi tiegħu fejn tidħol dil‑ħaġa.
15 Għax ara, huwa daħlilhom f’moħħhom biex huma jwassluk sabiex inti ġġarrab lill‑Mulej Alla tiegħek, u titolbu biex inti terġa’ tittraduċih għal darb’oħra.
16 U mbagħad, ara, huma jgħidu, u jaħsbu bejnhom u bejn ruħhom—Issa naraw jekk Alla verament tahx il‑qawwa li jittraduċi; jekk huwa l‑każ, hu jerġa’ jagħtih il‑qawwa;
17 U jekk Alla jerġa’ jagħtih il‑qawwa, jew jekk huwa jerġa’ jittraduċih, jew, fi kliem ieħor, jekk huwa jerġa’ jikteb l‑istess kliem, ara, aħna għanda f’idejna l‑istess kliem, liema kliem aħna bdilna;
18 Għalhekk, il‑kliem mhux se jkun jaqbel, u aħna nkunu nistgħu ngħidu li huwa gideb fi kliemu, u li m’għandu l‑ebda don, u li m’għandu l‑ebda qawwa;
19 Għalhekk aħna nkunu nistgħu neqirdu lilu kif ukoll il‑ħidma; u aħna nagħmlu dan biex fl‑aħħar mill‑aħħar ma jkollniex minn xiex nistħu, u nkunu nistgħu niskbu l‑glorja tad‑dinja.
20 Tassew, tassew, ngħidlek, li Satana ħakem qalbhom waħda sew; huwa jinstigahom biex jagħmlu l‑ħażen kontra dak li hu tajjeb;
21 U qalbhom hija korrotta, u mimlija ħażen u abominazzjoni; u huma jħobbu d‑dlam minflok id‑dawl, għax l‑għemejjel tagħhom huma ħżiena; għalhekk huma ma jitolbux lili.
22 Satana jinstigahom biex ikun jista’ jwassal ruħhom għall‑qerda.
23 U b’dal‑mod huwa fassal pjan qarrieqi, għax huwa ħaseb li seta’ jeqred il‑ħidma ta’ Alla; iżda jiena se nżommhom responsabbli għal dan kollu; u dan se jsarraf għalihom f’għajb u se jkun il‑kundanna tagħhom f’jum il‑ħaqq.
24 Iva, huwa jipprovokahom biex jimtlew bil‑għadab kontra dil‑ħidma.
25 Iva, huwa jgħidilhom: Qarrqu b’ħaddieħor u oqgħodu għassa għalihom biex taħtfuhom ħalli teqirduhom; araw, b’daqshekk m’hemm xejn ħażin. U b’dal‑mod huwa jqarraq bihom bil‑ħlewwa, u jgħidilhom li mhuwiex dnub li jgħidu gidba u jitfgħu l‑gidba fuq ħaddieħor, biex ikunu jistgħu jeqirduh.
26 U b’dal‑mod huwa jqarraq bihom bil‑ħlewwa, u jkompli jmexxihom sakemm iwassalhom sa qiegħ l‑infern; u b’hekk iwassalhom biex jinqabdu fin‑nassa li jkunu ħejjew huma stess.
27 U b’hekk huwa jkompli jitlajja, u jdur fuq l‑art, jara kif jagħmel biex jeqred ruħ il‑bnedmin.
28 Tassew, tassew, ngħidlek, ħażin ikun għalih dak li jgħid il‑gideb biex iqarraq, għax jaħseb li ħaddieħor ukoll jgħid il‑gideb biex iqarraq, għax min hu bħalu mhuwiex se jeħlisha mill‑ġustizzja ta’ Alla.
29 Issa, ara, huma bidlu dan il‑kliem, għaliex Satana jgħidilhom: Huwa qarraq bikom—u b’dal‑mod huwa kellimhom b’kliem qarrieqi u ħelu biex huma jagħmlu l‑ħażen, biex lilek iwassluk ħalli ġġarrab lill‑Mulej Alla tiegħek.
30 Ara, jiena ngħidlek, biex ma terġax tittraduċi dak il‑kliem li ma baqax aktar f’idejk;
31 Għax ara, jiena mhux se nħallihom iwettqu l‑pjanijiet qarrieqa tagħhom billi jigdbu kontra dak il‑kliem. Għax ara, jekk inti terġa’ tikteb l‑istess kliem huma jgħidu li inti gdibt għax inti ppretendejt li kont int li ttraduċejt il‑kliem, u li inti kkontradixxejt lilek innifsek.
32 U ara, huma jmorru jxandru dil‑ħaġa, u Satana jwebbes qlub in‑nies u jinstigahom biex jimtlew bil‑korla kontrik, ħalli huma ma jemmnux kliemi.
33 B’hekk Satana jara li joħnoq ix‑xhieda tiegħek f’din il‑ġenerazzjoni, ħalli dan ix‑xogħol ma jkunx jista’ jinġieb għad‑dawl f’din il‑ġenerazzjoni.
34 U ara, hawn hu l‑għerf, u minkejja li jiena nurik l‑għerf, u nagħtik ċerti kmandamenti dwar dawk il‑ħwejjeġ, dwar x’għandek tagħmel, ara li ma turihx lid‑dinja qabel ma inti tkun lestejt ix‑xogħol tat‑traduzzjoni.
35 Tistagħġibx li jiena għidtlek: Hawn hu l‑għerf, ara li ma turihx lid‑dinja—għax jien għidtlek biex ma turihx lid‑dinja ħalli inti tkun tista’ tiġi mħares.
36 Ara, jiena mhux qed ngħid li inti m’għandekx turih lill‑ġusti;
37 Iżda peress li mhux dejjem tista’ tagħraf lill‑ġusti, jew li mhux dejjem tista’ tagħraf lill‑ħżiena mill‑ġusti, għalhekk jiena ngħidlek, tgħid xejn qabel ma jiena nara li għandi niżvela kollox lid‑dinja dwar din il‑ħaġa.
38 U issa, tassew ngħidlek li rakkont ta’ dawk il‑ħwejjeġ li inti ktibt, li ma baqgħux aktar f’idejk, jinsab imnaqqax fuq il‑pjanċi ta’ Nefi;
39 Iva, u ftakar li f’dik il‑kitba kien intqal li rakkont aktar dettaljat dwar dawn il‑ħwejjeġ kien ingħata fil‑pjanċi ta’ Nefi.
40 U issa, peress li r‑rakkont li jinsab imnaqqax fuq il‑pjanċi ta’ Nefi huwa kitba aktar fid‑dettall dwar il‑ħwejjeġ li, fl‑għerf tiegħi, sejjer niżvela lin‑nies f’dan ir‑rakkont—
41 Għalhekk, inti għandek tittraduċi l‑kitba li hemm mnaqqxa fuq il‑pjanċi ta’ Nefi, sewwasew sa meta inti tasal fis‑saltna tas‑sultan Benjamin, jew sa ma tasal fil‑kitba li inti ttraduċejt, liema kitba żammejt għandek;
42 U ara, inti għandek tippubblikaha bħala l‑istorja ta’ Nefi; u b’dal‑mod jiena nispiċċa nġib fix‑xejn lil dawk li bidlu kliemi.
43 Jiena mhux se nħallihom jeqirdu x‑xogħol tiegħi; iva, jiena nurihom li l‑għerf tiegħi huwa akbar mill‑qerq tax‑xitan.
44 Ara, huma għandhom f’idejhom parti biss minnu, jew aħjar sommarju tar‑rakkont ta’ Nefi.
45 Ara, hemm bosta ħwejjeġ imnaqqxin fuq il‑pjanċi ta’ Nefi li jistgħu jwasslu għal għarfien akbar tal‑evanġelju tiegħi; għalhekk, huwa fl‑għerf tiegħi li inti għandek tittraduċi din l‑ewwel parti tal‑inċiżjoni ta’ Nefi, u tinkludiha f’dan ix‑xogħol.
46 U ara, il‑kumplament ta’ dan ix‑xogħol jikkonsisti minn dawk il‑partijiet kollha tal‑evanġelju tiegħi li l‑profeti qaddisa tiegħi, iva, kif ukoll id‑dixxipli tiegħi, xtaqu, fit‑talb tagħhom, iwasslu lil dan il‑poplu.
47 U jiena għidtilhom li jiena kont se naqta’ xewqthom skont il‑fidi li huma wrew fit‑talb tagħhom.
48 Iva, u din kienet il‑fidi tagħhom—li l‑evanġelju tiegħi, li jiena tajthom biex ikunu jistgħu jxandruh f’ħajjithom, ikun jista’ jasal għand ħuthom il‑Lamaniti, kif ukoll għand dawk kollha li kienu saru Lamaniti minħabba d‑dissensjoni tagħhom.
49 Issa, dan mhux kollox—il‑fidi li wrew f’talbhom kienet li dan l‑evanġelju għandu jiġi żvelat ukoll lil ġnus oħra jekk ikun il‑każ li huma jieħdu f’idejhom din l‑art.
50 U b’hekk huma ħallew barka fuq din l‑art fit‑talb tagħhom, li dawk kollha, f’din l‑art, li jemmnu f’dan l‑evanġelju jkunu jistgħu jiksbu l‑ħajja ta’ dejjem;
51 Iva, biex din l‑art tkun art ħielsa għal dawk kollha li ġejjin minn kull ġens, tribù, ilsien jew poplu.
52 U issa, ara, skont il‑fidi li wrew f’talbhom jiena sejjer inwassal din il‑parti tal‑evanġelju tiegħi għall‑għarfien tal‑poplu tiegħi. Ara, jiena mhux se nwassalha biex neqred il‑parti li huma diġà ngħataw, iżda biex nsaħħaħha.
53 U għal dan il‑għan jiena għidt: Jekk din il‑ġenerazzjoni ma jwebbsux qalbhom, jiena nwaqqaf il‑knisja tiegħi fosthom.
54 Issa jiena mhux qed ngħid dan biex neqred il‑knisja tiegħi iżda qed ngħid dan biex nibni l‑knisja tiegħi;
55 Għalhekk, kull min jagħmel parti mill‑knisja tiegħi m’għandux minn xiex jibża’, għax huma għad jirtu s‑saltna tas‑smewwiet.
56 Iżda huma dawk li ma jibżgħux minni, u li ma jħarsux il‑kmandamenti tiegħi iżda minflok jibnu knejjes għalihom infushom biex jakkwistaw, iva, u dawk kollha li jagħmlu l‑ħażen u jibnu s‑saltna tax‑xitan—iva, tassew, tassew, ngħidlek, li huma sewwasew lil dawn li jiena nfixkel, u nwassalhom biex jitriegħdu u jitheżżu waħda sew.
57 Ara, jiena Ġesù Kristu, Bin Alla. Jiena ġejt għand niesi, u niesi ma laqgħunix.
58 Jiena d‑dawl li jiddi fid‑dlam, imma d‑dlam ma jegħlbux.
59 Jiena hu dak li għidt lid‑dixxipli tiegħi—Għandi wkoll nagħaġ oħra, li mhumiex minn dan il‑maqjel—u kienu bosta li ma fehmunix.
60 U jiena nuri lil dan il‑poplu li jiena għandi nagħaġ oħra, u li huma kienu fergħa mid‑dar ta’ Ġakobb;
61 U jiena noħroġ għad‑dawl l‑għemejjel tal‑għaġeb tagħhom, li huma wettqu f’ismi;
62 Iva, u jiena noħroġ għad‑dawl ukoll l‑evanġelju tiegħi li ġie mwassal lilhom, u, ara, huma mhux sejrin jiċħdux dak li inti rċevejt, iżda huma sejrin isostnuh u se joħorġu għad‑dawl il‑punti vera tad‑duttrina tiegħi, iva, sewwasew l‑unika duttrina li ġejja minni.
63 U dan jiena se nagħmlu biex inkun nista’ nistabbilixxi l‑evanġelju tiegħi, ħalli ma jkunx hawn daqstant tilwim; iva, Satana jinstiga qlub in‑nies biex huma jitlewmu dwar il‑punti tad‑duttrina tiegħi; u f’dawn il‑ħwejjeġ żbaljati jkunu, għax huma jgħawġu l‑iskrittura u ma jifhmuhiex.
64 Għalhekk, jiena niżvelalhom dan il‑misteru kbir;
65 Għax ara, jiena niġborhom flimkien bħalma l‑qroqqa tiġbor il‑flieles taħt ġwenħajha, jekk huma ma jwebbsux qalbhom;
66 Iva, jekk huma jiġu, huma jkunu jistgħu jixorbu b’xejn mill‑ilma tal‑ħajja.
67 Ara, din hija d‑duttrina tiegħi—li kull min jindem u jiġi għandi, huwa jkun jagħmel parti mill‑knisja tiegħi.
68 Kull min ixandar aktar jew anqas minn hekk, huwa ma jkunx ġej minni, iżda hu kontrija; għalhekk huwa mhux parti mill‑knisja tiegħi.
69 U issa, ara, kull min hu parti mill‑knisja tiegħi, u jibqa’ fidil fil‑knisja tiegħi sal‑aħħar, lilu jiena nibni fuq il‑blata tiegħi, u l‑bibien tal‑infern ma jegħlbuhx.
70 U issa, ftakar il‑kliem ta’ dak li huwa l‑ħajja u d‑dawl tad‑dinja, il‑Feddej tiegħek, il‑Mulej u Alla tiegħek. Ammen.