Sezzjoni 61
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, max‑xatt tax‑Xmara Missouri, fil‑Liwja ta’ McIlwaine, nhar it‑12 ta’ Awwissu, 1831. Mar‑ritorn tagħhom minn Kirtland, il‑Profeta u għaxar presbiteri rħewlha bil‑kenuri tul ix‑Xmara Missouri. Meta kienu ilhom tlett ijien jivvjaġġaw, huma bdew jesperjenzaw għadd ta’ perikli. Il‑Presbiteru William W. Phelps, waqt dehra li huwa kellu mal‑jum, ra lill‑qerried miexi fuq wiċċ l‑ilma b’qawwa kbira.
1–12, Il‑Mulej iddikjara x’qerda kbira kienet se sseħħ fuq l‑ilmijiet; 13–22, Ġwanni seħet l‑ilmijiet, u fuqhom jimxi l‑qerried; 23–29, Xi wħud għandhom il‑qawwa li jikkmandaw l‑ilmijiet; 30–35, Il‑presbiteri għandhom imorru jxandru l‑evanġelju tnejn tnejn; 36–39, Huma għandhom iħejju lilhom infushom għall‑miġja ta’ Bin il‑Bniedem.
1 Araw, u agħtu widen għal‑leħen ta’ dak li għandu kull qawwa, li hu minn dejjem għal dejjem, sewwasew l‑Alfa u l‑Omega, il‑bidu u t‑tmiem.
2 Araw, tassew dan jgħidilkom il‑Mulej, O presbiteri tal‑knisja tiegħi, li tinsabu miġburin f’dan il‑post, intom li dnubietkom ġew maħfura, għax jiena, il‑Mulej, naħfer id‑dnubiet, u jiena ħanin ma’ dawk li jistqarru dnubiethom b’qalb umli;
3 Iżda tassew ngħidilkom, li mhuwiex meħtieġ li dan il‑grupp kollu ta’ presbiteri tiegħi tibqgħu mexjin b’għaġla fuq dawn l‑ilmijiet waqt li dawk li jinsabu jgħammru fuq iż‑żewġ naħat qegħdin imutu mingħajr il‑fidi.
4 Madankollu, jien qed nippermetti dan biex intom tkunu tistgħu tagħtu xhieda; araw, fuq l‑ilmijiet jeżistu għadd ta’ perikli, speċjalment minn issa ’l quddiem;
5 Għax jiena, il‑Mulej iddikjarajt, fl‑għadab tiegħi, li qerda kbira se sseħħ fuq l‑ilmijiet; iva, speċjalment fuq dawn l‑ilmijiet.
6 Madankollu, kull bniedem jinsab f’idejja, u dak fostkom li jibqa’ fidil mhuwiex se jinqered permezz tal‑ilmijiet.
7 Għalhekk, hemm bżonn li l‑qaddej tiegħi Sidney Gilbert u l‑qaddej tiegħi William W. Phelps jagħtu bidu malajr għall‑ħidma u l‑missjoni tagħhom.
8 Madankollu, jiena ma ridtx li intom tinfirdu minn xulxin qabel ma intom tumiljaw ruħkom għad‑dnubiet kollha tagħkom, biex intom tkunu ħaġa waħda u ma tinqerdux fil‑ħażen;
9 Iżda issa, tassew ngħidilkom, hija r‑rieda tiegħi li intom tinfirdu minn xulxin. Għalhekk hemm bżonn li l‑qaddejja tiegħi Sidney Gilbert u William W. Phelps jieħdu lin‑nies li kellhom magħhom qabel, u jerħulha minnufih biex iwettqu l‑missjoni tagħhom, u permezz tal‑fidi huma sejrin jegħlbu kull ostaklu;
10 U diment li jibqgħu fidili huma se jiġi mħarsa, u jiena, il‑Mulej, se nkun magħhom.
11 U jeħtieġ li l‑kumplament jieħdu magħhom l‑ilbies meħtieġ.
12 Hemm bżonn li l‑qaddej tiegħi Sidney Gilbert jieħu miegħu dak kollu li ma jkunx meħtieġ, skont kif tiddeċiedu intom.
13 U issa, araw, għall‑ġid tagħkom jiena tajtkom kmandament li jikkonċerna dawn il‑ħwejjeġ; u jiena, il‑Mulej, se nirraġuna magħkom kif għamilt man‑nies tal‑qedem.
14 Araw, jien, il‑Mulej, fil‑bidu berikt l‑ilmijiet; iżda fl‑aħħar żminijiet, permezz ta’ fomm il‑qaddej tiegħi Ġwanni, jiena sħett l‑ilmijiet.
15 Għalhekk, għad jasal żmien meta l‑ebda bniedem mhu se jkun fil‑kenn fuq l‑ilmijiet.
16 U fi żmien li ġej se jingħad li ħadd mhu se jkun jista’ jmur fl‑art ta’ Sijon fuq l‑ilmijiet, ħlief dak ta’ qalbu safja.
17 U hekk kif jien, il‑Mulej, fil‑bidu sħett l‑art, hekk ukoll fl‑aħħar żminijiet jiena beriktha, fil‑ħin opportun, għall‑użu tal‑qaddisin tiegħi, biex huma jgawdu mill‑ġid tagħha.
18 U issa jiena nagħtikom kmandament li dak li se ngħid lil wieħed se ngħidu lil kulħadd, sabiex intom tmorru twiddbu lil ħutkom dwar dawn l‑ilmijiet, biex huma ma jivvjaġġawx fuqhom, ma tmurx tonqsilhom il‑fidi u jispiċċaw jinqabdu fix‑xbiek;
19 Jien, il‑Mulej iddikjarajt li l‑qerried jimxi fuq wiċċ l‑ilmijiet, u jiena ma nirrevokax dak li għidt.
20 Jien, il‑Mulej, ilbieraħ inkorlajt għalikom, iżda llum il‑korla tiegħi reġgħet lura.
21 Għalhekk, hemm bżonn li dawk li jien tkellimt dwarhom jitilqu minnufih—u għal darb’oħra ngħidilkom, araw li huma jitilqu minnufih.
22 U ma tagħmilx differenza għalija, wara li jwettqu l‑missjoni tagħhom, jekk huma jmorrux lura fuq l‑ilma jew fuq l‑art; jeħtieġ li dan isir kif jiddeċiedu huma skont kif jaħsbuha.
23 U issa, fejn jidħlu l‑qaddejja tiegħi, Sidney Rigdon, Joseph Smith, Jun., u Oliver Cowdery, jeħtieġ li huma ma jerġgħux lura fuq l‑ilmijiet, sakemm ma jgħaddux mill‑kanal, waqt li jkunu sejrin lejn djarhom; jew fi kliem ieħor, huma m’għandhomx jivvjaġġaw fuq l‑ilmijiet, sakemm ma jgħaddux mill‑kanal.
24 Araw, jien, il‑Mulej, fassalt mod kif għandhom jivvjaġġaw il‑qaddisin tiegħi; u araw, dan huwa l‑mod—li wara li huma jħallu l‑kanal huma għandhom jivvjaġġaw fuq l‑art, peress li huma ġew ordnati sabiex jerħulha lejn l‑art ta’ Sijon;
25 U huma għandhom jagħmlu bħal ulied Iżrael, u jwaqqfu t‑tined tagħhom matul it‑triq.
26 U, araw, intom għandkom twasslu dan il‑kmandament fost ħutkom kollha.
27 Madankollu, lil dak li lilu ġiet mogħtija l‑qawwa li jikkmanda l‑ilmijiet, lilu ġie mogħti permezz tal‑Ispirtu li jkun jaf il‑pjanijiet kollha tiegħu;
28 Għalhekk, hemm bżonn li huwa jagħmel kif jordnalu jagħmel l‑Ispirtu ta’ Alla l‑ħaj, sew fuq l‑art u sew fuq l‑ilmijiet, u hu f’idejja x’nagħmel minn issa ’l quddiem.
29 U lilkom qed nagħtikom ir‑rotta tal‑qaddisin, jew it‑triq li għandhom jgħaddu minnha l‑qaddisin tal‑Mulej.
30 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, li l‑qaddejja tiegħi, Sidney Rigdon, Joseph Smith, Jun., u Oliver Cowdery m’għandhomx jiftħu fommhom fil‑kongregazzjonijiet tal‑ħżiena qabel ma huma jaslu ġewwa Cincinnati;
31 U f’dak il‑post huma għandhom jgħollu leħinhom lejn Alla kontra dak il‑poplu, iva, lejn dak li l‑korla tiegħu xegħlet kontra l‑ħażen ta’ poplu li jinsab misjur waħda sew għall‑qerda.
32 U minn hemm jeħtieġ li huma jerħula lejn il‑kongregazzjonijiet ta’ ħuthom, għax bħalissa ħidmiethom hi meħtieġa ferm aktar fosthom milli hi meħtieġa fost il‑kongregazzjonijiet tal‑ħżiena.
33 U issa, dwar il‑kumplament, hemm bżonn li huma jmorru jxandru l‑kelma fost il‑kongregazzjonijiet tal‑ħżiena, jekk ġie mogħti lilhom li jagħmlu dan;
34 U jekk huma jagħmlu dan, ilbieshom ikun ħieles, u huma jinstabu bla tebgħa quddiemi.
35 U hemm bżonn li huma jivvjaġġaw flimkien, jew tnejn tnejn, kif ikun l‑aħjar għalihom, u araw biss li l‑qaddej tiegħi Reynolds Cahoon, u l‑qaddej tiegħi Samuel H. Smith, li fihom sibt l‑għaxqa tiegħi, ma jinfirdux minn xulxin sakemm huma jerġgħu lura lejn djarhom, u dan għandu jsir għal għan għaqli għalija.
36 U issa, tassew ngħidilkom, u dak li se ngħid lil wieħed se ngħidu lil kulħadd, agħmlu l‑qalb, O tfal ċkejknin; għax jien ninsab f’nofskom, u lilkom ma ħallejtkomx weħidkom;
37 U jekk intom tumiljaw irwieħkom quddiemi, il‑barkiet tas‑saltna jkunu tagħkom.
38 Ħażżmu ġenbejkom, stenbħu u kunu meqjusa, ħarsu ’l quddiem lejn il‑miġja ta’ Bin il‑Bniedem, għax huwa jiġi f’ħin li ma tkunux qed tistennew.
39 Itolbu dejjem li ma tidħlux fit‑tiġrib, biex intom tissaportu l‑jum tal‑miġja tiegħu, kemm fil‑ħajja kif ukoll fil‑mewt. Hekk għandu jkun. Ammen.