Sezzjoni 107
Rivelazzjoni dwar is‑saċerdozju, mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Kirtland, Ohio, lejn l‑aħħar tax‑xitwa jew fir‑rebbiegħa 1835. Minkejja li din is‑sezzjoni ġiet iddokumentata fl‑1835, id‑dokumenti storiċi juru li l‑parti l‑kbira mill‑versi 60 sa 100 jinkludu fihom rivelazzjoni li ngħatat permezz ta’ Joseph Smith nhar il‑11 ta’ Novembru, 1831. Din is‑sezzjoni kienet b’rabta mal‑organizzazzjoni tal‑Kworum tat‑Tnax‑il Appostlu fi Frar u Marzu 1835. Il‑Profeta x’aktarx ippreżentaha fil‑preżenza ta’ dawk li kienu qed iħejju biex jitilqu fuq l‑ewwel missjoni tagħhom bħala membri tal‑kworum, nhar l‑4 ta’ Mejju, 1835.
1–6, Hemm żewġ saċerdozji: ta’ Melkisedek u ta’ Aron 7–12, Dawk li jħaddnu s‑Saċerdozju ta’ Melkisedek għandhom il‑qawwa li jiffunzjonaw fl‑uffiċċji kollha fil‑Knisja; 13–17, Il‑membri tal‑veskovat jippresedu fuq is‑Saċerdozju ta’ Aron, liema saċerdozju jamministra f’ordinanzi esterni; 18–20, Is‑Saċerdozju ta’ Melkisedek iħaddan l‑imfietaħ tal‑barkiet kollha spiritwali; is‑Saċerdozju ta’ Aron iħaddan l‑imfietaħ tal‑qadi tal‑anġli; 21–38, L‑Ewwel Presidenza, it‑Tnax, u s‑Sebgħin jikkonstitwixxu l‑kworums li jippresedu, u d‑deċiżjonijiet tagħhom għandhom jittieħdu f’għaqda u b’ġustizzja; 39–52, Imwaqqfa l‑ordni patrijarkali minn Adam sa Mosè; 53–57, Qaddisin ta’ żmien il‑qedem inġabru flimkien ġewwa Adam‑ondi‑Ahman, u deherilhom il‑Mulej; 58–67, It‑Tnax għandhom jorganizzaw b’mod xieraq l‑uffiċjali tal‑Knisja; 68–76, l‑Isqfijiet iservu bħala mħallfin komuni f’Iżrael; 77–84, L‑Ewwel Presidenza u t‑Tnax jikkonstitwixxu l‑ogħla qorti fil‑Knisja; 85–100, Il‑presidenti tas‑saċerdozju jmexxu l‑kworums rispettivi tagħhom.
1 Fil‑knisja hemm żewġ saċerdozji, li huma dak ta’ Melkisedek, u dak ta’ Aron, li jinkludi fih is‑Saċerdozju ta’ Levi.
2 Ir‑raġuni għalfejn l‑ewwel wieħed jissejjaħ is‑Saċerdozju ta’ Melkisedek hi peress li Melkisedek kien qassis il‑kbir mill‑aktar importanti.
3 Qabel żmienu kien jissejjaħ is‑Saċerdozju Mqaddes, skont l‑Ordni tal‑Iben t’Alla.
4 Iżda b’rispett jew b’qima lejn l‑isem tal‑Esseru Suprem, biex jiġi evitat li ismu jissemma’ ta’ spiss, huma, il‑knisja, fi żmien il‑qedem, semmew dak is‑saċerdozju għal Melkisedek, jew aħjar is‑Saċerdozju ta’ Melkisedek.
5 L‑awtoritajiet jew l‑uffiċċji l‑oħra kollha fil‑knisja jikkumplimentaw lil dan is‑saċerdozju.
6 Iżda hemm żewġ kategoriji jew diviżjonijiet ewlenin—wieħed huwa s‑Saċerdozju ta’ Melkisedek, u l‑ieħor huwa s‑Saċerdozju ta’ Aron jew ta’ Levi.
7 L‑uffiċċju ta’ presbiteru jaqa’ taħt is‑saċerdozju ta’ Melkisedek.
8 Is‑Saċerdozju ta’ Melkisedek iħaddan id‑dritt tal‑presidenza, u għandu s‑setgħa u l‑awtorità fuq l‑uffiċċji kollha fil‑knisja, fiż‑żminijiet kollha tad‑dinja, biex jamministra fi ħwejjeġ spiritwali.
9 Il‑Presidenza tas‑Saċerdozju l‑Kbir, skont l‑ordni ta’ Melkisedek, għandha d‑dritt li tiffunzjona fl‑uffiċċji kollha fil‑knisja.
10 Il‑Qassisin il‑kbar skont l‑ordni tas‑Saċerdozju ta’ Melkisedek għandhom dritt li jiffunzjonaw fis‑sejħa tagħhom, taħt id‑direzzjoni tal‑presidenza, meta jiġu biex jamministraw fi ħwejjeġ spiritwali, kif ukoll fl‑uffiċċju ta’ presbiteru, ta’ qassis (tal‑ordni ta’ Levi), ta’ għalliem, ta’ djaknu, u bħala membri.
11 Presbiteru għandu dritt li jiffunzjona minfloku meta l‑qassis il‑kbir ma jkunx preżenti.
12 Il‑qassis il‑kbir u l‑presbiteru għandhom jamministraw fi ħwejjeġ spiritwali, skont il‑patti u l‑kmandamenti tal‑knisja; u huma għandhom dritt li jiffunzjonaw f’dawn l‑uffiċjali kollha tal‑knisja meta ma jkun hemm l‑ebda awtoritajiet ogħla preżenti.
13 It‑tieni saċerdozju jissejjaħ is‑Saċerdozju ta’ Aron, peress li kien ġie mogħti lil Aron u lil nislu, u lid‑dixxendenti kollha tagħhom.
14 Jissejjaħ is‑saċerdozju inqas għaliex jikkumplimenta lis‑saċerdozju akbar, jew aħjar lis‑Saċerdozju ta’ Melkisedek, u għandu l‑qawwa li jamministra f’ordinanzi esterni.
15 Il‑membri tal‑veskovat huma l‑presidenza ta’ dan is‑saċerdozju, u huma jħaddnu l‑imfietaħ jew l‑awtorità tiegħu.
16 L‑ebda bniedem m’għandu xi dritt legali għal dan l‑uffiċċju, li jħaddan l‑imfietaħ ta’ dan is‑saċerdozju, ħlief dak li hu ġej litteralment min‑nisel ta’ Aron.
17 Iżda, peress li qassis il‑kbir tas‑Saċerdozju ta’ Melkisedek għandu l‑awtorità li jiffunzjona fl‑uffiċċji kollha li huma inqas, huwa jista’ jiffunzjona fl‑uffiċċju ta’ isqof meta ma jinstab ħadd li ġej litteralment min‑nisel ta’ Aron, dejjem jekk hu jiġi msejjaħ, maħtur u ordnat għal din is‑setgħa, minn taħt idejn il‑Presidenza tas‑Saċerdozju ta’ Melkisedek.
18 Il‑qawwa u l‑awtorità tas‑saċerdozju ogħla, jew aħjar is‑Saċerdozju ta’ Melkisedek, hi li huwa jħaddan fih l‑imfietaħ tal‑barkiet spiritwali kollha tal‑knisja—
19 Li wieħed ikollu l‑privileġġ li jiġi mgħallem il‑misteri tas‑saltna tas‑smewwiet, li jiġu żvelati lilu ħwejjeġ mis‑smewwiet, li jikkomunika mal‑assemblea ġenerali u mal‑knisja tal‑Ewwel Wild, u li jgawdi s‑sħubija u l‑preżenza ta’ Alla l‑Missier, u ta’ Ġesù, il‑medjatur tal‑patt il‑ġdid.
20 Il‑qawwa u l‑awtorità tas‑saċerdozju inqas, jew aħjar is‑Saċerdozju ta’ Aron, hi li huwa jħaddan l‑imfietaħ tal‑qadi tal‑anġli, u li jamministraw f’ordinanzi esterni, jiġifieri l‑ittra tal‑evanġelju, sewwasew il‑magħmudija tal‑indiema għall‑maħfra tad‑dnubiet, skont il‑patti u l‑kmandamenti.
21 Jeħtieġ li jilħqu presidenti jew uffiċjali li jippresedu, jew inkella jinħatru minn fost dawk li ġew ordnati għal diversi uffiċċji f’dawn iż‑żewġ saċerdozji.
22 Tliet Qassisin il‑Kbar li Jippresedu mis‑Saċerdozju ta’ Melkisedek, li jintgħażlu mill‑membri tal‑kworum, u li jiġu maħtura u ordnati għal dak l‑uffiċċju, u li jiġu sostnuti permezz tal‑fiduċja u l‑fidi u t‑talb tal‑knisja, jiffurmaw kworum tal‑Presidenza tal‑Knisja.
23 It‑tnax‑il kunsillier vjaġġatur jiġu msejħa biex ikunu t‑Tnax‑il Appostlu, jew xhieda speċjali għal isem Kristu madwar id‑dinja kollha—u f’dan is‑sens huma differenti mill‑uffiċjali l‑oħra fil‑knisja fid‑dmirijiet tas‑sejħa tagħhom.
24 U huma jiffurmaw kworum, fejn kull wieħed minnhom għandu l‑istess awtorità u setgħa daqs it‑tliet presidenti li ssemmew qabel.
25 Is‑Sebgħin huma msejħa wkoll biex ixandru l‑evanġelju, u biex ikunu xhieda speċjali fost il‑Ġentili u madwar id‑dinja kollha—u f’dan is‑sens huma differenti mill‑uffiċjali l‑oħra fil‑knisja fid‑dmirijiet tas‑sejħa tagħhom.
26 U huma jiffurmaw kworum, fejn kull wieħed minnhom għandu l‑istess awtorità li għandhom it‑Tnax‑il xhud speċjali, jew aħjar l‑Appostli, li ssemmew ftit qabel.
27 U kull deċiżjoni li tittieħed minn xi wieħed minn dawn il‑kworums għandha tittieħed permezz ta’ vot unanimu minn dawn l‑istess kworums; jiġifieri li kull membru f’kull kworum jeħtieġ li jaqbel mad‑deċiżjonijiet li jittieħdu, biex id‑deċiżjonijiet tagħhom ikollhom l‑istess effett jew validità bejniethom—
28 Maġġoranza minnhom jistgħu jiffurmaw kworum meta ċ‑ċirkustanzi jagħmluha impossibbli li jsir mod ieħor—
29 Jekk dan mhuwiex il‑każ, huma mhumiex intitolati, permezz tad‑deċiżjonijiet tagħhom, għall‑istess barkiet li kienu intitolati għalihom il‑membri tal‑kworum ta’ tliet presidenti fi żmien il‑qedem permezz tad‑deċiżjonijiet tagħhom, liema membri ġew ordnati skont l‑ordni ta’ Melkisedek, u kienu rġiel ġusti u qaddisa.
30 Id‑deċiżjonijiet ta’ dawn il‑kworums, jew ta’ xi wieħed minnhom, għandhom jittieħdu b’mod ġust, bi qdusija, b’qalb umli u ħelwa, bis‑sabar, bil‑fidi u l‑virtù, b’għerf, bir‑rażan u l‑perseveranza, u b’sens ta’ tjieba, ħbiberija tal‑aħwa, u karità;
31 Għax il‑wegħda hi li jekk huma jkattru dawn il‑kwalitajiet fihom, huma ma jitħallewx bla frott fl‑għarfien tagħhom tal‑Mulej.
32 U f’każ li xi deċiżjoni li tittieħed minn dawn il‑kworums ma titteħidx b’mod ġust, hija titpoġġa quddiem assemblea ġenerali, magħmula minn kworums differenti li jikkostitwixxu l‑awtoritajiet tal‑knisja fuq ħwejjeġ ta’ materja spiritwali; altrimenti ħadd ma jista’ jappella d‑deċiżjoni tagħhom.
33 It‑Tnax huma membri vjaġġaturi ta’ Kunsill Għoli li Jippresedi, li jiffunzjonaw f’isem il‑Mulej, taħt id‑direzzjoni tal‑Presidenza tal‑Knisja, skont l‑istituzzjoni tas‑smewwiet; biex jibnu l‑knisja, u jirregolaw dak kollu li għandu x’jaqsam magħha f’kull ġens, l‑ewwel fost il‑Ġentili u mbagħad fost il‑Lhud.
34 Is‑Sebgħin għandhom jaġixxu f’isem il‑Mulej, taħt id‑direzzjoni tat‑Tnax jew tal‑membri vjaġġaturi tal‑kunsill għoli, fil‑ħidma tagħhom biex jibnu l‑knisja u jirregolaw dak kollu li għandu x’jaqsam magħha f’kull ġens, l‑ewwel fost il‑Ġentili u mbagħad fost il‑Lhud—
35 It‑Tnax, li jħaddnu l‑imfietaħ, qed jintbagħtu biex jiftħu l‑bieb, billi jxandru l‑evanġelju ta’ Ġesù Kristu, l‑ewwel fost il‑Ġentili u mbagħad fost il‑Lhud.
36 Il‑kunsilli għoljin permanenti, fil‑pali ta’ Sijon, jiffurmaw kworum, u fid‑deċiżjonijiet li jieħdu, f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal‑knisja, għandhom l‑istess awtorità daqs il‑kworum tal‑presidenza, jew il‑membri vjaġġaturi tal‑kunsill għoli.
37 Il‑kunsill għoli permanenti f’Sijon, jifforma kworum li għandu l‑istess awtorità, f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal‑knisja, u fid‑deċiżjonijiet kollha tagħhom, daqs il‑kunsilli tat‑Tnax fil‑pali ta’ Sijon.
38 Huwa d‑dmir tal‑membri vjaġġaturi tal‑kunsill għoli li jduru fuq il‑membri tas‑Sebgħin u fuq ħadd aktar, meta jkunu jeħtieġu l‑għajnuna, biex iwettqu d‑diversi sejħiet relatati max‑xandir u l‑amministrazzjoni tal‑evanġelju.
39 Huwa d‑dmir tat‑Tnax, fil‑fergħat il‑kbar kollha tal‑knisja, li jordnaw ministri evanġeliċi, kif jiġi indikat lilhom permezz tar‑rivelazzjoni—
40 L‑ordni ta’ dan is‑saċerdozju, kif ġiet stabbilita, hi li għandu jgħaddi mill‑missier għall‑iben, u bi dritt jappartjeni lil dawk li huma ġejjin litteralment min‑nisel magħżul, li magħhom saru l‑wegħdiet.
41 Din l‑ordni twaqqfet fi żmien Adam, u għaddiet min‑nisel għall‑ieħor b’dan il‑mod:
42 Minn Adam għal Set, li ġie ordnat minn Adam meta kellu disgħa u sittin sena, u ġie mbierek minnu tliet snin qabel miet (Adam), Alla għamel wegħda miegħu permezz ta’ missieru, li n‑nisel tiegħu sejjer ikun in‑nisel magħżul tal‑Mulej, u li huma se jkunu mħarsa sal‑aħħar tad‑dinja;
43 Għaliex huwa (Set) kien bniedem perfett, u kien fula maqsuma ma’ missieru, tant li kien jixbah lil missieru f’kollox, u l‑unika differenza li kien hemm bejniethom kienet biss l‑età.
44 Enos ġie ordnat meta kellu mija u erbgħa u tletin sena u erba’ xhur, permezz ta’ id Adam.
45 Alla sejjaħ lil Kajnan fid‑deżert meta huwa kellu erbgħin sena; u huwa ltaqa’ ma’ Adam hu u sejjer lejn post jismu Sedolamak. Huwa ġie ordnat meta kellu sebgħa u tmenin sena.
46 Maħlalel kellu erba’ mija u sitta u disgħin sena u sebat ijiem meta ġie ordnat permezz ta’ id Adam, li lilu huwa bierek ukoll.
47 Ġared kellu mitejn sena meta ġie ordnat permezz ta’ id Adam, li lilu huwa bierek ukoll.
48 Ħenok kellu ħamsa u għoxrin sena meta ġie ordnat permezz ta’ id Adam; u hu kellu ħamsa u sittin sena meta bierku Adam.
49 U hu ra lill‑Mulej, u huwa mexa sewwa miegħu, u hu kien il‑ħin kollu fil‑preżenza tiegħu; u hu mexa sewwa ma’ Alla għal tliet mija u ħamsa u sittin sena, u dan kien ifisser li hu kellu erba’ mija u tletin sena meta ttieħed.
50 Matusala kellu mitt sena meta ġie ordnat permezz ta’ id Adam.
51 Lamek kellu tnejn u tletin sena meta ġie ordnat permezz ta’ id Set.
52 Noè kellu għaxar snin meta ġie ordnat permezz ta’ id Matusala.
53 Tliet snin qabel miet, Adam sejjaħ lil Set, lil Enos, lil Kajnan, lil Maħlalel, lil Ġared, lil Ħenok, u lil Matusala, li kienu lkoll qassisin il‑kbar, flimkien mal‑kumplament ta’ nislu li kienu nies ġusti, ġewwa l‑wied ta’ Adam‑ondi‑Ahman, u hemmhekk tahom l‑aħħar barka tiegħu.
54 U deherilhom il‑Mulej, u huma qamu bilwieqfa u taw ġieħ lil Adam, u hu sejjaħlu Mikiel, il‑prinċep, l‑arkanġlu.
55 U l‑Mulej sawwab il‑faraġ fuq Adam, u qallu: Jiena lilek għażilt biex tkun tal‑ewwel; minnek se joħorġu bosta ġnus, li tagħhom inti prinċep għal dejjem.
56 U Adam qam bilwieqfa f’nofs il‑ġemgħa kollha; u minkejja li kien milwi minħabba xjuħitu, mimli bl‑Ispirtu s‑Santu beda jbassar dak kollu li kellu jolqot lin‑nisel tiegħu sal‑aħħar ġenerazzjoni.
57 Dan kollu ġie miktub fil‑ktieb ta’ Ħenok, u x‑xhieda ta’ dan se tingħata meta jkun il‑waqt.
58 Huwa wkoll id‑dmir tat‑Tnax li jordnaw u jorganizzaw l‑uffiċjali l‑oħra tal‑knisja, skont ir‑rivelazzjoni li tgħid:
59 Lill‑knisja ta’ Kristu fl‑art ta’ Sijon, flimkien mal‑liġijiet tal‑knisja fejn tidħol il‑ħidma tal‑knisja—
60 Tassew ngħidilkom, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti, jeħtieġ li jkun hemm presbiteri li jippresedu, biex jippresedu fuq dawk li jħaddnu l‑uffiċċju ta’ presbiteru;
61 Kif ukoll qassisin biex jippresedu fuq dawk li jħaddnu l‑uffiċċju ta’ qassis;
62 Kif ukoll għalliema biex jippresedu fuq dawk li jħaddnu l‑uffiċċju ta’ għalliem, bl‑istess mod, u l‑istess id‑djakni—
63 Għalhekk, minn djaknu sa għalliem, u minn għalliem sa qassis, u minn qassis sa presbiteru, kif huma jingħażlu b’mod individwali, skont il‑patti u l‑kmandamenti tal‑knisja.
64 Imbagħad hemm is‑Saċerdozju l‑Kbir, li hu l‑akbar wieħed fosthom.
65 Għalhekk, jeħtieġ li jintgħażel xi ħadd mis‑Saċerdozju l‑Kbir biex jippresedi fuq is‑saċerdozju, li jkun jissejjaħ il‑President tas‑Saċerdozju l‑Kbir tal‑Knisja;
66 Jew, fi kliem ieħor, il‑Qassis il‑Kbir li Jippresedi fuq is‑Saċerdozju l‑Kbir tal‑Knisja.
67 Huwa hu li jamministra l‑ordinanzi u l‑barkiet fuq il‑knisja, permezz tat‑tqegħid tal‑idejn.
68 Għalhekk, l‑uffiċċju ta’ isqof mhuwiex ugwali miegħu; għax l‑uffiċċju ta’ isqof jikkonsisti milli wieħed jamministra f’dak kollu li hu temporali;
69 Madankollu l‑isqof jeħtieġ li jintgħażel minn fost is‑Saċerdozju l‑Kbir, sakemm huwa ma jkunx ġej litteralment min‑nisel ta’ Aron;
70 Għax jekk huwa ma jkunx ġej litteralment min‑nisel ta’ Aron huwa ma jistax iħaddan l‑imfietaħ ta’ dak is‑saċerdozju.
71 Madankollu, wieħed li jkun qassis il‑kbir, jiġifieri li huwa skont l‑ordni ta’ Melkisedek, jista’ jinħatar biex jimministra fi ħwejjeġ temporali, u huwa jikseb għarfien tagħhom permezz tal‑Ispirtu tal‑verità;
72 Kif ukoll biex ikun imħallef f’Iżrael, biex iwettaq il‑ħidma tal‑knisja, biex jagħmel ħaqq mit‑trasgressuri skont ix‑xhieda li titpoġġa quddiemu skont il‑liġijiet, bl‑għajnuna tal‑kunsilliera tiegħu, li huwa jkun għażel, jew li huwa jagħżel, minn fost il‑presbiteri tal‑knisja.
73 Dan huwa d‑dmir tal‑isqof li mhuwiex ġej litteralment min‑nisel ta’ Aron, iżda li ġie ordnat għas‑Saċerdozju l‑Kbir skont l‑ordni ta’ Melkisedek.
74 B’hekk huwa jsir imħallef, sewwasew imħallef komuni fost dawk kollha li jgħammru f’Sijon, jew f’xi wieħed mill‑pali ta’ Sijon, jew f’xi fergħa tal‑knisja fejn huwa jinħatar għal dan il‑ministeru, sakemm il‑fruntieri ta’ Sijon jitwessgħu u jkun hemm il‑ħtieġa li jkun hemm isqfijiet jew imħallfin oħra f’Sijon jew xi mkien ieħor.
75 U la darba jinħatru isqfijiet oħra jeħtieġ li huma jwettqu dmirhom fl‑istess uffiċċju.
76 Iżda min ikun ġej litteralment min‑nisel ta’ Aron għandu dritt bil‑liġi għall‑presidenza ta’ dan is‑saċerdozju, għall‑imfietaħ ta’ dan il‑ministeru, li jwettaq dmiru b’mod indipendenti fl‑uffiċċju ta’ isqof, bla ebda kunsillieri għajr f’każ fejn President tas‑Saċerdozju l‑Kbir skont l‑ordni ta’ Melkisedek jitressaq quddiem il‑qorti, u li jagħmilha ta’ mħallef f’Iżrael.
77 U d‑deċiżjoni ta’ xi wieħed minn dawn il‑kunsilli għandha tittieħed skont il‑kmandament li jgħid:
78 Għal darb’oħra, tassew ngħidilkom li l‑aktar ħidma importanti tal‑knisja, u l‑aktar każijiet diffiċli tal‑knisja, fejn xi ħadd ma jkunx sodisfatt bid‑deċiżjoni tal‑isqof jew tal‑imħallfin, għandhom jgħaddu f’idejn il‑kunsill tal‑knisja, quddiem il‑Presidenza tas‑Saċerdozju l‑Kbir.
79 U l‑Presidenza tal‑kunsill tas‑Saċerdozju l‑Kbir għandu jkollha s‑setgħa li ssejjaħ qassisin il‑kbar oħra, sewwasew tnax, biex jassistu bħala kunsilliera; u b’hekk il‑Presidenza tas‑Saċerdozju l‑Kbir u l‑kunsilliera tagħha jkunu jistgħu jaqtgħu l‑verdett tagħhom skont ix‑xhieda li tingħata skont il‑liġijiet tal‑knisja.
80 U wara li jingħata l‑verdett, il‑każ m’għandux jitressaq aktar quddiem il‑Mulej; għax dan huwa l‑ogħla kunsill tal‑knisja ta’ Alla, li jagħti l‑verdett finali fuq kontroversji ta’ natura spiritwali.
81 M’hawn ħadd li hu parti mill‑knisja li mhuwiex suġġett għal dan il‑kunsill tal‑knisja.
82 U jekk xi President tas‑Saċerdozju l‑Kbir jaqa’ fit‑trasgressjoni, huwa għandu jinġieb biex isir ħaqq minnu quddiem il‑kunsill komuni tal‑knisja, liema kunsill ikun assistit mit‑tnax‑il kunsillier tas‑Saċerdozju l‑Kbir.
83 U l‑verdett tagħhom dwaru għandu jġib fi tmiemha l‑kontroversja relatata miegħu.
84 B’hekk, ħadd mhu eżentat mill‑ġustizzja u l‑liġijiet ta’ Alla, biex kollox iseħħ b’ordni u f’solennità quddiemu, skont il‑verità u s‑sewwa.
85 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, id‑dmir ta’ president li hu fuq l‑uffiċċju ta’ djaknu hu li jippresedi fuq tnax‑il djaknu, li jiltaqa’ magħhom f’kunsill, li jgħallimhom dmirijiethom u li jedifikaw lil xulxin, kif jiġi żvelat lilu skont il‑patti.
86 U d‑dmir ukoll tal‑president li hu fuq l‑uffiċċju tal‑għalliema hu li jippresedi fuq erba’ u għoxrin għalliem, u li jiltaqa’ magħhom f’kunsill, u jgħallimhom id‑dmirijiet tal‑uffiċċju tagħhom, kif indikat fil‑patti.
87 U d‑dmir ukoll tal‑president li hu fuq is‑Saċerdozju ta’ Aron hu li jippresedi fuq tmienja u erbgħin qassis, u li jiltaqa’ magħhom f’kunsill, biex jgħallimhom id‑dmirijiet tal‑uffiċċju tagħhom, kif indikat fil‑patti—
88 Dan il‑president għandu jkun isqof; għax dan huwa wieħed mid‑dmirijiet ta’ dan is‑saċerdozju.
89 U d‑dmir ukoll tal‑president li hu fuq l‑uffiċċju tal‑presbiteri hu li jippresedi fuq sitta u disgħin presbiteru, u li jiltaqa’ magħhom f’kunsill, u jgħallimhom skont il‑patti.
90 Din il‑presidenza hija distinta minn dik tas‑sebgħin, u hija intenzjonata għal dawk li ma jivvjaġġawx mad‑dinja kollha.
91 U d‑dmir ukoll tal‑President tal‑uffiċċju tas‑Saċerdozju l‑Kbir hu li jippresedi fuq il‑knisja kollha, u li jkun jixbah lil Mosè—
92 Araw, hawn qiegħed l‑għerf; iva, li huwa jkun veġġent, rivelatur, traduttur, u profeta, li jkollu d‑doni kollha ta’ Alla, li huwa jsawwab fuq il‑mexxej tal‑knisja.
93 U hija f’konformità mal‑viżjoni li turi l‑ordni tas‑Sebgħin li huma għandu jkollhom seba’ presidenti biex jippresedu fuqhom, li jkunu magħżula minn fost is‑sebgħin;
94 U wieħed minn dawn is‑seba’ presidenti għandu jippresedi fuq is‑sitt presidenti;
95 U dawn is‑seba’ presidenti għandhom jagħżlu sebgħin oħra, minbarra l‑ewwel sebgħin li jagħmlu parti minnhom, u huma għandhom jippresedu fuqhom;
96 U għandhom jagħżlu wkoll sebgħin oħra, sakemm jagħżlu seba’ gruppi ta’ sebgħin, jekk fil‑ħidma ġewwa l‑għalqa ikun hemm il‑ħtieġa għal dan.
97 U dawn is‑sebgħin għandhom ikunu ministri vjaġġaturi, l‑ewwel fost il‑Ġnus u mbagħad fost il‑Lhud.
98 Filwaqt li uffiċjali oħra tal‑knisja, li mhumiex parti mit‑Tnax, u lanqas mis‑Sebgħin, mhux mistenni minnhom li jivvjaġġaw fost il‑ġnus kollha, iżda jivvjaġġaw biss kif jippermettu ċ‑ċirkustanzi tagħkom, minkejja l‑fatt li l‑uffiċċji tagħhom huma wkoll uffiċċji importanti u responsabbli fil‑knisja.
99 Għalhekk, jeħtieġ li kulħadd ikun jaf x’inhu dmiru, u li għandu jwettaq dmiru fl‑uffiċċju li ġie msejjaħ għalih, bir‑reqqa kollha.
100 Min jitnikker ma jitqiesx li huwa denn li jibqa’, u min ma jitgħallimx x’inhu dmiru u ma jurix li huwa denn, ma jiksibx l‑approvazzjoni biex jibqa’. Hekk għandu jkun. Ammen.