Sezzjoni 77
Rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith il‑Profeta, f’Ħiram, Ohio, għall‑ħabta ta’ Marzu, 1832. L‑istorja ta’ Joseph Smith tiddikjara, “B’rabta mat‑traduzzjoni tal‑Iskrittura, jiena ngħatajt l‑ispjegazzjoni li ġejja dwar ir‑ Rivelazzjoni ta’ San Ġwann.”
1–4, Il‑bhejjem għandhom l‑ispirti u għad jgħammru fil‑ferħ ta’ dejjem; 5–7, Din l‑art ilha teżisti 7,000 sena; 8–10, Bosta huma l‑anġli li jimministraw l‑evanġelju u jaqdu fuq l‑art; 11, Is‑siġill tal‑144,000; 12–14, Kristu għandu jiġi fil‑bidu tas‑seba’ elf sena; 15, Se jitqajmu żewġ profeti għall‑ġens Lhudi.
1 M. X’inhu l‑baħar tal‑ħġieġ li tkellem dwaru Ġwanni, fir‑4 kapitlu, u s‑6 vers tal‑Apokalissi?T. Huwa din l‑art, fl‑istat imqaddes, immortali, u etern tagħha.
2 M. X’nifhmu bl‑erba’ bhejjem li huwa tkellem dwarhom fl‑istess vers?T. Huma espressjoni figurattiva li Ġwanni r‑Rivelatur uża biex jiddeskrivi s‑smewwiet, il‑ġenna ta’ Alla, il‑kuntentizza tal‑bniedem u tal‑bhejjem, u tal‑annimali li jitkaxkru, u tal‑għasafar tal‑ajru; dak kollu li huwa esseru spiritwali fi xbieha ta’ dak li hu temporali; u dak li hu temporali fi xbieha ta’ dak li huwa spiritwali; l‑ispirtu tal‑bniedem fi xbieha tad‑dehra fiżika tiegħu, u l‑istess l‑ispirtu tal‑bhima, u ta’ kull ħlejqa oħra li ħoloq Alla.
3 M. L‑erba’ bhejjem jirrappreżentaw biss xi bhejjem individwali, jew jirrappreżentaw ukoll ċerti kategoriji jew livelli differenti?T. Huma jirrappreżentaw erba’ bhejjem individwali, liema bhejjem ġew murija lil Ġwanni, li jirrappreżentaw il‑glorja tal‑kategoriji tal‑esseri fil‑livell jew fl‑isfera tal‑ħolqien allokati lilhom, waqt li huma jgawdu l‑ferħ ta’ dejjem.
4 M. X’nifhmu bl‑għajnejn u l‑ġwienaħ, li kellhom il‑bhejjem?T. Għajnejhom huma rappreżentazzjoni tad‑dawl u l‑għarfien, jiġifieri, huma mimlija bl‑għarfien; u ġwenħajhom huma rappreżentazzjoni tal‑abbiltà tagħhom li jiċċaqalqu, li jaġixxu, u aktar.
5 M. X’nifhmu bl‑erbgħa u għoxrin presbiteru, li tkellem dwarhom Ġwanni?T. Nifhmu li dawn il‑presbiteri li ra Ġwanni kienu presbiteri mill‑aktar fidili fil‑ħidma tal‑ministeru u huma kienu mejta; u kienu jagħmlu parti mis‑seba’ knejjes, u mbagħad huma sabu ruħhom fil‑ġenna ta’ Alla.
6 M. X’nifhmu bil‑ktieb li ra Ġwanni, li kien issiġillat min‑naħa ta’ wara b’seba’ siġilli? T. Nifhmu li fih nsibu r‑rieda, il‑misteri, u l‑ħidma ta’ Alla kif żvelati minnu; il‑ħwejjeġ moħbija tal‑amministrazzjoni tiegħu ta’ din l‑art tul is‑sebat elef sena tal‑eżistenza tagħha, jew aħjar tul l‑eżistenza temporali tagħha.
7 M. X’nifhmu bis‑seba’ siġilli li bih kien issiġillat?T. Nifhmu li l‑ewwel siġill fih dak kollu li għandu x’jaqsam mal‑ewwel elf sena, u t‑tieni l‑istess, dak kollu li għandu x’jaqsam mat‑tieni elf sena, u nibqgħu sejrin hekk sas‑seba’ wieħed.
8 M. X’nifhmu bl‑erba’ anġli, li jissemmew fis‑7 kapitlu u fl‑1 vers tal‑Apokalissi?T. Nifhmu li huma l‑erba’ anġli mibgħuta minn Alla, li lilhom ġiet mogħtija s‑setgħa fuq l‑erba’ naħat tal‑art, biex isalvaw u jeqirdu l‑ħajja; dawn huma dawk li għandhom iwasslu l‑evanġelju ta’ dejjem lil kull ġens, tribù, ilsien u poplu; li għandhom is‑setgħa li jagħlqu s‑smewwiet, li jissiġillaw għall‑ħajja, jew li jixħtu ’l ħżiena fil‑postijiet mudlama.
9 M. X’nifhmu bl‑anġlu tiela’ min‑naħa tal‑lvant, Apokalissi kapitlu 7 vers 2?T. Nifhmu li l‑anġlu tiela’ min‑naħa tal‑lvant huwa dak li lilu ġie mogħti s‑siġill ta’ Alla l‑ħaj fuq it‑tnax‑il tribù ta’ Iżrael; għalhekk, huwa qal lill‑erba’ anġli li għandhom l‑evanġelju ta’ dejjem: Tagħmlulhomx ħsara lill‑art u l‑baħar, anqas lis‑siġar, qabel ma nkunu stampajna s‑siġill fuq ġbin il‑qaddejja ta’ Alla tagħna. U jekk intom lesti li taċċettaw dan, kunu afu li ismu huwa Elijas li kellu jiġi biex jiġbor flimkien lit‑tribujiet ta’ Iżrael u jirrestawra kull ħaġa.
10 M. F’liema żmien se jiġu fis‑seħħ il‑ħwejjeġ li jissemmew f’dan il‑kapitlu ?T. Huma se jiġu fis‑seħħ fis‑sitt elf sena, jew aħjar fil‑bidu tas‑sitt siġill.
11 M. X’nifhmu bl‑issiġillar tal‑mija u erbgħa u erbgħin elf, minn fost it‑tribujiet kollha ta’ Iżrael—tnax‑il elf minn kull tribù?T. Nifhmu li dawk li huma ssiġillati huma qassisin il‑kbar, ordnati għall‑ordni mqaddsa ta’ Alla, biex jamministraw l‑evanġelju ta’ dejjem; għax dawn huma dawk li ġew ordnati minn fost kull ġens, tribù, ilsien u poplu, permezz tal‑anġli li ngħataw is‑setgħa fuq il‑ġnus tal‑art, biex iressqu lejn il‑knisja tal‑Iben il‑Kbir lil dawk kollha li lesti jersqu lejha.
12 M. X’nifhmu bid‑daqq tat‑trombi, li naqraw dwaru fit‑8 kapitlu tal‑Apokalissi?T. Nifhmu li hekk kif Alla għamel id‑dinja f’sitt ijiem u fis‑seba’ jum huwa temm il‑ħidma tiegħu, u qaddisha, u huwa fforma wkoll il‑bniedem mit‑trab tal‑art, hekk ukoll, fil‑bidu tas‑seba’ elf sena, il‑Mulej Alla sejjer iqaddes l‑art, u se jġib fis‑seħħ is‑salvazzjoni tal‑bniedem, u sejjer jagħmel ħaqq minn kull ħaġa, u huwa se jifdi kull ħaġa, għajr dak li ma rax li jkun taħt is‑setgħa tiegħu, meta huwa jkun issiġilla kollox għat‑twettiq ta’ kull ħaġa; u d‑daqq tat‑trombi tas‑seba’ anġli huwa t‑tħejjija u twettiq tal‑ħidma tiegħu, fil‑bidu tas‑seba’ elf sena—it‑tħejjija tat‑triq qabel il‑mument tal‑miġja tiegħu.
13 M. Meta se jiġu fis‑seħħ il‑ħwejjeġ li jissemmew fid‑9 kapitlu tal‑Apokalissi?T. Huma għandhom jiġu fis‑seħħ wara l‑ftuħ tas‑seba’ siġill, qabel il‑miġja ta’ Kristu.
14 M. X’nifhmu bil‑ktejjeb li kiel Ġwanni, kif naqraw fl‑10 kapitlu tal‑Apokalissi?T. Nifhmu li kien missjoni u ordinanza biex huwa jiġbor flimkien it‑tribujiet ta’ Iżrael; araw, hu, fil‑fatt, huwa Elijas, li, kif hemm miktub, għandu jiġi u jirrestawra kull ħaġa.
15 M. X’nifhmu biż‑żewġ xhieda, li jissemmew f’kapitlu ħdax tal‑Apokalissi?T. Dawn huma żewġ profeti li se jitqajmu għall‑ġens Lhudi fl‑aħħar żminijiet, fi żmien ir‑restawrazzjoni, li sejrin iħabbru lil‑Lhud wara li huma jinġabru flimkien u jibnu l‑belt ta’ Ġerusalemm fl‑art ta’ missirijiethom.