Sezzjoni 83
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, f’Independence, Missouri, f’April, 1832. Din ir‑rivelazzjoni ngħatat hekk kif il‑Profeta kien bilqiegħda fil‑kunsill flimkien ma’ ħutu.
1–4, In‑nisa u l‑ulied jistennew bi dritt li jkunu żwieġhom u missirijiethom li jipprovdulhom ħtiġijiethom; 5–6, Ir‑romol u l‑orfni jistennew bi dritt li tkun il‑Knisja li tipprovdilhom ħtiġijiethom.
1 Bħala żieda mal‑liġijiet tal‑Knisja, dan hu sewwasew dak li jgħid il‑Mulej, b’relazzjoni man‑nisa u t‑tfal li jagħmlu parti mill‑knisja, u li tilfu lil żwieġhom jew lil missirijiethom:
2 In‑nisa jistennew bi dritt li jkunu żwieġhom li jipprovdulhom ħtiġijiethom, sakemm żwieġhom iħallu din id‑dinja; u jekk ma jinstabx li huma waqgħu fit‑trasgressjoni, huma għandhom jibqgħu jgawdu mill‑privileġġi kollha bħala membri tal‑knisja.
3 U jekk huma ma jibqgħux fidili huma ma jistgħux jibqgħu jgawdu mill‑privileġġi kollha bħala membri tal‑knisja; madankollu huma jistgħu jibqgħu jgawdu mis‑sehem li jingħatalhom skont il‑liġijiet tal‑pajjiż.
4 L‑ulied kollha jistennew bi dritt li jkunu l‑ġenituri tagħhom li jipprovdulhom ħtiġijiethom sakemm huma jilħqu l‑età.
5 U wara li jilħqu l‑età, huma jistennew bi dritt li jingħataw l‑għajnuna mill‑Knisja, jew fi kliem ieħor mill‑maħżen tal‑Mulej, jekk il‑ġenituri tagħhom ma jkollhomx mezz kif jipprovdulhom sehemhom.
6 U l‑maħżen għandu jibqa’ għaddej bis‑saħħa tal‑konsagrazzjoni tal‑knisja; u r‑romol u l‑orfni għandhom jingħataw is‑sapport, u l‑istess il‑foqra. Ammen.