Sezzjoni 103
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar l-24 ta’ Frar, 1834. Din ir-rivelazzjoni ngħatat fl-istess jum li fih waslu ġewwa Kirtland, Ohio, Parley P. Pratt u Lyman Wight, li ġew minn Missouri biex jikkonsultaw mal-Profeta dwar is-solliev u r-restawrazzjoni tal-Qaddisin fl-artijiet tagħhom ġewwa l-Kontea ta’ Jackson.
1–4, Għalfejn il-Mulej ippermetta li l-Qaddisin fil-Kontea ta’ Jackson jiġu ppersegwitati; 5–10, Il-Qaddisin għad jegħlbu l-isfidi tagħhom jekk huma jħarsu l-kmandamenti; 11–20, Il-fidwa ta’ Sijon se tiġi fis-seħħ permezz tal-forza, u l-Mulej se jkun qed imexxi lill-poplu tiegħu; 21–28, Il-Qaddisin għandhom jinġabru f’Sijon, u min jagħti ħajtu għad isibha; 29–40, Ħafna mill-aħwa jiġu msejħa biex jorganizzaw il-Kamp ta’ Sijon u biex imorru ġewwa Sijon; jiġu mwiegħda li huma għad joħorġu rebbieħa jekk jibqgħu fidili.
1 Tassew ngħidilkom, ħbieb tiegħi, araw, jiena se nagħtikom rivelazzjoni u kmandament, biex intom tkunu tafu kif għandkom taġixxu fit-twettiq ta’ dmirijietkom b’relazzjoni mas-salvazzjoni u l-fidwa ta’ ħutkom, li spiċċaw imxerrdin mal-art ta’ Sijon;
2 Fejn huma ġew mġiegħla jaħarbu u spiċċaw imsawta mill-għedewwa tiegħi, li fuqhom jiena se nsawwab il-korla tiegħi bla qjies meta nħoss li jkun il-waqt.
3 Għax jiena bqajt nissapportihom sa issa, ħalli jkunu jistgħu jilħqu l-milja ta’ ħżunithom, biex b’hekk il-kalċi tagħhom ikun jista’ jimtela’ sax-xifer;
4 U biex dawk li jissejħu b’ismi jkunu jistgħu jiġu kkastigati għal ftit żmien b’kastig kbir u iebes, għaliex huma ma obdewx bi sħiħ il-preċetti u l-kmandamenti li jiena tajthom.
5 Iżda tassew ngħidilkom, li jiena ħabbart digriet li n-nies tiegħi għandhom jilqgħu jekk minn issa stess huma jagħtu widen għall-parir li jien, il-Mulej Alla tagħhom, sejjer nagħtihom.
6 Araw, minn issa stess huma għandhom jibdew jirbħu lill-għedewwa tiegħi, u dan hu d-digriet li jien ħabbart.
7 U jekk huma jaraw li josservaw il-kliem kollu li jien, il-Mulej Alla tagħhom, sejjer ngħidilhom, huma ma jonqsu qatt li jkunu rebbieħa, sal-jum meta s-saltniet tad-dinja jitrażżnu taħt riġlejja, u l-art tingħata lill-qaddisin, biex tagħhom tkun għal dejjem ta’ dejjem.
8 Iżda jekk huma ma jħarsux il-kmandamenti tiegħi, u ma jarawx li josservaw il-kliem kollu tiegħi, is-saltniet tad-dinja jispiċċaw jegħlbuhom.
9 Għax kien mistenni minnhom li huma jkunu ta’ dawl għad-dinja, kif ukoll salvaturi tal-bnedmin;
10 U jekk huma mhumiex salvaturi tal-bnedmin, huma sewwasew bħall-melħ li qata’, u b’hekk mhuwa tajjeb għal xejn ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies.
11 Iżda tassew ngħidilkom, jiena ħabbart li ħutkom, li spiċċaw imferrxin, sejrin jerġgħu lura fl-artijiet ta’ wirthom, u huma sejrin jibnu l-ħrieb kollha ta’ Sijon.
12 Għax kif għidtilkom fil-kmandament ta’ qabel, wara daqstant tbatija tasal il-barka.
13 Araw, din hi l-barka li jiena wegħidt li se tingħataw wara t-tbatija li intom kif ukoll ħutkom sejrin tesperjenzaw—il-fidwa tagħkom, u l-fidwa ta’ ħutkom, sewwasew ir-restawrazzjoni tagħhom fl-art ta’ Sijon, li għandha tiġi mwaqqfa biex qatt aktar ma tiġi megħluba.
14 Madankollu, jekk huma jniġġsu wirthom huma jisfaw megħluba; għax jiena ma neħlisha lil ħadd minnhom, jekk huma jniġġsu wirthom.
15 Araw, jien ngħidilkom li l-fidwa ta’ Sijon jeħtieġ li tiġi fis-seħħ permezz tal-forza;
16 Għalhekk, jiena sejjer inqajjem raġel fost il-poplu tiegħi, li lilhom sejjer imexxi kif Mosè mexxa lil ulied Iżrael.
17 Għax intom ulied Iżrael, u intom ġejjin min-nisel ta’ Abraham, u jeħtieġ li titmexxew lil hinn mill-jasar bil-forza, u permezz tad-driegħ merfugħ.
18 U kif missirijietkom ġew immexxija l-ewwel darba, bl-istess mod se tiġi fis-seħħ il-fidwa ta’ Sijon.
19 Għalhekk, la taqtgħux qalbkom, għax jiena m’iniex se ngħidilkom dak li għidt lil missirijietkom: Se jkun anġlu tiegħi li se jkun qed imexxikom, mhux se nkun jiena.
20 Iżda lilkom ngħidilkom: L-anġli tiegħi se jkunu qed imexxukom, imma l-istess jiena, u maż-żmien intom se tieħdu f’idejkom l-art fertili.
21 Tassew, tassew, ngħidilkom, li l-qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., huwa r-raġel li jiena xebbaħt mal-qaddej li lilu kellem Sid il-għalqa fil-parabbola li rrakkontajtilkom.
22 Għalhekk, jeħtieġ li l-qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., jgħid lill-forza ta’ dari, lill-ġuvintur u ’l dawk ta’ mezza età—Inġabru flimkien fl-art ta’ Sijon, fuq l-art li jiena xtrajt bil-flus li ġew kkonsagrati lili.
23 U jeħtieġ li l-knejjes kollha jibagħtu l-irġiel għorrief tagħhom bi flushom, u jixtru l-artijiet kif ordnajtilhom jien.
24 U jekk l-għedewwa tiegħi jiġu biex jeħduha kontrikom ħalli jkeċċukom mill-art fertili tiegħi, liema art ikkonsagrajtha biex tkun l-art ta’ Sijon, iva, jiġu biex ikeċċukom minn artijietkom, wara x-xhieda kontrihom li intom qsamtu miegħi, araw li tisħtuhom;
25 U lil min tisħtu, jiena nisħet, u araw li tagħmlu ħaqq mill-għedewwa tiegħi.
26 U jiena nkun magħkom meta intom tagħmlu ħaqq mill-għedewwa tiegħi, sat-tielet u r-raba’ ġenerazzjoni ta’ dawk li jobogħduni.
27 Araw li ħadd ma jibża’ jagħti ħajtu għalija; għax min jagħti ħajtu għalija għad isibha mill-ġdid.
28 U min mhuwiex lest li jagħti ħajtu għalija mhuwiex dixxiplu tiegħi.
29 Hija r-rieda tiegħi li l-qaddej tiegħi Sidney Rigdon isemma’ leħnu fil-kongregazzjonijiet fl-inħawi tal-lvant, biex huwa jħejji l-knejjes ħalli huma jħarsu l-kmandamenti li jiena tajthom fejn tidħol ir-restawrazzjoni u l-fidwa ta’ Sijon.
30 Hija r-rieda tiegħi li l-qaddej tiegħi Parley P. Pratt u l-qaddej tiegħi Lyman Wight ma jerġgħux lura fl-art ta’ ħuthom qabel ma l-ewwel jaraw li jorganizzaw grupp ta’ nies biex jitilgħu fl-art ta’ Sijon, b’xi wħud minnhom fi gruppi ta’ għaxra, jew għoxrin, jew ħamsin, jew mija, sakemm ilaħħqu l-ħames mija, minn fost il-forza ta’ dari.
31 Araw, din hi r-rieda tiegħi; itolbu u taqilgħu; iżda n-nies mhux dejjem jagħmlu r-rieda tiegħi.
32 Għalhekk, jekk ma jirnexxilkomx tiġbru ħames mija, araw li jekk jista’ jkun tiġbru tliet mija.
33 U jekk ma jirnexxilkomx tiġbru tliet mija, araw li jekk jista’ jkun tiġbru mija.
34 Iżda tassew ngħidilkom, jiena nordnalkom biex ma titilgħux fl-art ta’ Sijon qabel ma tiġbru flimkien mitt raġel mill-forza ta’ dari, biex jitilgħu magħkom fl-art ta’ Sijon.
35 Għalhekk, kif diġà għidtilkom, itolbu u taqilgħu; itolbu bil-ħerqa biex, jekk jista’ jkun, il-qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun. ikun jista’ jiġi magħkom, u jkun hu li jippresedi f’nofs il-poplu tiegħi, u jorganizza s-saltna tiegħi fuq l-art ikkonsagrata, u jara li wlied Sijon ikunu sostnuti permezz tal-liġijiet u l-kmandamenti li ngħataw u li se jingħataw lilkom.
36 Intom għad tkunu għal dejjem rebbieħa u għad tiksbu kull glorja permezz tad-diliġenza, tal-fedeltà, u tat-talb ta’ fidi tagħkom.
37 Jeħtieġ li l-qaddej tiegħi Parley P. Pratt jitlaq minn hawn flimkien mal-qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun.
38 Jeħtieġ li l-qaddej tiegħi Lyman Wight jitlaq minn hawn flimkien mal-qaddej tiegħi Sidney Rigdon.
39 Jeħtieġ li l-qaddej tiegħi Hyrum Smith jitlaq minn hawn flimkien mal-qaddej tiegħi Frederick G. Williams.
40 Jeħtieġ li l-qaddej tiegħi Orson Hyde jitlaq minn hawn flimkien mal-qaddej tiegħi Orson Pratt, u jmorru flimkien fejn jgħidilhom il-qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., u jaraw li jwettqu l-kmandamenti li jiena tajtkom, u l-kumplament ħalluh f’idejja. Hekk għandu jkun. Ammen.