Skrittura
Duttrina u Patti 62


Sezzjoni 62

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il‑Profeta, max‑xatt tax‑Xmara Missouri, f’Chariton, Missouri, nhar it‑13 ta’ Awwissu, 1831. F’dan il‑jum, il‑Profeta u dawk li kienu miegħu, li kienu fi triqithom minn Independence għal Kirtland, iltaqgħu ma’ diversi presbiteri li kienu fi triqithom lejn l‑art ta’ Sijon, u wara li sellmu lil xulxin b’ferħ, irċevew din ir‑rivelazzjoni.

1–3, It‑testimonjanzi huma ddokumentati fis‑smewwiet; 4–9, Il‑presbiteri għandhom jitilqu għal għonq it‑triq u jmorru jxandru skont il‑ġudizzju tagħhom u kif jiġu mmexxija mill‑Ispirtu.

Araw, u agħtu widen, O presbiteri tal‑knisja tiegħi, jgħid il‑Mulej Alla tagħkom, l‑istess Ġesù Kristu, l‑avukat tagħkom, li jaf id‑dgħufija tal‑bniedem u jaf kif jgħin lil dawk li huma fit‑tiġrib.

U tassew li għajnejja jinsabu fuq dawk li sa issa għadhom ma telgħux lejn l‑art ta’ Sijon; għalhekk il‑missjoni tagħkom għadha mhux kompluta.

Madankollu, henjin intom, għax it‑testimonjanza li intom tajtu hija ddokumentata fis‑smewwiet biex jifluha l‑anġli; u huma jifirħu minħabba fikom, u dnubietkom ikunu maħfura.

U issa komplu fi triqtkom. Morru nġabru flimkien fl‑art ta’ Sijon; u agħmlu laqgħa biex flimkien tifirħu, u offru s‑sagrament lil Alla l‑Għoli.

U mbagħad tistgħu terġgħu lura biex taqsmu x‑xhieda tagħkom, iva, jew ilkoll flimkien jew tnejn tnejn, kif tħossu li hu l‑aħjar, għalija xorta; araw biss li tibqgħu fidili, u xxandru l‑bxara t‑tajba lil dawk li jgħammru fuq l‑art, jew fost il‑kongregazzjonijiet tal‑ħżiena.

Araw, jien, il‑Mulej, ġbartkom flimkien biex tkun tista’ tiġi fis‑seħħ il‑wegħda, li l‑fidili fostkom għandhom jiġu mħarsa u għandhom jithennew flimkien fl‑art ta’ Missouri. Jien, il‑Mulej, nagħmel wegħda mal‑fidili u jiena ma ngħidx kelma b’oħra.

Jien, il‑Mulej, lest, jekk xi ħadd fostkom jixtieq jirkeb iż‑żwiemel, jew il‑bgħula, jew il‑karrijiet, li lilu nagħti din il‑barka, jekk huwa jinsab lest li jirċeviha minn id il‑Mulej b’qalb mimlija gratitudni f’kull ħaġa.

Jien se nħalli dawn il‑ħwejjeġ f’idejkom biex intom tagħmlu skont il‑ġudizzju tagħkom u kif tiġu mmexxija mill‑Ispirtu.

Araw, is‑saltna f’idejkom. U araw, jiena ninsab dejjem ma’ min hu fidil lejja. Hekk għandu jkun. Ammen.